Il-Kelma tal-Arċipriet - Mejju 2018

“B’dak li hi, aktar milli b’dak li tgħid”
Meta nkun qed inqarben ninnota diversi affarijiet li ta’ min wieħed joqgħod ftit aktar attent dwarhom. Xtaqt ngħidilkom bihom.
1.            Meta aħna nkunu se nitqarbnu, aħna obbligati li nħallu siegħa ma nieklu xejn u ma nixorbu xejn ħlief ilma. Dan nagħmluh bħala rispett u bi preparazzjoni ta’ min inkunu se nirċievu. Imma ninnota li jkun hemm xi wħud li waqt il-quddiesa jkunu qed jomogħdu ċ-‘chewing gum’, imbagħad ftit qabel it-tqarbin ineħħuh u jitilgħu jitqarbnu. Għandna naraw li qabel ma nitqarbnu nagħmlu siegħa sawm.
2.            Ninnota li hawn diversi persuni li ma jafux jitqarbnu f’idejhom. Meta titqarben f’idejk ftakar dawn il-ħwejjeġ: a. Ara li jdejk ikunu nodfa kemm jista’ jkun; b. Ħu l-Ewkaristija jew f’idek ix-xellugija jew fil-leminija. Tpoġġix idejk ma’ xulxin jew ħdejn xulxin imma fuq xulxin. Imbagħad, bl-id li tkun taħt, aqbad l-Ewkaristija u tqarben biha f’ħalqek; ċ. Meta titqarben u s-saċerdot ikun poġġielek l-Ewkaristija fuq idek, ersaq ftit fil-ġenb u tqarben inti stess. Ipprova tibqax quddiem is-saċerdot, sabiex ta’ warajk ikun jista’ jersaq. Imbagħad mur f’postok. Tmurx postok bl-Ewkaristia f’idek.
3.            Meta titqarben, kemm jekk titqarben fuq ilsienek kif ukoll meta titqarben fuq
idek, tagħmilx ġenuflessjoni. Inti jkollok lil Ġesù fik. Baxxi rasek u mur f’postok miġbur.Tagħmilx ġenuflessjoni lejn l-artal jew lejn is-saċerdot. Naf li dan isir b’rispett lejn Ġesù Ewkaristija, imma m’hemmx għalfejn issir ġenuflessjoni. Irrispetta u adura lil Ġesù fik.
4.            Hawn diversi li ma jitqarbnux fuq idhom. Naf li dan ukoll isir b’rispett lejn Ġesù għax aħna ma jistħoqqilniex nirċevuh. Imma m’għandniex għax ninkwetaw. Jekk ma jistħoqqilniex nitqarbnu f’idejna, ma jkunx jistħoqqilna nitqarbnu fuq ilsienna. L-id u l-ilsien huma t-tnejn parti indaqs tal-ġisem. L-importanti li b’ġismek kollu tipprova tgħix tajjeb u tagħmel il-ġid.
Ftakar li aħna qatt ma jistħoqqilna nitqarbnu, l-anqas jekk inkunu għadna niżlin mill-konfessjonarju. Imma Ġesù hekk xtaq. Ried jibqa’ magħna u ġo fina b’dan il-mod.

Dun Anton

Arċipriet