Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe




Il-Kwadru Titulari


tal- Kunċizzjoni Ta’ Bormla



kitba ta' Joseph Serracino



 

Il-poplu Bormliż huwa magħruf ħafna għad-devozzjoni kbira li minn dejjem kellu lejn il-Madonna. Din id-devozzjoni ħerqana u qawwija daqs is-swar li jdawru l-belt Cospicua rajnieha titwettaq kemm-il darba fil-kobor tagħha  b’manifestazzjonijiet kbar Marjani li dan il-poplu ħawtieli għamel tul is-snin u li fihom dejjem wera l-imħabba u l-qima kbira li kellu lejn din l-omm tas-sema.    

Kif jaf kulħadd, il-knisja parrokkjali ta’ din il-belt antika hija ddedikata lis-Sidtna Marija taħt it-titlu tal-Kunċizzjoni li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata ta’ kull sena nhar it-8 ta’ Diċembru. Din is-sena qegħdin nikkommemoraw il-150 sena minn meta il-Papa Piju XI ipproklama d-Domma ta’ l-Immakulata nhar it-8 ta’ Diċembru 1854 waqt li s-sena d-dieħla l-poplu Bormliż se jiċċelebra bil-kbir iċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari (1905) li jinsab fuq l-artal tal-kor tal-kolleġġjata, xogħol mill-isbaħ u artistiku tal-pittur belti Pietru Pawl Caruana li pittru fl-1828.

Qabel dan il-kwadru titulari kien hemm tnejn oħra ddedikati lill-Kunċizzjoni. L-ewwel  kwadru, magħmul fi stil Grieg kien ta’ l-injam u li aktarx kien ilu mqiegħed f’din il-knisja parrokkjali mill-bidu tagħha. Dan il-kwadru kien jirrappreżenta xhieba tal-Madonna f’nofs ħafna qaddisin. Għall-ħabta ta’ l-1775 dan il-kwadru inbidel ma’ ieħor akbar impitter fuq it-tila, xogħol mill-isbaħ ta’ Karlu Gimach li għex bejn l-1651 u l-1730. Dan il-kwadru li kien jirrappreżenta xhieba mill-isbaħ tal-Madonna taħt it-titlu tal-Kunċizzjoni bis-serp taħt riġlejha u mdawra bl-anġli llum wieħed jista’ jarah fis-sagristija.

Sentejn ilu  wara li ħarġet il-purċissjoni bl-istatwa tal-Kunċizzjoni dħalt fil-knisja parrokkjali u bqajt sejjer lejn l-kor ta’ Bormla bil-ħsieb li nara mill-viċin il-kapolavur ta’ Caruana. Hemmhekk, bilqiegħda fuq wieħed mis-sedji (bankijiet) tal-kanonċi sibt xwejjaħ li mid-dehra tiegħu kellu l-ħsieb tiegħi għaliex mad-daqqa ta’ għajn innutajtu jħares lejn il-kwadru titulari. Bla ma ntebaħ bija jien ntasabt bilqiegħda maġenbu, u bħalma jiġri dejjem, quddiem opra hekk sabiħa, aktarx bla ma trid taqbiżlek l-espressjoni ‘sabiħa tassew jew kemm hu sabiħ dan il-kwadru’

Għal dan il-kliem, ix-xwejjaħ dar fuqi, u minn taħt l-ilsien, b’leħen kemmxejn tqil  qalli, ‘  Sabiħ ħafna …  missieri kien jgħidilna li kienet il-providenza qaddiesa li nebbħet lill-kanoniku Bormliż Mifsud Tommasi jissuġġerixxi lill-pittur Caruana kif xtaqt li jpitter ix-xbieha tal-Madonna, iżda emminni meta ngħidlek, li kull meta nħares lejn din il-pittura  ( hawnhekk qed jirreferi għat-titular) ġo fija nħoss li kienet l-id divina li ggwidat lill-pittur  biex ipittirha hekk sabiha u glorjuża.’ 

