Il-Kelma tal-Arċipriet - April 2020

Waslet is-SIEGĦA!

Kien ilu jistenniha! 
Kien ilu jsemmiha kull darba li kienu jipprovokawh biex jibdiha minn qabel!
Imma issa waslet. Is-SIEGĦA. Għal din is-siegħa ġie fid-dinja u sar bniedem.
Ftit qabel, propju waqt l-aħħar ċena, l-Appostli kienu maġenbu u waqt li kien qed jitlob semgħuh jgħid:


“Missier, salvani minn dis-siegħa. Imma jien għalhekk ġejt, għal din is-siegħa”.
Din kienet is-siegħa li fiha kellha tintrebaħ is-setgħa tad-dlamijiet.
Ġesu’ kien qed jibża’ minn dis-siegħa. Għax dis-siegħa kienet tfisser il-kalċi li kellu jixrob - il-mewt l-aktar ħarxa tiegħu.


Kien jaf li issa kellu jagħti prova quddiem saħansitra Missieru li hu kien lest li jintelaq kompletament f’idejH.


Fl-Ort tal-Ġetsemani talab bil-ħerqa biex jekk jista’ jkun, dan il-kalċi jitwarrab minnu. Imma talab bil-ħerqa wkoll li mhux kif ried u xtaq hu imma kif ried u xtaq il-Missier li jista’ kollox.


Ġesu’ għadda minn din is-siegħa b’fiduċja kbira li, iva, il-Missier kien jista’ kollox. Tant kellu fiduċja f’Missieru li jista’ kollox li kien ċert li l-aħħar kelma mhux se tkun tat-tbatijiet imma tal-qawmien.


U int u jiena wkoll, se jkun hemm il-mument li xi darba tasal is-siegħa tagħna wkoll. Forsi xi marda, xi deċiżjoni jekk tagħżilx lil Alla jew il-but, xi tip ta’ idejat li jmorru kontra l-Liġi ta’ Alla. Bħalissa għandna dan il-periklu tal-Corona Virus. Din ukoll hija s-Siegħa tiegħi, tiegħek u tagħna lkoll. Ejjew nieħdu paċenzja għeżież. Żgur ukoll li jekk infittxi madwarna insibu diversi affarijiet li nistgħu nagħmlu fid-dar stess u li forsi ilhom ħafna jistennew biex isiru. Dan ifisser li tkun waslet is-siegħa tiegħek u tiegħi.


X’se nagħżlu? Għandna biżżejjed fiduċja fil-Missier li jista’ kollox, li jekk aħna nixorbu l-Kalċi tal-ħajja tagħna, huwa kapaċi jwassalna għall-Qawmien?

 

 

Dun Anton Cassar

Arċipriet