Il-Kelma tal-Arċipriet - Frar 2016

Erġajna se nibdew ir-Randan

Ir-Randan huwa mixja ta’ purifikazzjoni u ta’ penitenza.  Din il-mixja trid twassal lill-persuna lejn l-idejn kollha ħniena tal-Missier. 

Fl-ewwel jum tar-Randan, li din is-sena jaħbat fl-10 ta’ Frar, niċċelebraw il-funzjoni tal-irmied fejn is-saċerdot jgħid, filwaqt li jpoġġi l-irmied fuq ras il-penitent: trab kont u trab terġà ssir.  Dan jgħidu biex niftakru li aħna persuni limitati u li għandna bżonn il-konverżjoni.  Kemm hu importanti li propju f’din is-sena niftakru li aħna għandna bżonn kontinwament il-ħniena ta’ Alla.

Fil-ktieb tal-profeta Ġoel (Ġo 2: 12-18) insibu li l-qassissin bdew jibku fit-talb biex Alla jħenn għalihom.  Iva, jibku għaliex tassew jiddispjaċihom tad-dnub u li fl-istess waqt jafu u jesperjenzaw il-ħniena u l-imħabba ta’ Alla. 

F’dawn l-erbgħin jum irridu nagħmlu l-almu tagħna biex nersqu lejn Alla u propju għalhekk il-Knisja tpoġġilna quddiemna l-għodda tat-talb, tas-sawm u tal-karità.  Magħhom nistgħu norbtu wkoll l-għajnuna tat-tagħlim li jingħata fl-eżerċizzi li jkollna organizzati fil-parroċċi tagħna kollha. 

Ejjew inħarsu lejn is-salib ta’ Kristu u nħalluh jagħtina l-imħabba tiegħu.  Ejjew is-salib ta’ Kristu nagħmluh il-post fejn il-fraġilità tal-Jien jiltaqà mal-immensità u l-glorja ta’ Alla.

Ejjew inħallu s-salib ikun is-simbolu ħaj tat-tama ta’ kull nisrani li għaddej mit-tbatija, li għaddej min-niket, li għaddej mill-konfużjoni ta’ ħajja li kontinwament timbotta lejn l-individwaliżmu u mhux lejn l-għaqda.

Ieqaf matul dan ir-Randan.  Aħseb matul dan ir-Randan.  Iddeċiedi matul dan ir-Randan

Fr. Reuben
Arċipriet