Il-Kelma tal-Arċipriet - Jannar 2018

Bidu ġdid jew tkomplija?

Għadna kemm għaddejna mill-ġranet sbieħ tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena. Ġranet li fihom qisna nkunu ftit aktar flimkien fil-familji tagħna. Kemm hi sabiħa li jirnexxielna nkunu flimkien. Tant saret ħajja mgħaġġla li m’għandniex ħin għal xulxin fil-familji tagħna.

Imma rrid nistaqsi: Il-Milied għadda u s-sena l-ġdida bdiet. Aħna se nibdew mill-ġdid jew se nkomplu fejn ħallejna s-sena li għadha kemm għaddiet? L-iżball li nagħmlu fil-ħajja tagħna huwa li nidħlu f’rutina u ma niċċaqalqux minnha. Ħajjitna ssir ġurnata wara l-oħra dejjem l-istess. Rutina. Kultant din ir-rutina hija importanti għax mingħajrha nħossuna mitlufin u qatt ma nkunu azzettati. Permezz tar-rutina nkunu nafu xi jmissna nagħmlu.

Pero’ importanti ħafna, li meta ngħaddu minn dan iż-żmien tal-Ewwel tas-Sena, nistaqsu lilna nfusna fejn sejrin fil-ħajja. Nagħmlu speċi ta’ eżami ħafif tal-ħajja tagħna. Naraw ftit jekk qbadniex it-triq it-tajba jew it-triq il-ħażina f’dak kollu li nagħmlu. Hemm bżonn li nibdew mill-ġdid, mhux biss inkomplu fejn ħallejna s-sena li għadha kemm spiċċat.

Ħalli nistaqsik ftit mistoqsijiet biex tinduna ftit xi rrid ngħid:

•             Ir-relazzjoni tiegħek ma’ żewġek jew ma’ martek, saret ħaġa ta’ rutina? Anke s-sess bejnietkom, sar ħaġa ta’ rutina? L-ikel li tipprepara sar ħaġa ta’ rutina? Il-bewsa li tagħti lil martek, malli tiltaqgħu wara x-xogħol, saret ħaġa ta’ rutina? Il-ħarġa ta’ nhar ta’ Ħadd mat-tfal, saret ħaġa ta’ rutina? F’kelma waħda, il-ħajja taż-żwieġ tiegħek saret rutina? Se tibda xi ħaġa ġdida matul din is-sena jew se tkompli fejn ħallejt is-sena li għaddiet?

•             Kif inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ wliedek? Din ukoll saret rutina, speċjalment issa li bdew jitfarfru? Ġieli qagħadt kwiet u qagħadt taħseb fuq it-twelid tagħhom u l-ferħ u l-imħabba li ħassejt int dakinhar? Min jaf kemm kellek ferħ f’qalbek dakinhar li twieldu! Għadek tiftakar fih u tħossu? Jew anke l-imħabba tiegħek lejhom, saret rutina? Drajt issa? Se tibda xi ħaġa ġdida matul din is-sena jew se tkompli fejn ħallejt is-sena li għaddiet?

•             U Ġesù? Drajnih? Ir-relazzjoni tiegħek miegħu saret drawwa? Spiċċalha l-gost u l-ferħ? Il-quddiesa u t-tqarbina li tagħmel nhar ta’ Ħadd, saret rutina?

 

 

 

Dun Anton

Arċipriet