Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe



IL-KWADRU TAS-SANTWARJU
TA’ L-IMMAKULATA



fil-Parroċċa Kolleġġjata ta’ Bormla



Kitba ta' Rev. Kan Joseph Bonello




         Kwadru Titulari ta' Marija Immakulata 

  L-iktar ħaġa għażiża li l-Bormliżi għandhom fil-parroċċa żgur li hija l-kwadru titulari li jinsab fil-kor tal-kolleġġjata.

               Dan il-kwadru hu xogħol mill-isbaħ tal-pittur Pietru Pawl Caruana, li l-firma tiegħu qiegħda fin-naħa t’isfel tal-kwadru. Tlesta fis-sena 1828 iżda għal xi raġuni jew oħra tqiegħed fil-kor tal-parroċċa ħafna snin wara, fis-sena 1850, b’ċerimonja sabiħa u solenni. Tqiegħed flok ieħor aktar qadim, xogħol sabiħ ukoll tal-pittur Żebbuġi Carlo Gimach, li llum jinsab fis-sagristija.

Kwadru Teoloġiku

               L-idea ta’ dan il-kwadru devot kienet tal-Kanonku Ludoviku Mifsud Tommasi, teologu magħruf, poeta Malti mill-aqwa, Bormliż devot kbir tal-Verġni Marija. Il-pittur Caruana rnexxielu, fuq is-suġġeriment tal-Kanonku Mifsud Tommasi, jiġbor b’suċċess kbir il-privileġġi kollha tal-Verġni Marija skond it-tagħlim tad-Duttrina Kattolika.

               Il-pittur Caruana sab ma’ wiċċu biċċa xogħol tqila, iżda bl-għajnuna ta’ l-għaref saċerdot Mifsud Tommasi rnexxielu joħloq wieħed mill-kapolavuri l-aktar artistiċi li l-arti Maltija qatt setgħet tipproduċi f’dawk li huma suġġetti reliġjużi.

L-Inkurunazzjoni

               Il-Bormliżi minn dejjem kellhom devozzjoni u qima speċjali lejn dan il-kwadru. Ix-xewqa ta’ missirijietna kienet li jaraw il-Madonna tal-Kor inkurunata bħala Sultana ta’ Bormla. Din ix-xewqa twettqet meta l-Papa Piju X ħareġ id-digriet ta’ l-inkurunazzjoni fl-24 ta’ Jannar, 1905. Saru preparazzjonijiet kbar u kulħadd stinka biex il-festa tirnexxi b’suċċess. Il-jum mistenni kien il-25 ta’ Ġunju, 1905, meta l-Kardinal Domenico Ferrata, delegat tal-Papa Piju X (a latere) f’isem u skond ix-xewqa ta’ l-istess Papa, fost il-ferħ u l-entużjażmu tal-poplu Bormliż, poġġa fuq ras il-Verġni Marija dik il-kuruna tad-deheb mimlija djamanti u ħaġar prezzjuż. Dakinhar f’Bormla kienu saru festi kbar; l-armar speċjali tal-knisja sar fuq id-disinn ta’ Abram Gatt; it-toroq ta’ Bormla kienu kollha armati b’pavaljuni u trofej; l-armar kien jasal sa fejn Għajn Dwieli. Kollox kien juri kemm missirijietna kellhom devozzjoni lejn Marija Immakulata. Din il-ġrajja glorjuża tiġi mfakkra kull sena fl-ewwel Ħadd li jiġi fin-novena tal-Kunċizzjoni.

 

Żmien il-Gwerra ta’ l-1939 – 1945

               Fi żmien il-gwerra ta’ l-1939 – 1945 il-kwadru u l-istatwa tal-Kunċizzjoni flimkien ma’ bosta teżori oħra ġew trasportati f’Birkirkara biex ikunu aktar fis-sigurta` billi l-attakki ta’ l-ajru bdew jiżdiedu u jiħraxu. Bormla tfarrket kollha minbarra xi ftit djar ’l hawn u ’l hemm. Is-sura tagħha kienet tbikkik; jgħidu li madwar il-parroċċa biss xeħtu mhux inqas minn mitejn bomba; waħda minnhom ħabtet mal-gwarniċ tal-kampnar tal-qanpiena l-kbira, ġarrfet għal kollox il-bini ta’ quddiem, mingħajr ma messet il-knisja. Fost dik il-ħerba kollha l-parroċċa baqgħet wieqfa; żgur li dan kien miraklu tal-Verġni Marija. Għalhekk il-Kapitlu ddeċieda li jagħmel pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla bil-kwadru u l-istawa tal-Kunċizzjoni, b’radd il-ħajr għaliex it-tempju-santwarju ġie salvat mill-qerda tal-gwerra.

               Dan il-pellegrinaġġ sar fid-19 ta’ Novembru, 1944, u għadda mill-Ħamrun, il-Marsa u Raħal Ġdid. It-toroq kollha kienu fgati bin-nies; mill-inqas kien hemm mas-sittax-il-banda, u anke l-għaqdiet reliġjużi, soċjali u politiċi ta’ Malta kienu rrappreżentati. Jgħid il-Kanonku Cassar: “Malta pubblikament u solennement tat xhieda ta’ qima u devozzjoni lejn Marija Immakulata”. Kien veru trijonf tal-Verġni Marija. Tifkira ta’ dan il-pellegrinaġġ nazzjonali huma l-lapidi ta’ l-irħam li hemm fuq iz-zuntier, imwaħħlin mal-faċċata tal-knisja.