Ngħid s-sewwa kliem dan ix-xwejjaħ ġagħalni nirrefletti sewwa l-ħsieb li f’dak il-mument kien għaddej minn moħħu, u hawnhekk ntbaħt, li huwa ma kienx sempliċiment qed iħares lejn l-kwadru b’għajn ta’ artist jew dilettant ta’ l-arti jew  kien qed japprezza l-kapaċitaÏ u l-ħila tal-pittur Caruana,  iżda kien qed jimmedita fuq il-kobor t’Alla u l-qdusija tal-Madonna. Kliemu kien ċar u mirqum b’doża spiritwali! X’sensibbiltaÏħass ix-xwejjaħ f’dak il-ftit tal-ħin li dam quddiem il-kwadru ma nafx eżatt, iżda ma nkunx qed nesaġera meta ngħid, li jekk wieħed iħares lejn dan il-kwadru b’għajn spiritwali u jipprova jimmedita ftit il-kompożizzjoni teoloġika tiegħu, bix-xbieha safja u sabiħa tal-Madonna u l-preżenza tas-Santissima Trinita Mqaddsa, rapprenżentata mill-Missier Etern li jidher b’idejħ fuq ras il-Madonna, l-Ispirtu s-Santa f’forma ta’ ħamiema tittajjar fuqu u l-iben bħala  tifel fuq il-lemin tal-Madonna, għandu jesperjenza ċerta kalma u paċI qaddiesa f’qalbu.  

Wara ftit ix-xwejjaħ qam minn postu, u qabel ma ħallieni qalli: ‘lil missieri nisimgħu jgħid, li l-mudella li ntagħżlet mill-pittur Caruana kienet Bormliża u mistagħġbin kemm kienet xebba tajba ... dik grazzja … min jista’ jifhem il-ħsieb t’Alla!’ Wara pawsa qasira kompla jgħidli, ‘ meta nħares lejn dan il-kwadru u għajnejja jaqgħu fuq ix-xbieha tal-Madonna, bla ma rrid inġieb quddiem għajnejja  lill-ġenituri tagħha u nistaqsi lili nnifsi tghid kienet ir-reazzjoni tagħhom meta saru jafu li binthom intagħżlet biex fuqha l-pittur Caruana jsawwar u jabbożża x-xbieha tal-Madonna tal-kwadru.’  

Bla ma ridt, din ir-riflessjoni ġiegħlitni nħares mill-ġdid lejn il-kwadru. Minn dak li  qrajt dwar Pietru Pawl Caruana sirt naf li fi żmienu kien magħruf ħafna għal bosta xogħlijiet li għamel, iżda ħafna huma tal-fehma li l-kwadru titulari tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla huwa l-aqwa xogħol tiegħu. £afna jsostnu li l-pittur Caruana qagħad attent ħafna fl-għażla tal-mudella tiegħu. M’hemmx l-iċken dubju li l-għażla tax-xebba, irrispettivament jekk kinitx familjari tiegħu jew le, fiha raha s-safja u l-ġmiel magħġunin flimkien f’karattru umli u għalhekk huwa ħass li kuxjenzjożament seta’ jużaha biex fuqha  ipitter ix-xbieha qaddiesa tal-Madonna.

Sintendi, l-pittur Caruana għaraf jgħaqqad flimkien dawn il-vitujiet sbieħ fix-xbieha ħelwa tal-Madonna li tiddomina dan il-kwadru majestuż. Kull min iħares lejn din ix-xbieha qaddiesa għandu jħossu aktar qrib tagħha u f’qalbu jħoss tħeġġeġ l-imħabba kbira li din l-omm għandna lejn min jħobb lil binha Ġesu u jgħix ta’ nisrani tajjeb. Sfortunatament, meta avviċinajt xi kittieba li għamlu studji dwar dan it-titular u staqsejthom jekk fir-riċerka tagħhom iltaqgħux ma’ xi dokument li fih jitkellem dwar ir-reazzjoni tal-mudella jew tal-ġenituri tagħha dwar l-għażla tagħha, qaluli li s’issa għadhom ma sabu xejn dwar din il-materja u  li aktarx ma’ teżisti l-ebda kitba dwarha.  

Konnessi ma’ dan il-kwadru teoloġiku hemm żewġ personaġġi li ħafna jqisuhom bħala l-akbar żewġ benefatturi ta’ dan is-Santwarju Marjan, il-pittur Pietru Pawl Caruana li pinġieh  u l-mons. Ludovik Mifsud Tommasi li qabbad lill-artist u ħallas għalih. Imma min kienu dawn iż-żewġ personaġġi li kienu strumentali fil-ħolqien ta’ dan il-kwadru titulari li ta’ kull sena jiġbed lejh eluf kbar ta’ devoti minn madwar il-gżejjer tagħna?

