Il-Kelma tal-Arċipriet - Awwissu 2017

Kont naf li ommi single mother! Imma ma kontx naf li ...

Ftit wara li mietet ommi bid-dmugħ f’għajnejja bdejt niżbarazza l-affarijiet tad-dar ta’ ommi. Irnexxieli niftaħ kexxun li ommi dejjem kienet iżżomm imsakkar. Kien fih ħafna ittri li ommi kienet irċeviet matul is-snin. Dak li qrajt kien xokk kbir, ringrazzjament u mħabba..

Kont naf li ommi kienet single mother. Imma ma kontx naf kif u x’ġara.

Kienu ittri li ommi rċeviet mingħand sħabha s-sorijiet u mingħand id-direttur spiritwali tagħha. Sirt naf: ommi kienet soru fil-missjoni. Kienet ilha ħames snin li ħadet il-voti. Jum minnhom kienu attakkaw il-kunvent fejn kienet ma’ tliet sorijiet oħra u l-erbgħa li huma ġew stuprati. Ittieħdu lura Spanja fil-kunvent fejn kienu qabel. Ftit wara ommi indunat li tqila. Jiena ħadt xokk x’ħin sirt naf. Bdew jgħadduli ħsibijiet koroh għax ħassejtni li jiena ġejt fid-dinja bi żball, frott ta’ stupru.

Dmugħ xerridt kemm flaħt imma aktar ma bdejt naqra aktar xerridt. Dak li bdejt naqra fl-ittri, speċjalment l-ittri li ommi rċeviet matul it-tqala, urewni l-imħabba u s-sagrifiċċji li għamlet ommi biex jiena ngħix. Irrabjajt għal dak li nissilni. L-anqas insejjaħlu missieri. Indunajt ukoll x’mara tal-azzar kienet ommi.

Sirt naf li sħab ommi, s-sorijiet kollha, ħlief kliem ta’ kuraġġ u ħlewwa ma kitbux. Speċjalment il-Madre. Rat kif għamlet biex għaż-żmien tat-tqala ommi tmur ġo dar apposta f’raħal ieħor. Kemm-il darba kitbitilha li għandha tiddeċiedi hi x’tagħmel wara. Ħallietha fil-libertà kollha jew li tagħti t-tarbija għall-adozzjoni u terġa’ lura fil-kunvent jew titlaq minn soru biex tgħajjex lili. Qaltilha kemm-il darba li tkun xi tkun id-deċiżjoni tagħha hija kienet se tappoġġjaha. Qaltilha wkoll li anke jekk titlaq minn soru ma toqgħodx tinkwieta fuq finanzi u bżonnijiet.

Minkejja li forsi bdejt naħseb li jiena ġejt bi żball u b’kefrija, imma minn dawk l-ittri indunajt kemm Alla tant xtaqni u ħabbni minn qabel it-twelid. Tani tant persuni madwari li ma fittxewx lilhom infushom jew l-unur tagħhom imma tiegħi. Ħaġa waħda bdejt nimmissja: li nitkellem fuq dan kollu direttament ma’ ommi. Issa kienet laħqet mietet.

Ommi ddeċidiet li titlaq minn soru. Sabulha dar f’raħal ieħor imma dejjem taħt il-ħarsien u għajnuna tas-sorijiet.

Illum meta nħares lura lejn dan kollu ninduna kemm Alla ħabbni għax tani omm li ħabbitni u m’għamlitlix bħal ħafna trabi llum. Ma ħelsitx minni. Għexet għalija. Grazzi Ma!

 

Dun Anton

Arċipriet