Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe




Novelli tal-Milied

It-Tfajjel Fernandez

kitba ta' Joseph Serracino



 

Don Pablo di Moreno kien magħruf ma’ Spanja kollha għall-karitajiet kbar li kien jagħmel mal-foqra tal-belt ta’ Madrid. Il-faqar, li kien jidher u jinħass ma’ kullimkien ġiegħel lil Don Pablo jwaqqaf moviment ta’ azzjoni fost il-ħaddiema Spanjoli, bil-għan li jingħaqdu flimkien fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni u l-inġustizzji li kienu jsiru fuq il-lant ix-xogħol, u b’hekk jiksbu dawk id-drittijiet u l-jeddijiet li l-ħaddiema ta’ pajjiżi oħra kienu ilhom snin igawdu.

B’dawn il-ġlidiet Don Pablo mhux biss kompla kattar ir-rispett u l-imħabba li kien igawdi ma’ dan il-poplu dħuli iżda maż-żmien għamluh il-mexxej nazzjonali tagħhom. Ġara iżda, li jum fost l-oħrajn waqt laqgħa importanti ħafna huwa stqarr li kien ateu u ta ordni lill-uffiċjali tiegħu biex minnufih jitneħħew il-kurċifissi mill-uffiċċji kollha u ma jattendux aktar funżjonijiet reliġjużi. Din id-dikjarazzjoni mhux mistennija minn Don Pablo tant beżżgħet lil sħabu li f’qasir żmien ħafna minnhom telquh u ffurmaw moviment politiku ġdid.

Fi ftit jiem fil-pajjiż kollu qamet għagha kbira u n-nies bdiet tħares lejh il-kap tagħhom b’suspett. Don Diego kien jaf tajjeb li bid-dikjarazzjoni li għamel il-moviment tiegħu kien se jitlef il-fiduċja tal-poplu Spanjol, iżda hu deċiż  fil-ħsieb tiegħu u quddiem kulħadd sostna kemm-il darba li fil-ħajja ma tistax isservi żewġ sidien. Huwa kien jemmen li bħala kap ta’ moviment huwa ma setax jkompli juri wiċċ b’ieħor biex jintogħġob ma’ sħabu, u għalhekk qalilhom li ma riedx jisma lil min jitkellem jew isemmi r-reliġjon quddiemu. B’danakollu, lil martu li kienet kattolika ferventi, qatt ma ndaħħlilha fil-qadi ta’ dmirijietha bil-kundizzjoni li lilu tħallih jgħix ħajtu kif  jixtieq hu.

It-tilwim kontinwu ma’ sħabu għamlulu ħajtu nfern! ħafna drabi kien jasal id-dar għajjien ħafna, jingħalaq fl-istudju tiegħu u jagħti ordni lill-qaddejja biex iħalluh kwiet u ma jfixklu ħadd. Kull min kien jiltaqa’ miegħu wara dan l-egħluq stramb mill-ewwel kien jintebaħ bil-bidla kbira li tkun saret fih. Minn bniedem ta’ karattru kalm u dħuli kien jinbidel f’wieħed nervuż u ta’ ftit kliem. Meta martu kienet tarah hekk imħawwad kienet titħassru u qalbha titnikket. Hija kienet taf li żewġha kien għaddej minn perijodu ta’ taħwid emozzjonali, ikkawżat minn konflitt ta’ kuxjenza mħawda, u li aktar ma beda għaddej iż-żmien aktar bdiet tkiddu u tifnieh bil-mod il-mod.

Lil martu Rożita kien iħobbha b’imħabba tal-ġenn. Kull min kien jarahom flimkien kien jistqarr, li minkejja t-tnejn kienu qabżu l-ħamsin huma kienu għadhom jinħabbu bħal żewġ namrati. Fernandez kien l-uniku wild li kellhom. Ġie wara sittax-il sena żwieġ meta huma kienu diġa' qatgħu qalbhom li seta’ jkollhom tfal. Għalhekk wieħed jista’ jimmaġina x’ferħ ħasset din il-koppja, meta wara disa’ xhur ta’ qtigħ il-qalb minħabba xi kumplikazzjonijiet li nqalgħu waqt it-tqala, instemgħet l-ewwel twerżiqa tal-werriet tal-familja nobbli di Moreno.

