Il-Kelma tal-Arċipriet - Awwissu 2018

M’hemm xejn tajjeb fik?

Ftit ilu qrajt din il-leġġenda Ċiniża:

Darba waħda kien hemm sid li kellu seftur. Id-dar sabiħa ta’ dan is-sid kienet mibnija xi ftit metri bogħod minn xatt ix-xmara. Is-seftur kien jinħtieġlu li kull filgħodu jmur jimla l-ilma frisk mix-xmara. Biex iġib l-ilma, is-seftur kien juża njama li magħha kellu żewġ buqari mdendlin u jerfagħhom wieħed kull naħa. Wieħed mill-buqari kien tajjeb ħafna, kważi ġdid. L-ieħor li kien daqsxejn qadim, kien mixquq. Sakemm is-seftur kien jasal fid-dar, il-buqar il-qadim kien jispiċċalu nofs l-ilma.

Ma tantx kienet sejra tajba l-biċċa, għax il-buqar il-ġdid kien joqgħod jgħajjar lill-qadim li ma kien tajjeb għal xejn, għax ma kienx kapaċi jżomm l-ilma. Tgħidx kemm kien ikun imdejjaq u qalbu sewda l-buqar il-qadim. Kien jistħi minnu nnifsu u kien wasal fi stat li kien anke jixtieq il-mewt.

Darba, meta s-seftur kien wasal max-xmara u kien se jibda jimla l-ilma, il-buqar il-qadim kellmu u qallu: “Għażiż seftur, toqgħodx titħabat iktar bija għal xejn. M’intix tara li jiena ma niswa għal xejn. Jien m’inix kapaċi li nwassallek l-ilma sad-dar għax jiena għandi difett”.

Is-seftur qabad jidħak u qallu: “Għażiż buqar mixquq, qatt ma ħarist matul it-triq li ngħaddu minnha kemm jikbru fjuri sbieħ. Jiena dejjem kont naf bid-difett tiegħek. Għalhekk jiena żrajt żerriegħa matul it-triq li ngħaddu dejjem minnha u lilek dejjem żammejtek fuq l-istess naħa. B’hekk l-ilma li kien iqattar minnek kien iservi ta’ tisqija għal tant xtieli. Ara issa kemm hemm fjuri sbieħ”.

Din l-istorja fakkritni li aħna lkoll bħal dak il-buqar mixquq. Illkoll għandna d-difetti tagħna. Hawn xi ħadd li jista’ jgħid li hu perfett!

Min-naħa l-oħra din l-istorja turina li m’għandniex nieqfu fuq id-difetti tagħna. M’għandniex inħallu d-difetti tagħna jfarrkulna ħajjitna. Hemm bżonn li kull wieħed u waħda minna nħarsu lejn is-sabiħ li hemm fina. U sabiħ żgur li kulħadd għandu. Barra minn hekk, jekk inħallu lilna nfusna f’idejn Alla, hu kapaċi jagħmel ħwejjeġ kbar anke bid-difetti tagħna. Malli nħallu d-difetti tagħna f’idejH, jibda jsir il-miraklu tal-ħajja tagħna. Huwa Alla li kapaċi jeħlisna minna nfusna u nħarsu lejn il-futur bit-tama. Kuraġġ, jiena ċert li għandek ħafna sabiħ fik.

Dun Anton

 

 

 

 

 

Dun Anton

Arċipriet