Il-Kelma tal-Arċipriet - Diċembru 2016

Itolbu Għalija

 Ħasadni l-Arċisqof meta talabni biex naqdi l-missjoni tiegħI ta’ saċerdot fil-parroċċa fejn trabbejt – Bormla. Qed inkun fostkom bħala Arċipriet propju fl-isbaħ żmien ta’ Bormla – il-Festa ta’ Ommna Marija Immakulata.
Ħsieb wieħed ġieni. Tant ħadt minn belt twelidi. Jiena u nikber tant kien hemm nies li kkoreġewni u ġibduli l-attenzjoni. Kieku llum m’inix fejn qiegħed. Tant nies li meta nħares lura nirringrazzja lil Alla li kelli ċ-ċans li nitgħallem minn għandhom. Grazzi lil Alla.
Imma mhux nies biss. Ma nistax ma nsemmix lil Ommna l-Bormliżi – Marija Immakulata. Ma nafx għaliex imma meta tasal il-Festa tal-Kunċizzjoni dejjem tiġri xi ħaġa speċjali f’ħajti. Kien qrib il-Festa tal-Kunċizzjoni li ħassejt fija l-ewwel darba is-sejħa li nsir saċerdot. Kien qrib il-Festa tal-Kunċizzjoni ta’ diversi snin wara li mbagħad iddeċidejt finalment li nsir saċerdot. U issa, qrib il-Festa tal-Kunċizzjoni qed inħossha ssejjaħli biex naqdi lilkom, il-Poplu ta’ Alla tal-Belt tal-Immakulata, Bormla pajjiżi.
F’qalbi ħaġa waħda hemm – talba lill-Madonna. Nitlobha biex tgħinni u biex niftakar li intom m’intomx tiegħi imma ta’ binha Ġesu’. Nitlobha biex ittini l-kuraġġ li nwassal il-Kelma u r-Rieda ta’ Alla lilkom, ħuti Bormliżi. Dan hu x-xogħol prinċipali tiegħi u dmiri ġo Bormla u ħażin għalija jekk naħseb li hu xi ħaġa differenti.
Nitlob lill-Madonna biex tgħinna nkunu ħaġa waħda bejnietna u niġbdu ħabel wieħed. L-insara miġġildin u mpikati bejniethom ma jeżistux. Dak ikun tejatrin u paganiżmu. Mhux vera hemm il-Fidi.
Nitlob lill-Madonna biex kif kienet mal-Appostli fiċ-Ċenaklu waqt li niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu, hekk ukoll tkun miegħi biex l-Ispirtu s-Santu jilluminani fl-azzjonijiet pastorali u deċiżjonijiet li nieħu.
U intom, ħuti Bormliżi, itolbu għalija għax ix-xogħol narah kbir u t-toqol narah iebes.
Itolbu għalija biex inkun qaddis għax inkella ma nkunx nista’ nwasslilkom lil Ġesu’.

 

Dun Anton

Arċipriet