Il-Kelma tal-Arċipriet - Ġunju 2019

Spettaklu Uniku !!

Din is-sena qed infakkru l-75 sena minn mindu missirijietna temmew il-wegħda li għamlu lil Alla u lill-Madonna illi jekk it-tempju tagħha ma jiġġarrafx bil-bombi tal-gwerra, iġibu lura lejn Bormla l-istatwa ta’ Marija Immakulata u l-Kwadru Titulari b’pellegrinaġġ. Kien id-19 ta’ Novembru 1944 hekk kif intemm il-ħbit tal-għadu.

Aħna bqajna nfakkru dan l-avveniment li għalih, min jiftakar jgħid, li ħarġet Malta kollha tittawwal lil Marija Immakulata riesaq lura lejn Beltha. Fost tant attivitajiet biex ifakkru dan l-anniversarju, il-Kumitat imwaqqaf apposta ħaseb biex nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju għall-ħabta tad-9.00 pm, itella’ spettaklu uniku propju fix-Xatt ta’ Bormla quddiem l-Universita’ Amerikana ta’ Malta li tiġi faċċata tal-Knisja Kolleġġjata tagħna.

Se jkun spettaklu li jirrakkontalna l-istorja u t-tradizzjoni marbuta ma’ l-għażiża Bormla tagħna. Ifakkar dak li għaddiet minnu Beltna matul iż-żmien u t-tiġrif li kien hawn fit-Tieni Gwerra. Imma fuq kollox ifakkar propju l-avveniment wisq għal qalbna tal-Pellegrinaġġ li wegħdu u wettqu missirijietna.

Hemm il-ħsieb li jintużaw il-media kollha moderni biex l-ispettaklu jkun mill-iktar artistiku imżewwaq b’reċtar, kant, żfin, qari ta’ proża u laser show.

L-ispettaklu irid iwassal il-messaġġ li Marija Immakulata kienet, għadha u tibqa’ fil-qalb ta’ kull Bormliż.

Nistedinkom u nħeġġiġkom tattendu. Ejjew ngħixu flimkien il-ġrajjiet ewlenin ta’ Beltna li jagħmluna Bormliżi għax qegħedin f’demmna. Marija Immakulata tgħinna u tbierek il-familji tagħna.

Grazzi kbira lill-Kumitat u lil dawk kollha li qed jagħtu s-sehem tagħhom għal din is-sena.

 

Dun Anton

Arċipriet