Il-Kelma tal-Arċipriet - April 2017

Int għandek Fidi?

Meta taqra l-Vanġelu, speċjalment xi miraklu li għamel Ġesu’, tinduna li spiss Ġesu’ kien ifittex li l-persuna jkollha l-Fidi. Tolqotni ħafna l-ġrajja ta; Ġesu’ meta mar f’pajjiżu u “hemmhekk ma seta’ jagħmel l-ebda miraklu minħabba fin-nuqqas ta’ fidi tagħhom”. U jien nistaqsi: Jiena għandi Fidi? Aħna għandna Fidi? Il-Fidi ma tfissirx biss li tmur

għand Ġesu’, għaliex ħafna nies kienu jmorru jfittxu lil Ġesu’ għal diversi raġunijiet p.e. biex jagħtihom il-ħobż b’xejn. Ħalli neżaminaw lilna nfusna.

  1. Meta jkollok xi diffikulta’ għand min tmur? Tista’ tmur għand it-tabib jew l-avukat jew in-nutar jew il-pulizija jew il-qassis. Imma għand Ġesu’ tmur? Titkellem ftit miegħu dwar il-problema li għandek? Titolbu jagħtik id-dawl biex jurik x’għandek tagħmel f’dik iċ-ċirkustanza? Għandek tant fidi f’Ġesu’ li titolbu jgħinek? Jew m’hemmx għalfejn titolbu għax l-għajnuna tista’ ssibha minn x’imkien ieħor?

 

  1. Għandek tant fidi f’Ġesu’ li temmen li dak li titolbu jista’ jagħtihulek? Ħalli niftiehemu, mhux bilfors jiġi Hu direttament imma jista’ jibgħat xi ħaddieħor minn f’loku. Per eżempju, għandi Fidi biżżejjed f’Ġesu’ li jaħfirli dnubieti jekk immur inqerr? Għandi Fidi biżżejjed f’Ġesu’ li kapaċi jdawwalni fil-ħajja tiegħi? Ċert li huwa Ġesu’ li sejjaħli biex niżżewweġ u allura qiegħed migħi il-ħin kollu biex jgħinni? Nemmen li Ġesu’ laqqagħni ma’ marti / żewġi u huwa ferħan li aħna ninħabbu?
  1. Nemmen fil-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija? Immur narah xi ftit? Nipprova nitqarben spiss? Jew ma nħoss il-bżonn li nitqarben? Nofs il-Maltin ma jiġux knisja l-Ħadd u allura ma jitqarbnux. Min-nofs tal-Maltin l-ieħor li jiġu l-Knisja, naħseb li aktar minn nofs ma jitqarbnux. Allura għandna Fidi f’Ġesu’ Ewkaristija?

 

Tgħid kieku Ġesu’ kellu jiġi fostna, jkun jista’ jagħmel mirakli? Jew ma jkunx jista’ minħabba n-nuqqas ta’ Fidi tagħna?

 

Dun Anton

Arċipriet