Fernandez kien kollox għal missieru. Fih huwa kien jara l-moħħ u l-id li kellu jmexxi n-negozju kbir li hu kellu, għalhekk huwa ħalef li jgħallmu u jħarrġu f’dak kollu li hu meħtieġ biex meta jikber ikun kapaċi jieħu r-responsabbilta’ tat-tmexxija f’idejh u jkompli jkabbar in-negozju tiegħu f’provinċi oħra ta’ Spanja.

                                                ******

Iż-żmien ma jistenna lil ħadd u Fernandez beda jikber u jissaħħaħ. Fuq l-insistenza ta’ Rożita, Fernandez ġie mdaħħal f’kulleġġ tal-patrijiet. Ir-riżultati finali fil-livell primarju taw indikazzjoni ċara li t-tfajjel kellu moħħu tajjeb, tant li missieru twebbel li joħorġu mill-kulleġġ tal-patrijiet u jibagħtu f’kulleġġ aqwa.

Jum fost l-oħrajn, Don Pablo wasal id-dar tard aktar mis-soltu. Għall-ewwel kien se jibqa’ sejjer dritt f’kamartu, iżda kif wasal ħdejn il-kamra ta’ ibnu  ftakar f’xi ħaġa, fetaħ il-basket u minnu ħareġ ktieb imdaqqas, tah ħarsa ħafifa, tbissem u bil-mod fetaħ il-bieb tal-kamra. Fernandez kien mixħut fuq soddtu mehdi jaqra ktieb. Għal mument missieru qagħad iħares lejh u jammira l-ġabra tiegħu. Dak in-nhar Fernandez kien għalaq tnax-il sena u għal din l-okkażjoni hu kien xtralu ktieb li xtaq jirregalahulu personalment. F’ħin minnhom Fernandez refa’ rasu u kif lemaħ lil missieru fid-daħla tal-bieb qabeż minn soddtu u hekk kif resaq lejh qallu:

           ‘‘ Skużani missier ... ma ntbaħx bik.’‘ 
‘‘ Ma ġara xejn ibni ... rajtek aljenat taqra u ma xtaqtx li nfixklek,’‘ qallu missieru hekk kif għannqu miegħu,  ‘‘ Illum xtrajtek ktieb ieħor dwar  ‘El Cid’ ... nittama li jogħġbok ħafna.’‘                   
Fernandez kien pront fetaħ il-kbieb biex jara l-istampi.
‘‘ Kemm hu sabiħ!’‘ lissen ferħan.
Hawnhekk Don Pablo ntasab bilqiegħda fuq is-sodda u bi ħlewwa kbira qal lil ibnu:
‘‘ Fernandez ... illum int għalaqt tnax-il sena u għalhekk issa wasal iż-żmien li int tkompli l-istudji tiegħek f’kulleġġ ieħor. ‘‘
Għal dan il-kliem, Fernandez għalaq il-ktieb u b’diqaċ kbira f’qalbu ħares lejn missieru li ssokta jgħidlu:
‘‘ Ara ibni ...  jien għamilt ħsieb li nibagħtek fl-aqwa kulleġġ li għandna f’Madrid, basta int twegħdni li l-istudju tiegħek tieħdu b’aktar serjeta’.’‘     
‘‘ Imma missier,’‘ beda jlaqlaq it-tifel, ‘‘ jien ma nixtieqx immur nitgħallem f’kulleġġ ieħor ... patri Jose’ qalli li s-sena d-dieħla se nibda l-ewwel sena sekondarja.’‘
Don Pablo kemmex ħuġbejh u pprova jibqa’ kalm.
‘‘ Fernandez, patri Jose’ ilu żmien jaf bil-ħsieb tiegħi li noħorġok mill-kulleġġ tagħhom u ndaħħlek f’kulleġġ ieħor ... jien inħoss li dan il-patri jkun qed jonqos serjament jekk bi kliemu jipprova jinfluwenza lilek u lil sħabek f’deċiżjonijiet li suppost u bi dritt għandhom jeħduhom il-ġenituri tagħkom.’‘
‘‘ Iżda patri Jose’ ma qalli xejn dwar il-ħsieb tiegħek ... qalli biss li  sena oħra se nitla’ mal-kbar.’‘
‘‘Insomma, naqtugħha, int wasalt f’eta li tkompli l-istudji tiegħek f’kulleġġ ieħor ... jien lill-patrijiet ma nafdahom f’xejn ... dawk iħobbu jindaħħlu wisq f’kwistjonijiet familjari.’‘

