Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe




Is-Saħħa Mentali
kitba ta' Vincent Schembri


Kummissjoni Djakonija




 

Kull parti tal-ġisem hija mportanti fil-ħajja tal-bniedem. Iżda, waqt li l-qalb tippompja d-demm fil-vini li jżomm ħaj kull taqsima tal-ġisem fejn dan jiġri, huwa l-moħħ li jilqa’ u jibgħat kull stimulu għall-azzjoni lill-membri kollha tal-korp uman. Fil-moħħ tinbed l-ewwel kull riflessjoni, kull ħsieb, kull azzjoni u tqanqil ta’ emozzjoni. Għalhekk huwa tajjeb li nkunu nfurmati dwar il-mard tal-moħħ.

Fil-bidu ta’ Novembru, is-social worker, Ms. Maria Daniela Farrugia, ġiet tkellem lill-membri tal-Kummissjoni Djakonija fuq is-saħħa mentali. Billi dan is-suġġett hu daqshekk importanti, fejn f’Bormla hawn waħda mill-akbar rati ta’ persuni li jbatu bil-mard mentali, huwa tajjeb li naqsmu mal-membri kollha tal-parroċċa dak li ntqal.

Illum ix-xjenza mxiet il-quddiem ħafna f’dan il-qasam. Iżda għalkemm huwa stmat li wieħed minn kull erba’ persuni jbati b’nuqqas ta’ saħħa mentali f’xi żmien f’ħajtu, xorta waħda baqa’ ħafna stmerrija lejn dawk li jimirdu biha.

Il-moħħ hu organu kumpless ħafna u mhux ħaġa ta’ barra minn hawn li f’xi waqt, għal xi raġuni jew oħra, ma jaħdimx kif suppost. Ħafna drabi, l-problemi li ġieli jinqalgħu jibqgħu moħbija. Iżda meta l-persuna f’dan l-istat issib il-gwaj ma’ wiċċha, jew ikollha tensjoni fl-ambjent fejn tgħix, fuq ix-xogħol, jew fil-familja, x’aktarx li dawn il-problemi joħorġu fil-beraħ.

Kemm tkun ħaġa tajba li min jieħu ħsieb xi ħadd li jsofri b’nuqqas ta’ saħħa mentali u li jgħix id-dar, jagħmel kollox bil-paċenzja u għall-imħabba tal-proxxmu. Il-għan ta’ min idur bihom għandu jkun dejjem li l-marid isir indipendenti biżżejjed biex ikun jista’ jerġa’ lura fis-soċjeta`. Għalhekk kull ħaġa għandha ssir FLIMKIEN biex tissarraf fi proċess ta’ kura għall-pazjent.

Il-passiġġata fix-xemx moderata tgħin ħafna, l-aktar lil dawk li jbatu bid-dipressjoni. Importanti li l-morda jkomplu jieħdu l-mediċina preskritta lilhom mit-tobba. Meta jieqfu jiħduhom ikunu jagħmlu ħsara kbira lilhom infushom. Dawn il-mediċini, li ħafna minnhom idumu sa tliet ġimgħat biex jaħdmu, x’aktarx ma jibqgħux effettivi wara li l-pazjent jieqaf jeħodhom. Il-marid ikollu jerġa’ jibda mill-bidu u t-tabib ikun irid jagħtih kors ta’ mediċini differenti, b’ħafna dewmien li jinqala’ f’każi bħal dawn.

Nixtiequ li b’dawn il-ftit ħsibijiet nuru s-solidarjeta` tagħna ma’ dawk li jsofru bil-mard mentali u ma’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Fl-istess ħin irridu nuru x-xewqa tagħna li nkunu ta’ għajnuna, sa fejn aħna kapaċi.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com