Il-Kelma tal-Arċipriet - April 2019

Ma tistax tqum mill-mewt
jekk ma tkunx mitt!

Bil-Grazzja u bl-għajnuna ta’ Alla dan ix-xahar niċċelebraw l-ikbar storja tar-reliġjon tagħna – il-Qawmien mill-Mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

Aħna Bormla niċċelebrawh bil-kbir l-Irxoxt. Anke jiġu bosta turisti u minn barra Bormla biex jarawna niġru bl-istatwa tal-Irxoxt.

Din is-sena, għall-grazzja ta’ Alla wkoll, qed ninawguraw ir-restawr ta’ l-Irxoxt li nġiebet minn Spanja fl-1714. Din l-istatwa li hija tant għal qalbna u tidentifika magħna l-Bormliżi. Restawr li sar b’tant reqqa u professjonaliżmu mill-kumpanija Atelier del Restauro. Kuntenti ħafna b’dan ir-restawr li permezz tiegħu erġajna rajna l-oriġinal ta’ din l-istatwa. Anke l-kuluri ħarġu kif kienu fl-oriġinal. Tant kien ilu ma jiġi restawrat li maż-żmien il-moffa kienet daret għall-istatwa u kien hawn min jaħseb li l-kulur tal-libsa, barra d-deheb, kien aħdar. Sirna nafu mir-restawr li l-kulur oriġinali kien blu mhux aħdar. Insomma ma jistax ikun aħdar la hu minn Bormla! Biex niċċajta.

Nirringrazzjaw lil Alla. U lilkom ukoll tad-donazzjonijiet tagħkom u lill-Ministeru tal-Finanzi li sponsorja parti minn dan ir-restawr.

Imma hemm xi ħaġa li kull sena tiġini f’moħħi fil-Ġimgħa Mqaddsa:

Ma tistax tirxoxta mill-mewt jekk ma tkunx mitt.

Kif tista’ tqum mill-mewt jekk qabel ma tmutx?

Mhux ovvja!!

Fil-ħajja tagħna ta’ nsara, li ħafna drabi hija diffiċli biex tagħmel ir-rieda ta’ Alla,

il-ferħ jiġi wara t-tbatija. Il-paċi ta’ Kristu tiġi fil-qalb tagħna wara li nkunu għidna le lilna nfusna u rbaħna lilna nfusna. Kultant il-ħajja nisranija hija iebsa daqs il-mewt.

Kultant biex tagħmel ir-rieda ta’ Alla tgħaddi mill-kalvarju u l-passjoni. Din tfisser

l-ewwel trid tmut, biex imbagħad tirxoxta.

Ħbieb ejjew ma nibżgħux ngħidu le lilna nfusna. Imbagħad wara jiġi l-Irxoxt.

 

Dun Anton

Arċipriet