It-tfajjel baxxa rasu u nfexx jibki. Hawnhekk missieru kkonfonda u waqt li taptaplu fuq spalltu bi ħlewwa kbira staqsieh:
‘‘ Mela int ma tixtieqx tagħmlilna unur meta tikber?’‘      
‘‘ Iva ... iżda ma nixtieqx li nitlaq il-kulleġġ, għax ...’‘
‘‘ U għaliex, ibni?’‘ staqsieh bil-ħatfa missieru.
‘‘ Għax , għax nixtieq li nsir patri,’‘ temtem Fernandez.
Għal dan il-kliem wiċċ Don Pablo bjad u qabditu rogħda kbira ma’ ġismu kollu.
‘‘ X’għidt ... trid issir patri?’‘ staqsieh irrabjat missieru, ‘‘ mela int qed tiġġennen ... u min se jieħu ħsieb in-negozju wara li nirtira jien ... le, le, dan ma jkun qatt.’‘ issokta jgħidlu, ‘‘ Ara x’jien ngħidlek ... jekk int ma tismax minni u tbiddel fehmtek, se tbati ħafna ... naħliflek li naqflek f’din il-villa u ma toħroġx aktar minnha.’‘

L-agħjat ta’ Pablo u t-tisbita tal-bieb ħasdu lil Rożita, li dak il-ħin kienet bilqiegħda fuq pultruna fis-salott tirrakkma sett imkatar tal-ħarir, li kienet beħsiebha tagħtihom rigal lill-kamriera tagħha. Mifxula bil-ħasda li ħadet, hi telqet l-imkatar fuq is-sufan, u b’eċċitament kbir fuqha ġriet għall-kamra ta’ binha. Kif Fernandez ra lil ommu nfexx jibkiu fost l-ilfieq irrakkontalha x’kien qallu  missieru.
‘‘ Issa nkellmu jien,’‘ wegħditu nkwetata ommu, ‘‘iżda issa aħjar tipprova torqod għax sar ħafna ħin,’‘ issoktat tgħidlu, hekk kif bisitu fuq moħħu u ħarġet bil-mod minn kamartu.

Rożita, imbaqbqa, baqgħet sejra dritt fl-istudju ta’ żewġha u sabitu mitluf jikteb u jiċċekkja xi kontijiet u rċevuti li kienu mxerrdin fuq l-iskrivanija. Pablo mill-ewwel intebaħ b’martu, iżda ħallieha dieħla u għamel ta’ bir-ruħu li kien aljenat fuq xogħlu.
‘‘ Imissek tistħi, Pablo, ‘‘ bdiet tgħidlu martu, ‘‘bl-agħjat tiegħek werwirtu tifel.’‘
‘‘ Rożita,’‘ qalilha żewġha hekk kif b’kalma kbira poġġa t-tokka fil-klamar tal-linka u ħares lejha, ‘‘ jien naf tajjeb x’qiegħed nagħmel.’‘  
‘‘ Fernandez hu ibni daqs kemm hu ibnek ... l-edukazzjoni tiegħu hi responsabbilta’ tagħna t-tnejn.’‘
‘‘ Iżda issa wasal iż-żmien li nieħu ħsiebha jien, għalhekk nitolbok biex din il-kwistjoni tħalliha f’idejja ... jien iddeċidejt li lil Fernandez indaħħlu f’kulleġġ ieħor għax irridu jsir raġel ... jien ma rridx lil ibni jiġi nfluwenzat minn patri Jose’ u sħabu ... għalhekk issa li taf bid-deċiżjoni tiegħi, nixtieqek li  tħallini fil-kwiet għax għandi ħafna x’nagħmel.’‘
‘‘ Jien mhux beħsiebi ntawwal dan l-argument, Pablo,’‘ qaltlu martu.
‘‘ Kollox sew Rożita … ħalli f’idejja,’‘ talabha mill-ġdid Pablo hekk kif għamel ta’ bir-ruħu qed jiċċekkja xi kont u jqabblu mill-ġdid ma’  dak li  kien imniżżel fir-reġistru.
‘‘Nitolbok Pablo tkunx ibleh ... tkunx int li jġiegħlu jbiddel il-volonta’ tiegħu kontra qalbu,’‘ widdbitu martu hekk kif daret biex toħroġ mill-istudju ta’ żewġha. 

