Il-Kelma tal-Arċipriet - Novembru 2017

Għalfejn titlob għall-mejtin?

Aħna l-insara madwar id-dinja kollha, niddedikaw ix-xahar ta’ Novembru għat-talb għal ruħ il-mejtin kollha speċjalment dawk qraba tagħna. Għaliex?

Għax hemm bżonn niftakru:

Hemm bżonn niftakru: f’dawk li tant ridulna ġid meta kienu magħna. Speċjalment il-ġenituri tagħna. Forsi nistgħu inpattulhom ftit permezz tal-quddies u t-talb li nagħmlu għal ruħhom. Aħna nemmnu li bejnna u bejnhom nistgħu nikkomunikaw permezz tat-talb. Ma’ dawk li rabbewna u għamlulna tant ġid, qatt ma nistgħu niġu ‘square’.


Hemm bżonn niftakru: li aħna wkoll xi darba rridu nagħmlu dan il-pass. Xi darba għad iridu jeħduna fil-Knisja fit-tebut u jitolbu għalina. X’kont se nagħti lil Alla dakinhar?


Hemm bżonn niftakru: li aħna m’aħniex l-ewwel nies li għexna f’din id-dinja. Qabilna kien hawn miljuni u miljuni. U l-anqas mhu se nkunu tal-aħħar. Warajna min jaf kemm għad iridu jitwieldu u jgħixu nies. Ma taħsibx li għandna responsabbilta’ lejn ta’ qabilna u ta’ warajna? Aħna li writna tant affarijiet sbieħ u valuri sodi minn ta’ qabilna, se nfattrulhom kollox lil ta’ warajna?

 

Hemm bżonn niftakru: li l-ħin jgħaddi jiġri u l-proġett li Alla ħalla lil kull wieħed u waħda minna hemm bżonn naraw f’hiex wasal. Din hija xi ħaġa li int biss tista’ tagħmilha għax il-proġett ħalliH f’idejk. Jekk ma tagħmilhiex int ma ssirx.

 

Hemm bżonn niftakru: li wara din il-ħajja hemm ħajja oħra tistenniena. San Pawl jgħidilna: “La għajn qatt ma rat; la widna qatt ma semgħet x’lesta Alla għal dawk li jħobbuh.” Postna hemm mhux hawn.

Novembru jfisser dan kollu.

 

 

Dun Anton

Arċipriet