Il-Kelma tal-Arċipriet - Jannar 2020

Prijoritajiet u proġetti matul din is-sena.

Din is-sena xtaqt li bħala prijoritajiet u proġetti jkollna dawn:


Tisħiħ tal-Kummissjoni Żgħażagħ:

Diġa bdejna matul is-sena li għaddiet. Imma din is-sena nixtieq li naħdmu flimkien anke ma’ entitajiet oħra fosthom is-Sotto Kumitat taż-żgħażagħ li ġie mwaqqaf fi ħdan il-Kunsill Lokali fil-leġizlatura l-ġdida.

 

Ċentru Ġetsemani:

Jekk Alla jrid, din is-sena l-Kannierja ta’ taħt l-Oratorju tkun lesta u hemmhekk jibda jiltaqa’ l-Grupp Ġetsemani li bħalissa qed jiltaqa’ fil-Knisja ta’ San Pawl. Fiha jkunu jistgħu jsiru laqgħat fuq il-Kelma t’Alla u jiltaqa’ grupp ta’ talb.

 

Dawl tal-faċċata tal-Knisja:
Minn dan il-proġett, li suppost kellu jkun lest għall-Festa li għaddiet, saret biss iċ-ċinta tal-faċċata. Nittama li din is-sena l-faċċata tkun imdawwla kif suppost.

 

Koppla u Koppletti:
Dawn qegħedin il-ħin kollu f’moħħi għax hemm ħsarat kbar. Imma diffiċli li jsiru għax jirrikjedu ħafna flus. Bħala permessi kollox tlesta fis-sena li għadha kemm għaddiet. Nittama li din is-sena nippruvaw insibu xi ħadd li jisponsorja xi parti minn dan il-proġett ħalli nkunu nistgħu nibdew.

 

Koppla tal-Kurċifiss:
Nittama li din is-sena wkoll nibdew ir-restawr tal-pittura sabiħa ta’ Ġuzeppi Cali li hemm fil-koppla tal-Kappellun tal-Kurċifiss. Ir-restawr komplut jieħu madwar tliet snin. Forsi wara tant snin imsaqqfa, tkun tista’ terġa’ tinfetaħ u titgawda.

 

Twaqqif tal-Kummissjoni Festa:
Jinħass ħafna l-bżonn li dawk kollha li jagħtu sehem fil-festi ta’ barra waqt il-Festa tal-Kunċizzjoni, jifthemu bejniethom dwar is-sehem tagħhom fil-Festa. Nittama li din is-sena nilħqu ftehim bejnietna.

Nitolbu ħalli jekk Alla jrid naslu.

 

 

Dun Anton Cassar

Arċipriet