                                                ******

Għaddew ix-xhur u Fernandez baqa’ riżolut fil-fehma tiegħu. Meta ommu kienet tarah hekk maħqur, kienet titolbu bil-ħniena biex ibiddel fehmtu u jċedi għax-xewqa ta’ missieru, li min-naħa tiegħu, meta kien jarah hekk sod fil-fehma tiegħu aktar kien iwebbes il-ħsieb tiegħu. Il-ħabs li sab ruħu fih Fernandez ma dejqu xejn, iżda ommu, mifnija bid-dulur, ta’ spiss kienet tgħid lil żewġha:
‘‘ Imma possibbli Pablo, għajnejk mhux f’wiċċek ... m’intix tara kif sar Fernandez... m’hu jiekol xejn ... sar isfar lellux ... lanqas forza biex jieqaf fuq saqajh ma fadalu.’‘
Iżda Pablo ma ried jisma’ b’xejn.
‘‘Dan kollu ġabu b’idejh,’‘ kien jgħidilha, ‘‘ jekk ikompli jwebbes rasu għax-xewqa tiegħi, naħliflek li huwa jibqa’ msakkar f’din il-villa u l-mewt biss toħorġu minnha ... l-għażla f’idejh!’‘

                                                *****

F’lejlet il-Milied Pablo ħassu mdejjaq aktar mis-soltu. Biex żgur jeħles mill-ħars imnikket ta’ Rożita huwa ħareġ kmieni mill-villa u meta reġa’ lura kien kważi fis-sakra. Biex ma jinkwetax lil martu li baqgħet imqajma tistennieh, huwa baqa’ sejjer dritt f’kamartu. Iżda t-tqaħqiħa mkarkra tiegħu ħasditha u ġiegħlitha tqum minn fuq il-pultruna u toħroġ mis-salott biex isellimlu, iżda kien kollu għalxejn, għax hu kien diġa daħal f’kamartu u sakkar il-bieb warajh.

Għal ftit sekondi Rożita baqgħet wieqfa tħares  lejn il-kuritur twil li kien jifred il-kamra tas-sodda ta’ żewġha minn dik ta’ binha. Dak il-ħin għajnejha kienu mfawrin bid-dmugħ u rogħda misterjuża heżżitha minn rasha sa riġlejha L-għaraq kiesaħ beda jxoqq għaliha! L-imsejkna omm beżgħet li se jtiha xi ħassħażin iżda x-xewqa li tmur tagħti l-aħħar titwila lil binha qabel tirtira f’kamritha ġegħlitha tagħmel kuraġġ u tinsa t-trawma tal-biża’ li mumentanjament għaddiet minn fuqha. B’rogħda kbira fuqha waslet wara l-bieb ta’ kamartu, fetħitu bil-mod, u hekk kif ħarsitha waqgħet fuq wiċċ Fernandez, intebħet li għajnejh kienu marru bih waqt li kien qed jaqra l-ktieb li tah missieru. Bid-dmugħ iġelben għal fuq ħaddejha musfara l-imsejkna omm baqgħet wieqfa tħares imnikkta lejn binha. Qalbha bdiet tħebirha li kien wasal fi tmiemu! Dan il-ħsieb kompla qasmilha qalbha u nfexxet tibki. Meta ġiet f’tagħha, mesħet għajnejha, tfiet id-dawl, u wara li għalqet il-bieb bil-mod, irtirat f’kamritha biex hemmhekk tipprova sserraħ lill-qalbha fis-skiet tas-solitudni.

