Il-Kelma tal-Arċipriet - Novembru 2018

Il-Ġbir fil-Knisja

Niltaqa’ ma’ diversi persuni li bir-raġun jistaqsuni dwar il-ġbir fil-Knisja. Kulħadd għandu dritt ikun jaf dak li qed isir bil-flus li jagħti għall-knisja waqt il-ġbir tal-quddies.

Il-ġbir kollu li jsir fil-knejjes imur għall-bżonnijiet tal-Knisja. Barra f’dawk id-drabi li navżaw li l-ġbir imur għal xi kawża partikolari, p.e. is-Seminarju, l-Art Imqaddsa, l-Missjoni, eċċ. Jiġifieri meta fit-tieni Ħadd tax-xahar issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-Knisja ma jfissirx li dik biss tmur għall-Knisja, imma l-ġbir kollu anke tal-Ħdud l-oħra. Dik tat-tieni Ħadd tax-xahar tkun il-ġabra speċjali.

Issa kif jintefqu l-flus? Jiena nikkalkula li malli jibda x-xahar għandi bżonn mal-€4,000 f’idejja biex inkopri l-ispejjeż li nkun irrid nagħmel. Dawn l-ispejjeż huma prinċipalment il-Fondo Clero, pagi, taxxi, xogħolijiet li qed isiru, u d-dawl u l-ilma. Dawn iridu jitħallsu matul l-ewwel ġimgħa ta’ kull xahar. Il-bqija matul ix-xahar isiru madwar €5,000 spejjeż oħra ta’ kull tip u li huma meħtieġa biex tibqa’ miexja l-parroċċa.

X’inhu l-Fondo Clero li jiswa madwar €1,400 fix-xahar? Il-Fondo Clero huwa fond li qiegħed apposta fil-Kurja sabiex minnu jitħallsu s-saċerdoti. Il-kommunita’ nisranija għandha dmir li żżomm u tgħajjex lil dawk li jagħtu ħajjithom biex iservuha.

Naturalment mhux b’xi paga eċċezzjonali imma biżżejjed biex wieħed jgħix diċenti. Allura kull parroċċa hija obbligata li tagħti lil dan il-Fondo Clero madwar 30% ta’ dak kollu li jinġabar fil-knejjes, tal-funerali, żwiġijiet u magħmudiji u tal-legati li jkollha.

Barra minn hekk, kulħadd jifhem li post bħall-Knisja tagħna, li hija bini antik ħafna, dejjem hemm bżonn ta’ manutensjoni. Daqqa ta’ ħaġa u daqqa ta’ oħra. Il-ħin kollu sejrin u kif tispiċċa naħa trid terġa’ tibda min-naħa l-oħra. U dawn jiswew ħafna flus.

Biex iżżomm parroċċa bħal tagħna ma tistax tieqaf tiġbor. Veru jista’ jidher li dak li jkun ikun moħħu fil-ġbir, imma ma tistax tagħmel mod ieħor ħlief li tappella għall-ġenerożita’ tan-nies stess li jgawdu minn dak li jkun qed isir.

 

Dun Anton

Arċipriet