Il-Kelma tal-Arċipriet - Settembru 2015

Hawn Post Għalik!

Waqt l-omelija li Papa Franġisku għamel fit-13 ta’ Marzu 2015 nieda s-sena tal-Ħniena. Huwa beda billi qal “Għeżież ħuti, spiss ħsibt fuq kif il-knisja tista’ tagħmel iżjed evidenti l-missjoni tagħha ta’ xhud tal-ħniena. Hi mixja li titlaq minn konverżjoni spiritwali; u jeħtieġ nagħmluha din il-mixja.  Għalhekk iddeċidejt li nsejjaħ Ġublew straordinarju li jkollu fil-qalba tiegħu l-ħniena ta’ Alla.”  Huwa kompla jgħid li din is-sena se tiftaħ fis-solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, biex “ma ninsewx li Alla kollox jaħfer, u Alla dejjem jaħfer. m’għandniex negħjew nitolbu maħfra, filwaqt li għandna nafdaw din is-Sena f’idejn Ommna Marija, Omm il-Ħniena, biex tixħet ħarsitha fuqna u tħares il-mixja tagħna: il-mixja penitenzjali tagħna, il-mixja tagħna b’qalb miftuħa, matul is-sena, biex nirċievu l-maħfra ta’ Alla, biex nirċievu l-ħniena ta’ Alla”. 
Hekk jagħlaq l-omelija tiegħu l-Papa biex iwassal il-messaġġ tiegħu li Alla tagħna huwa Alla tal-imħabba. Alla tal- ħniena. Alla li jħares lejn il-wiċċ ta’ kull wieħed u waħda minna biex jara fina x-xbieha tiegħu.
Għeżież, se nerġgħu nibdew is-Sibtijiet tal-Kunċizzjoni u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-festa tagħna - Marija Immakulata.  Din is-sena se jkollna aktar x’niffesteġġjaw - il-Ħniena li wera Alla mal-bniedem permezz ta’ Marija u li Marija stess hija Omm din l-istess ħniena.
Fil-prattika kif irridu ngħixu dan il-virtù tal-ħniena.  San Tumas t’Akwinu fil-kitba tiegħu Summa Theologiae jgħidilna li l-ħniena hija l-kompassjoni li wieħed iħoss f’qalbu għall-miżerja  tal-persuna l-oħra, liema kompassjoni ġġagħalna nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinu lil ħaddieħor.  Dan kif se ngħixuh:

  • Inħarsu lejn il-persuna l-oħra bħala mezz biex inwasslulha l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.
  • Ma naqgħux fl-iżball ikrah tat-tixwix, nivvintaw qlajjiet, ngħidu fuq in-nies.
  • Inkunu prudenti f’għemilna.
  • Ma ngħaġġlux biex niġġudikaw.
  • Ma naħsbux li x-xemx telgħet magħna.
  • Ma nkunux wiċċ b’ieħor.
  • Ma nitgħażżnux, iżda fejn ikun meħtieġ immiddu jdejna.
  • Nippruvaw naħfru lil min hu ħati għalina.
  • Nersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar, għall-inqas darba fix-xahar.
  • Nikbru aktar fit-talb u fl-imħabba lejn Alla u lejn xulxin.

Nittama li din is-sena li l-Papa qiegħed iħeġġiġna biex ngħixuha bis-serjetà, tkun ta’ ġid spiritwali għalina b’mod personali, iżda wkoll tgħinna ninbnew aħjar bħala komunità nisranija li togħġob lil Alla u lil Ommna Marija.

 

Fr. Reuben
Arċipriet