                                                *****

It-tokki ta’ l-arloġġ tal-kunvent tal-patrijiet instemgħu jdoqqu nofs il-lejl. Kien lejl xitwi kif jaf jagħmel ix-xahar ta’ Diċembru. Ix-xita kienet ilha nieżla l-ġurnata kollha bla ma taqta’ xejn. Aktar ma beda għaddej ħin, il-beraq u s-sajjetti aktar żdiedu! F’dik il-ħemda, li xi drabi nkissret b’ħalbiet qliel tax-xita, ir-riħ ukoll ried juri qawwietu u beda jinstema’ jvenven qalb is-siġar u t-toroq dojoq li kienu jagħtu għall-palazz tal-familja di Moreno.

Wara raqda qasira, Pablo qam maħsud! Kien għarqan xraba, għajnejh kienu mberqin iħarsu ċassi lejn il-ħajt mudlam ta’ quddiemu. Wiċċu kien mixrub u bixritu kienet tal-biża’! Rogħda kbira ħakmitu minn rasu sa riġlejh, fommu ntebaq u ma felaħx ilissen kelma. Don Pablo, il-bniedem li minn jaf kemm-il darba ftaħar li ma kien jibża’ minn xejn u minn ħadd kien jinsab imwerwer f’soddtu, iħares beżgħan madwaru qisu kien qed jara xi fantasma.

