Il-Kelma tal-Arċipriet - Jannar 2016

Fl-Angelus li Papa Franġisku għamel f’Novembru li għadda jgħid illi Marija hija fiċ-Ċentru tal-komunjoni tal-qaddisin.  Dan għaliex Marija hija dik li twassalna lejn binha Ġesù u li għarfet x’għandha tagħmel biex twettaq ir-rieda ta’ Alla. Hi li sa mill-bidu nett esperjenzat il-Ħniena gratwita ta’ Alla.

Ninsabu fil-bidu ta’sena ġdida. Sena illi l-Knisja qed tpoġġilna din l-opportunità biex nidħlu aktar fil-fond tal-Ħniena ta’ Alla, permezz ta’ Marija li sa mill-bidu nett tal-ħolqien tagħha kienet mimlija bil-ħniena ta’ Alla.

Għalhekk matul din is-sena nissuġġerixxi;

i. Itlob aktar ta’ spiss u bil-qalb it-talba tar-rużarju. Iġbor il-familja flimkien.  M’hijiex talba antikwata jew bla sens.  Hija talba Biblika.  Idħol fil-misteri ta’ Kristu permezz ta’ Marija.

ii. Aqra aktar il-Kelma ta’ Alla.  Fiha tara kemm Alla lill-bniedem iħobbu. Hu min hu dan il-bniedem.

iii. Itlob il-quddiesa aktar ta’ spiss. 

iv. Iżżommx f’qalbek għall-proxmu.

Għeżież, inħarsu lejn il-wiċċ tal-Mulej ħalli nirċievu l-Ħniena tiegħu.  Inħarsu lejH ħalli nimtlew bis-sens ta’ gratitudni.  Nimtlew bl-Ispirtu tiegħu ħalli nkomplu nwettqu il-bini tas-Saltna tiegħu fuq wiċċ din l-art. Inkomplu l-opri tal-Ħallieq ħalli niżirgħu l-paċi kull fejn inkunu.

 

Fr. Reuben
Arċipriet