Il-Kelma tal-Arċipriet - Lulju 2017

Iż-żwieġ: m’għadux il-pedament tal-ħajja tal-familja

Liema direzzjoni qed taqbad is-soċjeta’? Fir-Renju Unit, iż-żwieġ m’għadux il-blata ewlenija li tinbena fuqha l-ħajja tal-familja. Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-British Social Attitudes, fejn kienu intervistati iktar minn 3,000 persuna.

Ftit huma dawk in-nies li għandhom inqas minn 25 sena li jaħsbu li ż-żwieġ huwa ċ-ċavetta sabiex tifforma l-familja. Dan l-istudju, li dieħel fit-30 sena tiegħu, qed juri wkoll li qed issir bidla fil-ħsieb dwar politika, sess, ekonomija u fatturi relatati mal-welfare u r-relazzjoni li jħaddan ir-Renju Unit mal-Ewropa.

Però l-ikbar tibdiliet drastiċi li qed jiġu osservati huma fil-familja u r-relazzjonijiet. Fejn qabel ċerti sitwazzjonijiet kienu jitqiesu bħala rari, issa saru n-norma tal-ħajja ta’ kuljum.

Dan l-istudju juri wkoll li meta kkumparat mal-era ta’ żmien Thatcher, id-disapprovazzjoni morali dwar fatturi fejn jidħol is-sess qabel iż-żwieġ u l-omosesswalita’, hija kemmxejn inqas. Kienu biss 12% ta’ dawk li ġew intervistati li sostnew li ma jaqblux li jsir sess qabel iż-żwieġ.

Iż-żminijiet jinbidlu. Fl-1989, sebgħa minn kull għaxra kienu jemmnu li biex wieħed ikollu t-tfal, irid ikun miżżewweġ. Is-sena li għaddiet, kienu biss erbgħa minn għaxra li qablu ma’ din l-idea. Kif kien previst, il-ġenerazzjonijiet tal-lum, għandhom attitudni passiva rigward iż-żwieġ, meta kkumparat ma’ ġenerazzjonijiet oħrajn.

Fiċ-ċensiment li kien sar fl-2011 jindika li n-nies li kienu miżżewġin fir-Renju Unit, f’temp ta’ għaxar snin naqsu bi kważi 10%. Dan minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni. Ir-reliġjożita’ fost il-poplu naqset ukoll. Fir-Renju Unit, ftit huma dawk li għadhom jidentifikaw lilhom infushom bħala Kristjani. Minkejja dan kollu, id-disapprovazzjoni morali kontra l-adulterju hija qawwija ferm iktar mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel.

Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li s-soċjeta’ ftit li xejn għada tħaddan valuri tradizzjonali. Dan għaliex in-nies qed isiru iżjed individwalisti u qed joħolqu kodiċi morali tagħhom infushom.

 

Dun Anton

Arċipriet