Il-Kelma tal-Arċipriet - Ġunju 2017

“Qalb ta’ qalbi”, ngħidu aħna lil xi ħadd li nkunu nħobbuh u li għandna ċerta familjarita’ miegħu.

Din hija l-istess espressjoni li juża Ġesù għal kull wieħed u waħda minna - Qalb ta’ qalbi.

Ix-xahar ta’ Ġunju aħna l-insara niddedikawh lill-Qalb ta’ Ġesù għax din il-festa dejjem tiġi f’Ġunju. Bħal ma niddedikaw diversi xhur oħra lil xi qaddisin jew lill-mejtin. Donnu li l-bniedem biex jesprimi l-imħabba tiegħu lejn xi ħadd, ipinġilu qalb u biex jurih li jħobbu ħafna jinfida b’xi vleġġa.

Hekk ukoll Ġesù. Meta Ġesù deher lil Santa Marija Margerita Alacoque u talabha li twassal l-imħabba li hu għandu lejn kull persuna, deherilha b’qalbu f’idu minfuda b’lanza.

Kull immaġini ta’ Ġesù li tiddeskrivi l-imħabba li hu għandu lejn kull persuna, hemm fiha l-qalb tiegħu. Anke l-immaġini tal-Ħniena Divina hemm żewġ raġġi ta’ dawl ħerġin mill-Qalb ta’ Ġesù.

Ġesù jħobbok ħafna. Dejjem jistenniena nersqu għandu permezz tal-qrar u t-tqarbin.

 

Dun Anton

Arċipriet