Il-Kelma tal-Arċipriet - May 2019

L-Ilma u t-Tberik

Bħalissa għaddejjin bit-tberik tal-familji. Ħaġa sabiħa ħafna li lilna s-saċerdoti tlaqqgħana magħkom propju fid-djar tagħkom stess. Għalina hija sodisfazzjon kbir li taċċettawna fi djarkom biex inwasslulkom il-Barka ta’ Alla. 
Aħna mdorrijin li nbierku diversi affarijiet. Hawn min jiġi jitlobna li jbierek il-karozza
li jkun għadu kemm xtara. Jiena ngħidilhom li wara li nberikha nkun irrid ġirja biha.
Apparti ċ-ċajt, anke koppja għarajjes ibierku ċ-ċrieket fl-engagement. Inbierku xi
statwa. Inbierku l-ftuħ ta’ xi wirja. Inbierku xi dgħajsa tar-regatta biex tiġi l-ewwel u tirbaħ. 
Hemm diversi okkażjonijiet u oġġetti li jitbierku. Imma dejjem fit-tberik nużaw l-ilma imbierek. Xi tfisser? 
It-tberik mhux superstizzjoni biex ma tiġrilniex ħsara. It-tberik, u għalhekk nużaw l-ilma mbierek, ifakkarna fis-Sagrament li fih tefgħulna l-ilma fuq rasna – il-Magħmudija.
Għalhekk it-tberik qiegħed hemm biex ifakkarna li aħna nsara. Speċjalment fit-tberik tad-djar u l-familji wara l-Għid, meta jintuża ilma li jkun tbierek f’Sibt il-Għid.

Ħaġa oħra dwar l-ilma. Ma nafx qattx mort f’xi Moskeja tal-Musulmani. Quddiem il-bieb ta’ barra ikun hemm funtana u vaska biex jaħslu riġlejhom fiha. 
Jew inkella tiftakru f’Ġesù li qabel ma bdiet l-ikla tal-Għid ħasel saqajn l-appostli.
Ħafna reliġjonijiet jużaw l-ilma qabel ma jibdew il-funzjonijiet tagħhom biex min
jattendi jinħasel ftit simbolikament qabel ma jidħol fid-dar ta’ Alla. 
Anke aħna l-insara. Ħdejn il-bibien tal-knisja issib il-fonti tal-ilma mbierek. Aħna
mdorrijin li meta nidħlu l-knisja, nieħdu ftit ilma mbierek ma’ subgħajna u bih inroddu s-salib. Anke s-saċerdot, ħdejn il-qampiena li jdoqq huwa u ħiereġ mis-sagristija biex jibda l-quddiesa, għandu fonti żgħir bl-ilma mbierek. Hawn min ukoll jieħu flixkun żgħir miegħu u jitlob lis-sagristan biex jagħtih l-ilma mbierek ħalli jkun jista’ jieħdu miegħu id-dar. It-tifsira ta’ dan hi li qabel ma nersqu lejn Alla, nitolbuH biex inaddafna minn ħtijietna. 
Din hija t-tifsira tal-ilma u tat-tberik. J’Alla ngħixu sewwa l-Magħmudija li rċevejna.

 

Dun Anton

Arċipriet