Il-Kelma tal-Arċipriet - Settembru 2018

Il-Bżonn ta’ l-Imħabba

Qatt kien hawn xi siġra li kibret bla ilma? Taf b’xi annimal li kiber bla ma kiel?
Hekk il-bniedem bla imħabba! Minn qabel ma jitwieled sa kemm jasal li jagħlaq għajnejh għandu bżonn l-imħabba. Mingħajrha il-bniedem ma jistax jikber sew.U dan speċjalment tarbija. Il-bewsa, t-tgħannieqa, s-sigurta’, l-ikel, d-dixxiplina, eċċ li kapaċi joffru ġenituri fidili lejn xulxin u jinħabbu sal-mewt ma jinbidlu ma’ xejn. Aħjar ma jkollokx x’tiekol, milli l-familja tiegħek tkun imkissra. L-ikbar rigal li jagħtik Alla mhux il-ħajja. Imma li titwield u titrabba f’familja tajba u soda. “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma .....”, qalilna Ġesù.

Tikkuntentax ruħek li uliedek għandhom x’jieklu. Mhux żaqqhom biss importanti. Serħilhom moħħhom lil uliedek li ommhom u missierhom mhux se jinfirdu. Għallimhom l-iskola u irsistilhom biex jiżviluppaw il-kwalitajiet kollha tagħhom. Tiġġildux, u speċjalment issawtux lil xulxin. Busu lil xulxin quddiemhom. Tistħux. Ħalluhom jarawkom tinħabbu. Is-sens ta’ sigurta’ fil-ġenituri jagħti serħan il-moħħ lill-ulied. B’hekk jikbru b’fiduċja lejhom infushom u lejn is-soċjeta’. Ħobbhom kemm tiflaħ u urihom li tħobbhom. Imma tfissidhomx.

‘Time means money and money means time. But what children need most is not money but time’. Qed issib ħin tilgħab/titkellem/tidħak magħhom? Tinsiex li mhux se tirċievi mħabba jekk ma tibdiex int tħobb!

Dun Anton

Arċipriet