Il-Kelma tal-Arċipriet - Lulju 2016

Il-Proġetti Estensivi li qed isiru fil-Knisja

Bħalma lkoll nafu, it-Tempju tagħna ddedikat lil Marija Immakulata bħal issa għaddej minn restawr estensiv.  Nixtieq f’dan l-artiklu nwasslilkom xi tagħrif dwar ix-xogħlijiet li għandna għaddejjin bħalissa.  Tajjeb li kulħadd ikun konxju li xogħol bħal dan jitlob ħafna ppjanar u ħafna ħidma li ma tidhirx, iżda li trid issir minn żmien qabel. 

Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-kampnar tal-knisja. Minħabba l-ħafna ħsarat li kellu, kellha tiżżarma l-kuspida (jiġifieri il-parti ta’ fuq tal-kampnar) u tinbdena mill-ġdid.  Dan ix-xogħol qiegħed jiġi mħallas mid-Direttorat tar-restawr tal-Ministeru Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u ngħata b’tender lill-privat.

Sar ix-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata u l-kampnar tal-Oratorju, u fuq il-ħajt ta’ wara tal-Knisja.  Dan ix-xogħol qiegħed isir ukoll mill-Ministeru Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u qiegħed isir mill-ħaddiema tal-gvern.

Ir-restawr tal-qniepen qiegħed isir mill-privat u mħallas mill-Parroċċa.  L-ispiża ta’ dan ir-restawr huwa ta’ €33,000.

Qiegħed isir ukoll ir-restawr tal-magna tal-arloġġ. Dan qiegħed isir ukoll mill-privat u l-ispejjeż huma tal-parroċċa.  L-ispiża hija ta’ €13,000.

Se jsiru mill-ġdid il-pinnuri tal-kampnari li maż-żmien waqgħu spiża tal-parroċċa li jammontaw għal €4,800.

Qiegħed isir ukoll ix-xogħol ta’ restawr fuq il-koppla tal-Kurċifiss li fiha il-pitturi tal-Calì minn ġewwa. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-privat, spejjeż tal-parroċċa, li jammontaw għal madwar €30,000.

Ix-xogħol fuq l-orgni tal-parroċċa qiegħed isir mill-privat u l-APS Bank ta s-somma ta’ €60,000 għal dan ix-xogħol.

 Ix-xogħlijiet fuq il-kaxxa rizzi tas-Sagristija qegħdin isiru mill-Ministeru tal-Infrastruttura u Trasport Pubbliku.

Għalhekk tajjeb li napprezzaw ix-xogħol ta’ restawr li qiegħed isir minn naħa tal-ministeru.  Kif ukoll tajjeb li nkunu konxji tal-ispejjeż li l-parroċċa għandha, li sa issa qed jammontaw għal €80,800. Dawn ix-xogħlijiet m’humiex kapriċċ, anzi kienu ta’ bżonn minħabba l-istat deterorjat li kienu jinsabu fih.  Bħalma tafu għandna ħafna affarijiet oħra li hemm bżonn urġenti li jsir xogħol fuqhom, iżda l-finanzi huma dawk li huma. Nappellalkom biex kull min jista’ jgħin bid-donazzjonijiet jagħmel dan.

Dan ikun ferm apprezzat biex b’hekk tgħinuna nieħdu ħsieb dan it-teżor li għandna.

 

 

Fr. Reuben
Arċipriet