F’Għeluq il-Ħamsin Sena

               Fis-snin 1954 – 1955 f’Bormla saru festi speċjali biex ifakkru ċ-ċentinarju tad-domma ta’ l-Immakulata u l-għeluq tal-ħamsin sena mill-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Kor. Għal dawn il-festi ġie mistieden il-Kardinal Federico Tedeschini, li qaddes quddiesa pontifikali fil-kolleġġjata tagħna fl-24 ta’ Lulju, 1955.

               Fl-istess jum, iżda filgħaxija, il-kwadru tas-santwarju ġie meħud proċessjonalment fi Pjazza Sta. Margerita, fejn l-istess Kardinal dawwar bi stillarju ras il-Verġni Marija, f’atmosfera ta’ ferħ u entużjażmu. Il-pjazza kienet iffullata bin-nies. L-istillarju żammu l-President tal-Banda San Ġorġ, il-Perit Dom Mintoff, li dak iż-żmien kien ukoll il-Prim Ministru ta’ Malta. Wara ċ-ċerimonja fil-pjazza, saret purċissjoni bil-kwadru li għaddiet ukoll min-naħa ta’ Sta. Liena. Din il-ġurnata ma tintesa qatt.

Il-Bolol

               Biex dawn il-festi jibqgħu mfakkra, l-uffiċċju tal-posta ta’ Malta ħareġ sett ta’ tliet bolol, sbieħ ferm, bix-xbieha ta’ dan il-kwadru li hemm fil-lokal tal-parroċċa tagħna; dawn il-bolol intogħġbu ħafna u hekk ix-xbieha ħelwa tal-Madonna tal-Kor xterdet mad-dinja kollha, speċjalment fost dawk li huma dilettanti tal-bolol.

               Qabel ma nispiċċa, nixtieq ngħid li Dun Ġorġ Preca kellu devozzjoni kbira lejn dan il-kwadru, tant huwa hekk, li huwa ried li f’kull kappella tas-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M. ikun espost dan il-kwadru sabiħ u devot.

               Interessanti wkoll li l-pittur Pietru Pawl Caruana pitter il-Verġni Marija bil-libsa bajda u faxxa kaħla, ħaġa li dak iż-żmien kienet rari ħafna, għaliex il-Verġni Marija kienet dejjem tkun impittra b’libsa u mant ċelesti (mhux abjad); meta, iżda, ħafna snin wara, fl-1858 il-Verġni Marija dehret f’Lourdes, kienet b’libsa bajda u faxxa kaħla, eżatt kif tinsab fil-kwadru tal-parroċċa tagħna.

Mitt Sena Wara – Iċ-Ċentinarju ta’ l-2005

               Is-sena 2005 kienet l-għeluq tal-mitt sena mill-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Kor, għalhekk saru festi speċjali. Ġew mistiedna l-parroċċi viċin tagħna u l-Kapitli ta’ Malta. Il-Kapitlu tal-Bażilka ta’ Birkirkara ħa sehem fil-purċissjoni bil-kwadru ta’ l-Immakulata, li saret fil-25 ta’ Ġunju, 2005, il-jum eżatt meta saret l-inkurunazzjoni mill-Kardinal Domenico Ferrata fl-1905. Il-knisja kolleġġjata u t-toroq ta’ Bormla  kienu armati bħall-festa u sar pontifikal mill-Arċisqof Mercieca bil-paneġierku mill-Provinċjal tal-Karmelitani Patri Alexander Vella O. Carm.

               Matul il-festi kienu mistiedna wkoll il-Patrijiet Tereżjani, Karmelitani, Kapuċċini, Franġiskani Minuri u Franġiskani Konventwali. Saret akkademja mill-Kor Tota Pulchra u serata Marjana quddiem il-knisja ta’ Sta. Margerita fejn sar il-kxif ta’ lapida kommemorattiva.

               Bħala tifkira taċ-ċentinarju sar monument ta’ l-irħam fi Pjazza Gavino Gulia bi statwa tal-bronż indurat, xogħol ta’ Joe Chetcuti. L-induratura saret mis-Sur John Pace, u l-irħam ta’ Ronnie Pisani. Ġiet ukoll restawrata u mnaddfa l-vara tal-Kunċizzjoni. L-ispejjeż ġew imħallsa minn wieħed mill-kanonċi tagħna.

               Ħadu sehem diversi baned, fosthom La Stella ta’ Għawdex. Fil-purċissjoni tal-25 ta’ Ġunju kienu mistiedna l-Fratellanzi tal-Kunċizzjoni ta’ Malta u Għawdex, u l-banda ta’ Bormla għamlet programm speċjali nhar l-24 ta’ Ġunju fi Pjazza Paolino Vassallo. Famuż kien il-logħob tan-nar. Prosit lil kulħadd.

 

 

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com