Il-Kelma tal-Arċipriet - Jannar 2019

Prijoritajiet u proġetti

matul din is-sena.

Fil-bidu ta’ kull sena, wara li nkun iddiskutejt ma’ diversi persuni, inħobb inpoġġi quddiem għajnejja prijoritajiet u proġetti li nħoss li huma importanti għall-parroċċa. Mhux dejjem jirnexxilna nilħquhom, imma nipprova kemm nista’ li jsiru. Għalhekk din is-sena xtaqt li bħala prijoritajiet u proġetti jkollna dawn:

 

  1. Rijorganizzazzjoni tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali: Nixtieq li fil-KPP jkun hemm membri ġodda ħalli b’hekk dan il-Kunsill, li huwa obbligatorju li jitwaqqaf f’kull parroċċa biex jagħti parir lill-Kappillan, jkun f’saħħtu sew, jiltaqa’ regolari u flimkien infasslu l-programm pastorali għall-parroċċa. Nixtieq ħafna wkoll li fih ikun hemm rappreżentanza żagħżugħa.

 

Twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ: Inħoss li wasal iż-żmien l-KŻ tkun verament rappreżentattiva taż-żgħażagħ kollha li joqgħodu Bormla. Għalhekk matul din is-sena se nkunu qed nitolbu kull għaqda, reliġjuża u ċivili, li għandhom xi sezzjoni taż-żgħażagħ biex isejjħu rappreżentant jew tnejn ħalli flimkien norganizzaw attivitajiet li jgħaqqdu liż-żgħażagħ kollha.

 

  1. Ċentru Ġetsemani: Ilna ħafna niddiskutu fid-diversi kumitati dwar il-bżonn li l-kannierja ta’ taħt l-Oratorju tkun irranġata u nsebbħa. Għandna l-ħsieb li matul din is-sena niżviluppawha f’ċentru ta’ Evanġelizzazzjoni. Fiha jkunu jistgħu jsiru laqgħat fuq il-Kelma t’Alla u jiltaqa’ grupp ta’ talb.

 

  1. Rinovazzjoni taċ-Ċentru Sagra Familja: Qed naħsbu wkoll li din is-sena nirranġaw aħjar u nsebbħu iċ-Ċentru Sagra Familja. B’hekk ikun iktar attrezzat biex isiru attivitajiet fih.
  1. Dawl tal-faċċata tal-Knisja: Dan suppost li kellu jkun lest għall-Festa tas-Sena li għaddiet. Imma waqajna lura u saru affarijiet li ma kinux previsti. Imma din is-sena li fiha qed infakkru l-75 anniversarju mill-Pellegrinaġġ ma jistax ma jkunx lest.

 

  1. Koppla u Koppletti: Dawn qegħedin il-ħin kollu f’moħħi għax hemm ħsarat kbar. Imma diffiċli li jsiru għax jirrikjedu ħafna flus. Nittama li din is-sena nippruvaw insibu xi ħadd li jisponsorja restawr tal-Koppletta tas-Sagrament.

Nitolbu ħalli jekk Alla jrid naslu.

Dun Anton

Arċipriet