Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe




Novelli tal-Milied

Bla Tama ta' Fejqan

kitba ta' Joseph Serracino



 

Ġo raħal ċkejken qalb l-għoljiet mħaddra kienet tgħammar familja fqira, li l-għaxjien tagħha kienet taqilgħu mix-xogħol tar-raba. Peress li l-missier kien marradi ħafna, huwa  pprova jsib xogħol ieħor biex jeħles darba għal dejjem mit-tbatija li ġġib magħha r-raba iżda qatt ma rnexxielu jaqta’ xewqtu.

Biex tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni, il-Gwerra ~ivili fi Spanja ġabet magħha  għakx kbir mal-pajjiż kollu, b’mod speċjali fl-irħula li kienu mifruxa qalb l-għoljiet.. Quddiem din is-sitwazzjoni mwiegħra, Pedro kellu jbaxxi rasu għar-rieda tad-destin u bi tbatija kbira jkompli jaħdem l-għalqa li ma kinitx trendi qliegħ biżżejjed biex jgħajjex tajjeb il-familja tiegħu.

B’danakollu, għalkemm il-familja ta’ Pedro kienet meqjusa fost l-ifqar tar-raħal, kienet hienja ħafna. Ta’ kuljum, qabel l-ikla ta’ filgħaxija, Pedro u martu Isabella kienu jsejħu liż-żewġt ibniet li kellhom, jidħlu fil-kamra ta’ bihom Fillipe  li kien ilu x-xhur marid, u flimkien kienu jirreċitaw ir-rużarju quddiem ix-xbiha tad-Duluri. Ta’ kull filgħaxija, wara l-fatra u l-ħasil tal-platti, Isabella kienet tintasab bilqiegħda maġenb il-mejda, u fid-dawl bati tal-lampa tal-pitrolju kienet taqbad ix-xogħol tal-ħjata li ta’ spiss  kienet tagħmel għal xi wħud mill-ġirien tagħha.

Kienet drawwa ta’ Pedro, li wara l-ikla ta’ filgħaxija kien jintefa’ fuq is-sodda ta’ Fillipe, u waqt li jagħmel sinjal liż-żewġt ibniet tewmin li kellu biex jitilgħu maġenbu, kien joqgħod jirrakkontalhom xi ħrafa sabiħa li jkun qara fi tfulitu jew meta ma jsibx x’jgħidilhom kien jiftah il-bibbja u jaqralhom xi silta sabiħa, inkella kien jivvintalhom xi storja li ma tispiċċa qatt.

Għal Pedro u martu, dawn kienu l-isbaħ waqtiet tal-ħajja tagħhom. Għalkemm fil-faqar tagħhom huma daqu l-morr tal-miżerja, huma kienu kuntenti għax dejjem emmnu fil-ħniena t’ Alla u li Hu kien jaf bil-ħtiġijiet tagħhom. Barra l-faqar daqu wkoll in-niket! Għal aktar minn sitt xhur, qalbhom kienet mifnija minn  biża’ kbira li binhom Fillipe seta’ jgħaddi l-kumplament ta’ ħajtu f’qiegħ ta’ sodda wara marda qalila  li kienet ħakmitu u ħallietu dgħajjef ħafna.

It-tabib Santana, it-tabib tar-raħal kien ta’ sikwit iżur lil Filippe biex jara x’progress kien qed jagħmel bil-pilloli li kien ġablu mill-isptar ċentrali ta’ Madrid. Jum fost l-oħrajn it-tabib inħasad! Huwa nnota b’sintomi li kien juru b’ċertezza li l-imsejken tfajjel kien riesaq bil-mod lejn tmiemu. Pedro mill-ewwel intebaħ bir-reazzjoni tat-tabib.

