Il-Kelma tal-Arċipriet - Marzu 2016

Xtaqt f’din ir-riflessjoni tiegħi naqsam magħkom il-ħsieb li l-Papa Franġisku qasam mal-poplu ta’ Alla f’dan ir-Randan.  Huwa għażel il-vers mill-Evanġelju Skont San Mattew “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” Mt 9:13. 

i. Marija, bħala ikona ta’ Knisja li tevanġelizza għax hi evanġelizzata.

Il-Verġni ta’ Nazaret, imwiegħda bħala għarusa lil Ġużeppi, issir l-ikona perfetta tal-Knisja li tevanġelizza għax kienet u hi kontinwament evanġelizzata bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li nissel il-frott tal-ġuf verġinali tagħha.

ii. It-tjieba ta’ Alla mal-bnedmin: storja ta’ ħniena.

F’Ġesù mislub Alla sa jrid jilħaq il-midneb fl-aktar post imbiegħed tiegħu, sewwasew hemm fejn hu ntilef u tbiegħed Minnu.  U dan jagħmlu bit-tama li sa fl-aħħar jistá jrattab il-qalb imwebbsa ta’ Għarustu (b’riferenza għall-poplu ta’ Alla).

iii. L-opri tal-ħniena.

L-opri tal-ħniena jfakkruna li l-fidi tagħna tissarraf f’atti konkreti u ta’ kuljum, biex ngħinu lill-proxxmu tagħna fil-ġisem u fir-ruħ, u li fuqhom għad isir ħaqq minna: nitimgħuh, inżuruh, infarrġuh, nedukawh. 

Dawn it-tliet punti l-Papa jenfasizzahom sabiex f’dan ir-Randan ninqalgħu minn kull aljenazzjoni, permezz tas-smigħ tal-Kelma u tal-opri tal-Ħniena.

Hekk biss inkunu nistgħu niċċelebraw l-Għid qaddis bl-imħabba ta’ Alla.  Hekk biss inkunu nistgħu tassew ngħidu li dan ir-Randan ħadna minnu l-ġid spiritwali.  Hekk biss inkunu ħadna li stajna biex nikbru fl-imħabba ta’ Alla, fl-imħabba lejn ta’ madwarna u fl-imħabba lejna nfusna.

Kullħadd għandu bżonn att ta’ konverżjoni fil-ħajja tiegħu.  Jien u int m’aħniex esklużi minn dan.

 

Fr. Reuben
Arċipriet