Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe


19 ta'Novembru 2007

kitba ta' Alfred Gauchi


Nhar it-Tnejn 19 ta’ Novembru 2007, kien jaħbat it-tlieta u sittin anniversarju tal-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ l-Immakulata u l-Inkwadru tal-Kor minn Birkirkara sal-Parroċċa ta’ Bormla. Kien ukoll is-sitt anniversarju mill-mewt tal-Kan. Dun Victor Cilia li kien Arċipriet fil-parroċċa tagħna għal 22 sena.

Fis-6 p.m. saret quddiesa kkonċelebrata mill-Arċipriet Kan. Dun Joe Mifsud, fejn ikkonċelebraw ukoll il-Pirjol tal-Knisja ta’ Santa Tereża Patri Mario Borg, il-Kan. Ġużeppi Bonello u l-Kan. Ġużeppi Zammit. Il-kor Tota Pulchra anima l-liturġija bil-kant u tmexxa mis-sur Walter Tonna. L-omelija ta’ l-Arċipriet kienet minsuġa fuq żewġ temi; il-pellegrinaġġ u l-Kan. Dun Victor Cilia. L-Arċipriet wera l-viżjoni li kellu Dun Victor sabiex il-pastorali u l-evanġelizzazjoni toħroġ il-barra mill-Knisja, bis-sehem sħiħ tal-lajċi, fuq it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. B’diskors meqjuż fisser il-ħidma iebsa, fi żmien diffiċli, iżda li Dun Victor ħa b’serjeta, determinazzjoni u b’ċertu dixxiplina. Id-diskors mess il-qlub, u l-emozzjoni kienet tidher fuq wiċċ l-aħwa Cilia li kienu prezenti.

Wara l-quddiesa kompla l-programm quddiem il-Monument tal-Gwerra li jinsab fit-triq ta’ taħt il-knisja. Ġie mfakkar il-pellegrinaġġ u l-ħidma ta’ Dun Victor Cilia permezz ta’ kummentarju u diversi xeni li ntwerew fuq “big screen”. Sar kant ta’ tifħir lill-Madonna mill-Kor Tota Pulchra, u qari ta’ poeżija mis-sur Sunny Aquilina miktuba minn Dun Victor stess. Tpoġġew kuruni u bukketti tal-fjuri mill-għaqdiet preżenti madwar il-monument.

Il-Kan. Ġuzeppi Bonello u l-Kan. Ġuzeppi Zammit kixfu lapida li tfakkar lil Dun Victor Cilia u wara ġiet imbierka mill-Arċipriet Dun Joe Mifsud. Sar diskors qasir mill-Arċipriet u mis-Sindku ta’ Bormla s-sur Joseph Scerri. Ħu Dun Victor Cilia, f’isem ħutu, rringrazzja lil kulħadd ta’ l-okkazzjoni. Fl-aħħarnett l-istess kor spiċċa bil-kant ta’ l-Innu Malti.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com