Il-Kelma tal-Arċipriet - Frar 2017

Sehem il-lajk fil-Knisja.

Sa ftit snin ilu kollox kien jagħmel il-qassis fil-Knisja. Forsi llum ukoll għad hawn min jaħseb u jippretendi li kollox irid isir mill-qassis.

Mill-Konċilju Vatikan II ‘l hawn il-Knisja sabet teżor importantissimu li tana mod ġdid kif inħarsu lejn il-Poplu t’Alla. Dan it-teżor jismu Lajċi. Ma tantx konna ngħidu li għandhom sehem kbir fil-Knisja ħlief biex jagħmlu dak li jgħidilhom il-qassis.

Illum il-lajk għandu postu flimkien mas-saċerdot fil-Knisja. Jekk is-saċerdot għandu rwol importanti, daqstant ieħor huwa importanti l-irwol tal-lajk. Il-Knisja llum ma tistax tgħaddi mingħajru u jagħmel ħafna ħażin dak il-qassis jew kappillan li jaħseb li jrid jagħmel kollox hu u kif jiddeċiedi hu.

Qatt m’għandu jkun li s-saċerdot waħdu jaqbad u jieħu d-deċiżjonijiet għall-parroċċa. Fil-fatt il-liġijiet tal-Knisja llum jippretendu li f’kull parroċċa jkun hemm Kunsill Pastorali u Kunsill Ekonomiku. Dawn huma Kunsilli rappreżentattivi tal-membri kollha tal-parroċċa u l-kappillan huwa obbligat li jikkonsulta magħhom qabel ma jieħu xi deċiżjoni kemm mil-lat pastorali kif ukoll mil-lat amministrattiv. Idejn il-kappillan illum il-ġurnata huma marbuta bil-konsultazzjoni. U hekk sewwa.

Dan ix-xogħol tal-lajk għandu l-oriġini tiegħu f’żewġ affarijiet:

Minħabba li hu mgħammed il-lajk huwa obbligat, daqs il-kappillan, li jxandar lil Ġesu’ u dak li għamel miegħu. Il-lajk huwa obbligat li jgħix ta’ nisrani u jxandar il-valuri nsara daqs kull qassis li hawn fid-dinja.

Il-lajk jgħix fid-dinja. Forsi ħafna drabi l-qassis minħabba li jkun impenjat u anke xi ftit jew wisq minħabba l-mod kif iħarsu lejh in-nies, ma jkunx jista’ jara sewwa x’qed jgħidu

l-bnedmin. Imma l-lajk le. Il-lajk jaħdem ma’ nies oħra, jiltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol u fil-ħwienet, hu stess ikun għaddej minn ċerti problemi fil-ħajja tal-familja. Allura din l-esperjenza kollha tgħinu biex iwassal lill-qassis opinjoni differenti minn dik li jkun imdorri biha.

Mela l-parroċċa trid timxi fuq spirtu ġenwin ta’ kollaborazzjoni bejn il-lajk u s-saċerdot. It-tnejn għandhom sehem importanti ħafna. Il-ġid veru għall-komunita’ kollha jiġi biss mil-laqgħa ta’ dawn l-ideat.

 

 

Dun Anton

Arċipriet