Wara ftit beda jħossu jistejqer, moħħu beda jikkalma mit-taħwid u l-biża’ li qabdu u l-memorja tiegħu bdiet ġejja f’tagħha. B’ħarstu ffissata lejn is-saqaf, Pablo ftakar fil-ħolma li kienet kexkxitu u ħawditu ħafna. £olom li kien qiegħed f’ċimiterju f’nofs ta’ lejl xitwi. Maġenbu kien hemm raġel xwejjaħ, b’rasu mgħottija b’kapoċċ u li kien qed iżommu tajjeb minn idejh huma u għaddejjin qalb il-passaġġi dojoq mimlijin oqbra. Kultant ix-xwejjaħ kien jieqaf ħdejn xi qabar u b’subgħajh mgħaddmin jurih l-isem fuq il-lapida tal-irħam u jgħidlu min kien u x’kien meta kien għadu ħaj. Lil xi wħud minnhom Pablo kien jafhom tajjeb u tgħidx kemm stagħġeb meta sar jaf li kienu mietu. F’ħin minnhom ix-xwejjaħ ħa lil Pablu f’post imwarrab u waqqfu quddiem qabar ġdid li l-lapida tiegħu kienet għadha bla isem. Id-dehra ta’ dan il-qabar vojt kexkex lil Pablo u bla ma ried inġibed lura. Ix-xwejjaħ dar fuq Pablo u b’leħen imriegħed staqsieh:
‘‘ Don Pablo, għaliex qed tibża’ daqshekk ... int tiftaħar tant li ma tibża’ minn xejn u issa qed tirtogħod quddiem qabar vojt?’‘
‘‘ Ma nafx … ma nafx,’‘ beda jtemtem Don Pablo, ‘‘ qalbi qed tħebirni li dan il-qabar huwa lest biex jħaddan fih lil xi ħadd għażiż għalija.’‘
‘‘ Sewwa, sewwa qed tgħid … dan il-qabar dalwaqt jimtela jekk int tkompli twebbes qalbek  ...  ‘‘ widdbu b’leħen tqil ix-xwejjaħ.
Kliem ix-xwejjaħ werwer lil Don Pablo:
‘‘ Inwebbes qabli … ma min… għal min qed tgħidli ?’‘
‘‘ Ma nistax ngħidlek ... iżda jekk int tkompli tfixkel ir-rieda Tiegħu  ma jdumx wisq vojt...’‘
Hawnhekk Don Pablo waqaf ħesrem u ħares imbeżża’ lejn ix-xwejjaħ. Issa huwa fehem sewwa x’kien il-messaġġ tax-xwejjaħ.
‘‘ Jekk jiġri hekk, il-ħtija tkun kollha tiegħi,’‘ lissen sogħbien Don Pablo, ‘‘nitolbok, għidli, kif nista’ nsewwi dil-kuxjenza li qed inħossha tifgani?’‘
‘‘ Emmen f’Alla u fil-ħniena kbira Tiegħu … ħallieha titwettaq ix-xewqa ta’ ibnek.’‘
‘‘ U Fernandez  jgħix?’‘
Ix-xwejjaħ baqa’ sieket iħares lejn il-qabar.
‘‘ Ma tweġibnix … għidli ibni jgħix?’‘ staqsieh itemtem Don Pablo.
‘‘ Iva, iva jgħix,’‘ tenna x-xwejjaħ wara pawsa qasira, hekk kif reħa id Pablo u  bla kliem u sliem kompla triqtu qalb l-oqbra miftuħin.
‘‘ Mela sejjer ... se tħallini waħdi f’dan il-post tal-biża’ ... mhux se tgħidli min int?’‘ staqsieh Don Pablo hekk kif b’pass imgħaġġel ipprova jilħqu.
Ix-xwejjaħ waqaf, dar lejn Pablo, u hekk kif neħħa l-kapoċċ minn fuq rasu dehret ras ta’ skeletru.
Għad-dehra makabra tax-xwejjaħ Pablo ried jgħajjat bil-biża’ li qablu, iżda l-għajta tiegħu mietet fuq fommu. Ix-xwejjaħ ipponta subgħajh lejh u b’leħen imriegħed qallu:
‘‘ Issa li taf min jien, taf ukoll x’inhu l-messaġġ tiegħi.’‘
Ma l-aħħar kelma tiegħu, ix-xwejjaħ reġa’ għatta rasu bil-kapoċċ u għeb qalb l-oqbra taċ-ċimiterju.

Kienet proprju l-aħħar dehra makabra u twiddiba tax-xwejjaħ li qajmet lil Pablo imwerwer. Għall-ewwel ħaseb li x-xorb li xorob qalbu u ħolom ikrah, iżda f’daqqa waħda ftakar li dak il-lejl kien wieħed speċjali għal insara kollha u għalhekk dik ma kinitx sempliċi ħolma iżda kienet twissija serja u ċara. F’daqqa waħda ftakar f’Fernandez, neħħa l-friex minn fuqu u mar jiġri jara lil ibnu.
Kif daħal f’kamartu u resaq maġenbu nħasad! Id-dehra ta’ Fernandez  kienet ta’ tifel marradi. L-egħlubija tiegħu kexkxitu u s-sfura ta’ wiċċu nikktitlu qalbu. Peress li ibnu kien rieqed ma qajmux, iżda waqt li biesu fuq ġbinu b’leħen miksur lissen bil-mod.
‘‘ Fernandez… int erħabtli… ir-rieda tiegħek ġegħlitni nintebaħ li l-paċi u l-hena ssibha biss fil-Mulej. ‘‘
Ma’ l-aħħar kelma, Pablo ressaq pultruna maġenb is-sodda ta’ ibnu u ntasab fiha. Huwa u jħares madwaru, ħarstu waqgħet fuq pittura kbira ta’ martu u deherlu li raha titbissimlu. Dak il-ħin moħħu mtela b’ħafna tifkiriet li ġiegħluh jidħak u jibki fl-istess ħin. Ftit tal-ħin wara għajnu marret bih u raqad kuntent fuq il-pultruna.

******

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com