‘‘ X’ġara tabib?’‘ staqsieh itemtem.
‘‘ Pedro,’‘ lissen mdejjaq it-tabib, ‘‘ jiddispjaċini ngħidlek li saħħet Fillipe qed tnin bil-mod il-mod.’‘
‘‘ Allura possibbli, m’hemmx tama tabib?’‘
‘‘ It-tama tiegħi hi biss fil-Mulej ... jien ippruvajt nagħmel ħilti kollha, iżda wisq nibża’ li Fillipe dalwaqt...’‘
Kliem it-tabib ħasad lill-imsejken missier li dak il-ħin ħass tkexkixa bard tiġri ma’ ġismu kollu. Id-dehra magħluba ta’ Fillipe niktitlu qalbu, u waqt li gidem xufftejh biex iżomm karba ta’ qsim il-qalb dar fuq it-tabib u b’leħen miksur qallu:
‘‘ Tkellem ċar tabib. ‘‘
‘‘ Pedro  ... ma nista’ nagħmel xejn … nitlob lil Alla biex jgħinkom f’dan il-mument diffiċli…’‘
Dawn il-kliem maqtugħ tat-tabib semgħethom Isabella u fehmet sewwa l-qagħda ta’ binha. B’qalbha maqsuma dawret ħarsitha fuq il-kwadru tad-Duluri u b’ħeġġa kbira bdiet titlob lil dik l-omm ħanina biex tħenn għal binha. Bla ma ntebħet, id-dmugħ li beda jġelben għal fuq ħaddejha waqa’ fuq wiċċ binha.
‘‘ Ma xi ġralek? ‘‘  staqsieha t-tfajjel waqt li ġġenneb lejha, ‘‘ Għaliex qed tibki?’‘
‘‘ M’iniex nibki, ibni...’‘ qaltlu l-imsejkna waqt li b’ħeffa kbira mesħet għajnejha bil-komma tal-liebsa.
‘‘ Jaqaw m’għandekx flus biex tixtrili l-mediċina?’‘
‘‘ Le ... le, ibni,’‘ lissnet b’leħen miksur ommu
‘‘ Mela għaliex qed tibki, Ma?’‘
‘‘ Għax jumejn oħra l-Milied ibni u int ma tistax tattendi l-funzjoni  ... tiftakar li s-sena l-oħra għamilt il-priedka tal-Milied Fillipe?’‘
‘‘ Iva, niftakar, Ma ... iżda din is-sena ma niflaħx imur il-knisja, ‘‘ weġibha Fillipe waqt li bi tbatija kbira reġa’ medd rasu  mill-ġdid fuq l-imħaded.
Kif l-imsejkna omm semgħetu jlissen dak il-kliem ħasset qalbha trid tinqasam.
‘‘Taqtax qalbek ibni ... itlob lill-Bambin Gesu biex ifejqek, ibni ...  Gesu jħobbhom ħafna lit-tfal bħalek u żgur li jisma’ t-talba tiegħek.

It-tfajjel għatxan biex iqum mis-sodda beda jitlob bil-qalb, iżda wara ftit għeja,  għajnu marret bih u raqad. £utu l-bniet aljenati fil-logħob f’kamra fil-ġenb lanqas biex intebħu x’kien qed jiġri, iżda meta ommhom għajtitilhom u fost l-infieq talbithom biex jitolbu għal ħuhom għax kien marid ħafna, dawn waqfu mil-logħob, niżlu għarkubbtejhom quddiem l-kwadru tal-Madonna u bdew jitolbuha tfejjaq lill-Filippe.

 

                                                            *****

Il-Milied wasal, u lejlet din il-festa kbira, kienet drawwa li ta’ kull sena ssir purċissjoni ċkejkna bl-istatwa tal-Bambin fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja u wara ssir il-priedka tat-tifel fil-knisja. F’dik l-għodwa, it-tabib mar ikellem lill-kappillan u talbu biex  jitlob għal Fillipe li kien marid serjament. Il-kappillan iddispjaċih ħafna  u wiegħdu li l-għada tal-Milied huwa kien beħsiebu jiġbor lit-tfal kollha tar-raħal u jagħmel purċissjoni oħra  bil-Bambin sad-dar ta’ Fillipe.

