Il-Kelma tal-Arċipriet - Settembru 2016

Min m’huwiex kontra tagħna huwa magħna. 

Ilkoll nafuh l-episodju meta l-appostli raw lil wieħed ikeċċi x-xjaten f’isem Ġesù u dawn tfixklu, tħawdu u bdew jeħduha kontrih.  Lil Ġesù bdew jgħidulu li dan m’għandu l-ebda dritt f’ismu jagħmel dawn is-sinjali, għax m’huwiex wieħed minnhom.  Ġesù weġibhom billi qalilhom, min mhuwiex kontra tagħna huwa magħna. 
Naħseb din il-kelma ta’ Ġesu tgħodd ħafna għalina.  U għal uħud aktar minn ħaddieħor.  Hawn min iħobb jaħdem wisq bil-piki.  Kull ma jagħmel, kważi jagħmlu biex jimpika ma’  ħaddieħor.  U dan mhux qed nirreferi biss għall-piki li sfortunatment għandna bejn il-parroċċi, iżda pika fi ħdan il-parroċċa stess, bejn membri impenjati u oħrajn, bejn grupp u ieħor, bejn persuna u oħra.  U jien insaqsi lil min hu mmexxi minn dawn il-piki, liema spirtu qiegħed ikollu r-riedni tal-ħidma tiegħek?
Sfortunatament, hawn min jgħix billi joħloq klima tal-aħna u l-huma fi ħdan il-parroċċ stess.  Dan żgur li mhuwiex fi spirtu nisrani.
Żgur min-naħa l-oħra li din hija dgħufija umana li Ġesù stess affaċċja fid-dixxipli tiegħu. Inkwetaw għax ħaddieħor qed jagħmel il-ġid f’isem l-Imgħallem.
Nappella lil kull min jemmen li hu nisrani, sabiex tassew flimkien ninżgħu il-bniedem il-qadim u nilbsu l-bniedem il-ġdid, kif insibu f’San Pawl.  Jew kif jgħid Kristu stess lil Nikodemu, fl-Evanġelju skont San Ġwann, f’Kap 3 fejn jgħidlu li jeħtieġ li nitwieldu mill-ġdid.  Hekk biss inkunu nistgħu ngħidu li aħna ta’ Kristu u ulied denji tal-Immakulata.

 

 

Fr. Reuben
Arċipriet