Il-Kelma tal-Arċipriet - Awwissu 2016

Din il-Kelma ngħidha jew le?

Għeżież illum xtaqt naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar tema partikolari ħafna għan-nisrani.  Il-ħidma tagħna flimkien fil-komunitajiet parrokkjali tagħna u dak li skont il-fehma tiegħi ikisser il-bini u l-andament san tagħhom. 

Min jaħdem fl-għalqa tal-Mulej ma jistax jaħdem jew jaqdef għal rasu.  Irid jaħdem bħala familja. Min jagħti sehmu fil-familji parrokkjali tagħna ma jistax jimxi għal riħu.  Ma jistax jagħmel li jfettillu.  Minn jaħdem fl-għalqa tal-Mulej irid jaħdem bhall-ewwel appostli, hekk kif insibu fl-Atti tal-Appostli li mill-ewwel kienu jaqsmu bil-ferħ l-esperjenza tal-Mulej mal-oħrajn. 

Kemm drabi, fil-parroċċi jkun hemm diversi li jaħdmu, iżda kultant sforz id-dgħufija umana nkunu rridu n-niċċa tagħna.  Din hija weġgħa kbira fil-qalb tal-Knisja, fil-qalb tal-komunitajiet tagħna, għaliex tmur kontra l-prinċipju evanġeliku tad-dixxipulat.  X’ jiġifieri tkun parti minn komunità, imbagħad ikollok dik l-għalqa tiegħek biss u ħadd ma jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu.  Ħadd ma jista’ jirfisha.  Huwa minnu li għandu jkun hemm responsabiltajiet imqassma, iżda li jkun hemm pussessività, qatt ma għandu jkun hekk. Għax inkella l-pjan ma jibqax ta’ Alla, iżda jiġi l-pjan tiegħi. Minflok nagħmel bħal Ġwanni l-Battista, jeħtieġ li niċkien jien, biex jikber hu.  Ma nħalli lil ħadd jaħdem miegħi. Ma nħallix l-imħabba li twassal għand Ġesù tmexxini. 

Ħafna drabi dan iseħħ minħabba nuqqas ta’ fidi, kif ukoll għaliex l-għan tal-ħidma ma tkunx ċara f’ moħħ u f’qalb il-persuna.  Infatti, ħafna drabi r-riżultat ta’ dan l-atteġġjament ħażin huwa t-tixwix.  Kemm drabi l-ambjenti tal-Knisja jkunu dominati mit-tixwix.  Papa Franġisku fit-2 ta’ Frar 2016, fir-riflessjoni li għamel fil-quddiesa li jqaddes fil-kappella ta’ Santa Marta isejjaħ it-tixwix bħala attakk terroristiku, li titfa’ ħafna kliem bl-addoċċ fuq persuna u titlaq ‘l hemm u tħalli ħerba warajk.

U kemm tbatijiet iġibu dawn l-atteġġjament li jmorru għal kollox kontra d-dixxipolat innifsu, kontra li nkun nisrani. Ma nindunax li l-’Jien’ ikun qed jiddomina l-atteġġjamenti ta’ ħajti. Kemm familji parrokkjali, kemm għaqdiet, kemm ħidmiet pastorali, tkissru, minħabba dan it-tip ta’ egoiżmu.  Dan iġib miegħu ħafna weġgħat u tbatija bla bżonn!
Kulħadd irid jieħu responsabiltà ta’ kliemu u ta’ għemilu. Kulħadd illum jew għada jrid jagħti kont lil Alla.

 

 

Fr. Reuben
Arċipriet