L-għada tal-Milied ix-xwejjaħ tabib mar jara lil Fillipe u meta rah tħasseb! Saħħet Fillipe kienet debboli ħafna, iżda hu ddeċieda li ma jgħidt xejn lill-ġenituri tiegħu.  F’ħin minnhom mill-bogħod beda jinstema’ d-daqq ta’ vjolini u l-kant ħlejju tat-tfal. It-tabib iffissa ħarstu f’wiċċ Fillipe, u b’sorpriża kbira fuqu nnota li wiċċ it-tfajjel beda jieħu l-kulur u xufftejh dehru jitħarrku bil-mod. F’daqqa waħda ħasadhom! Fillipe deher ineħħi l-kutri minn fuqu, u waqt li bi tbatija kbira pprova jqum bilqiegħda fuq is-sodda, b’leħen fgat għajjat:
‘‘ Ma, ma ... ġejjin bil-Bambin.’‘
Izabella ġriet lejn is-sodda u ppruvat tgħattih mill-ġdid, iżda Pedro refgħu bil-mod u ħadu maġenb it-tieqa li kienet tagħti għat-triq. Peress li l-purċissjoni kienet waslet taħt it-tieqa ta’ kamartu, it-tabib fetaħ it-tieqa beraħ biex Fillipe jkun jista’ jara l-purċissjoni sewwa u jinnotah jekk jagħrafx lil xi wħud minn sħabu. Għad-dehra ta’ sħabu għajnejn Fillipe bdew jiddu bil-ferħ u wiċċu ħmar qisu peprina. B’għajnejh imfawrin bid-dmugħ Filippe deher iħarrek fommu u għal mument instema’ jkanta, iżda wara ftit kellu jieqaf biex jieħu n-nifs, imbagħad reġa’ beda jkanta sakemm reġa’ waqaf mill-ġdid minħabba l-qtugħ ta’ nifs. Dan l-eċċitament ta’ ferħ ta’ Filippe nikket ħafna lill-ġenituri tiegħu għax kienu jafu li binhom kien wasal fi tmiemu. Hekk kif ix-xwejjaħ tabib għamel sinjal lil Pedro biex iqiegħed it-tifel fis-sodda daħal jiġri l-kappillan fl-għorfa, ħataf lil Filippe minn dirgħajn missieru, u waqt li ressqu  mill-ġdid lejn it-tieqa b’leħen miksur beda jgħidlu:
‘‘ Isa Fillipe.... Gesu ġie jarak ... itlobu bil-qalb ibni ...  Hu jisimgħek żgur.’‘
It-tfajjel ħares lejn il-kappillan u tbissem! Hu fehem sewwa x’kien qed jitolbu Padre Jose, għalhekk, waqt li b’għajnejh imfawrin bid-dmugħ ħares lejn Gesu tarbija, ġibed nifs qawwi u b’vuċi mriegħda llissen bil-mod:
‘‘ Ġesu ... fejjaqni ... tħallinix immut.’‘
‘‘Itolbu ibni ...  itolbu bil-qalb,’‘  tenniet ommu mbikkija.
Iżda Fillipe ma felaħx jitkellem. Għal mument il-qtugħ ta’ nifs ma ħalliex ikompli, iżda meta ħares lejn ommu u raha mnikkta, għamel kuraġġ u bil-ftit  saħħa li kien fadallu lissen dawn il-kelmiet ‘‘...Gesu, jien qed nitolbok din il-grazzja mhux għalija, iżda għal ommi u missieri li tant iħobbuni ... jekk trid Int tista’ tfejjaqni Ġesu… ‘‘
F’daqqa waħda l-istatwa ċkejkna ta’ Gesu ntliet bid-dija u tarbija dehret tieħu l-ħajja u titbissem lil Fillipe. Din il-viżjoni kienet waħda mumentanja, iżda kienet biżżejjed biex tnissel ferħ kbir fost dawk miġbura u emmnu kemm hi kbira l-imħabba t’Alla għal min tabilħaqq iħobbu. Fost l-għaġeb tat-tabib u tal-ġenituri tat-tfajjel, Fillipe deher jinħall minn dirgħajn il-kappillan u hekk kif mess riġlejh ma’ l-art b’vuċi soda għajjat:
‘‘ Jien imfejjaq  Ma ... Ġesu fejjaqni!
Ma’ l-agħjat ferrieħi tat-tfajjel inqalgħet għagħa kbira fost il-miġemgħa li bdiet tgħajjat:
‘‘ Miraklu ... Miraklu ... Fillipe imfejjaq ... Fillipe imfejjaq ...’‘
It-tabib kien pront refa’ lil Fillipe, u wara li eżaminah b’reqqa kbira quddiem il-kappillan, b’għaġeb kbir fuqu lissen minn taħt l-ilsien:
‘‘ Fillipe jinsab imfejjaq għal kollox ... ikun imfaħħar il-Mulej li wera  l-ħniena kbira ma’ dan it-tfajjel li tant kien iħobbu.’‘

*****

 

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com