Il-Kelma tal-Arċipriet - Ġunju 2016

In-Nuqqas ta’ Saċerdoti
Ma tridx tkun għaref wisq biex tinduna li issa qed jinħass sew in-nuqqas ta’ Saċerdoti anke f’pajjiżna.  Veru li jekk inqabblu ma’ pajjiżi oħra Ewropej, m’aħniex f’sitwazzjoni daqshekk ħażina.  Imma jekk inqabblu mal-passat naraw li hemm tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ saċerdoti anke fil-Parroċċa tagħna stess.  Meta jien bdejt bħala Arċipriet fil-parroċċa tagħna kważi erba’ snin ilu, kienu diversi li qaluli dwar kemm jiftakru żminijiet differenti.  Fejn kien hawn aktar saċerdoti u dan propju ftit taż-żmien ilu.    Dan in-nuqqas ġegħelna nieħdu ċerti deċiżjonijiet, fosthom li neħħejna ċerti funzjonijiet li kienu jsiru fil-Knisja ta’ San Pawl, bħalma huma ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka u tal-Ġimgħa l-Kbira. Bdejna t-tberik f’ Jannar sabiex illaħħqu nduru kull familja.  Kif ukoll frixnieh sabiex ikollna aktar ħin għall-familji.  Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu milqgħuha mill-maġġoranza tal-parruċċani li fehmu li dawn ma kinux deċiżjonijiet kapriċċużi iżda deċiżjonijiet ta’ bżonn. 

Iżda dan in-nuqqas ta’ Saċerdoti huwa wkoll opportunità sabiex kull mgħammed tal-Parroċċa jinduna iktar x’inhi s-sejħa tiegħu, jiġifieri li huwa wkoll għandu responsabbiltà fit-tmexxija tal-Parroċċa tagħna.  Nirringrazzja lil Alla li għandna diversi voluntiera fil-parroċċa tagħna.  Nirringrazzja lil Alla li dawn jaħdmu b’ħafna dedikazzjoni.

Nixtieq  però li kulħadd iħoss il-ħtieġa li jerfa’ l-piż tar-responsabbiltà u ma nistennewx il-ħin kollu l-preżenza tas-saċerdot f’kull ħidma li ssir fil-Parroċċa.  Meta xi ħadd huwa afdat b’xi ħidma, għandu jżomm kuntatt magħna, iżda għandu jkun lest ukoll li jaħdem b’ċerta inizjattiva.  Jeħtieġ ukoll li naħdmu iktar flimkien u ma gruppi oħra.  Nixtieq ukoll li nieħdu iktar interess f’dak li jkun qed jagħmel ħaddieħor u mhux jimpurtana fil-grupp jew ħidma tagħna biss.  Nixtieq ukoll li nifhmu li l-ħidma fil-parroċċa hija servizz ta’ mħabba fejn ikun meħtieġ u għandha tkun biss motivata minn fidi fi Kristu.  Jekk inwarrbu dan inkunu qegħdin nitilfu l-iskop ta’ kollox.

Fid-dawl ta’ dan kollu, inħeġġeġ iktar persuni li joffru s-servizz tagħhom lejn il-komunità parrokkjali tagħna.  M’hemmx għalfejn inkunu xi esperti.  Jeħtieġ biss li nkunu motivati biss minn xewqa kbira li nkunu ta’ servizz lejn l-oħrajn u nkunu lesti li naħdmu bil-ferħ ma ħaddieħor meta nkunu mitluba biex nagħmlu xi ħidma.

 

Fr. Reuben
Arċipriet