Pietru Pawl Caruana twieled il-Belt Valletta fl-1794 u miet fl-eta ta’ 58 sena fl-1852. Studja f’Ruma taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tal-pittur famuż Taljan Minardi. Hemmhekk huwa żżewweġ lil Ursola D’ Andre (Taljana) u fost uliedu kellu lil Rafaele li sar pittur ukoll. Fost ix-xogħlijiet ta’ Caruana li għandu f’diversi knejjes u għad il-privat, ħafna jqisu li l-kwadru titulari miżmum f’għożża kbira fis-Santwarju tal-Kolleġġjata ta’ Bormla huwa l-aqwa xogħol tiegħu. Jingħad li din il-pittura kienet waħda profetika għaliex meta lestiha fl-1828 huwa kien ħareġ ‘il barra mit-tradizzjoni sagra fejn il-Madonna dejjem kienet tiġi mpittra b’libsa u mant ċelestri u minflok huwa pittirha b’libsa bajda u faxxa kaħla kif fil-fatt kienet dehret f’Lourdes fl-1858, jiġifieri tletin sena wara li tlesta l-kwadru.

Mons Ludovik Mifsud Tommasi twieled f’Bormla fl-1796 u miet fl-eta ta’ 83 fl-1879. Ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Ferdinando Mattei fl-1821. Kien laħaq kanonku tal-Kolleġġjata fl-1858 u għaxar snin wara sar monsinjur tal-Kattidral. Monsinjur Mifsud Tommasi kien predikatur imfaħħar ħafna, kittieb u poeta ta’ kalibru għoli. Huwa qabbad lill-pittur Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru teoloġiku bix-xbieha tal-Madonna bħala l-figura ewlenija tiegħu, kwadru li snin wara kellu jsib postu fil-kor tal-parroċċa flok il-kwadru tal-pittur +ebbuġi Carlo Gimach, li kif aktar ‘il fuq,  illum  wieħed jista’ jarah fis-sagristija. Ta’ min jinnota wkoll li fir-rokna ta’ isfel, fuq in-naħa tal-lemin tiegħu hemm impittra l-arma tal-familja ta’ Mifsud Tommasi li kienet saret fl-1835.

Jingħad li l-kwadru ta’ Caruana dam ħafna snin ma sab postu fil-kor tal-knisja minħabba diversi raġunijiet. Hemm min isostnu li waħda mir-raġunijiet kienet dovuta l-aktar minħabba nuqqas ta’ qbil fost il-membri tal-kapitlu li xi wħud minnhom ma qablux mal-libsa bajda u l-faxx ċelesti kif pittirha l-pittur. Oħrajn jsostnu li r-raġuni ewlenija kienet minħabba l-fatt li l-mudella, li aktarx kien jisimha Madalena Inglott, kienet tiffrenkwenta ta’ spiss il-parroċċa, u għalhekk il-kapitlu ħass li ma kellux jesponi l-kwadru fil-knisja. Ma nafux eżatt jekk il-kwadru artistiku tpoġġhiex fil-kor tal-knisja wara li kienet mietet il-mudella,  iżda skond xi kitbiet li qrajt, jidher ċar li dan il-kwadru tqiegħed fuq l-altar tal-kor fid-19 ta’ Novembru 1850. Tajjeb li wieħed jinnota wkoll li l-firma tal-pittur Caruana qiegħda fin-naħa t’isfel tal-kwadru.   

Maż-żmien ix-xbieha tal-Madonna tat-titular bdiet tqanqal devozzjoni kbira mhux biss fost il-Bormliżi li kienu jżuraha ta’ spiss iżda wkoll minn eluf ta’ devoti oħra li  kienu jżuru dan is-Santwarju Marjan. Din id-devozzjoni kbira lejn dan it-tilular tal-Kunċizzjoni wasslet biex fl-24 ta’ Jannar 1905, il-Papa Piju X ħareġ id-digriet ta’ l-Inkurunazzjoni tax-xhieha tal-Madonna. Mal-ħruġ tad-digriet inħatar kumitat effettiv li kellu jieħdu ħsieb it-tħejjijiet u l-preparazzjonijiet kollha li kellhom isiru għal din l-inkurunazzjoni sollenni bil-maġistrat Lorenzo Ellul bħala president u t-tabib Gian Feliċ Inglott bħala segretarju.

Id-delegat tal-Papa Piju X, il-kardinal Domenico Ferrata wasal Malta fuq H.M.S. Surprise fl-20 ta’ Lulju 1905. Nhar il-25 ta’ Ġunju 1905, il-Kardinal Ferrata, akkumpanjat mill-kapitlu tal-Kolleġġjata u minn bosta personaġġi distinti oħra, fosthom il-President tal-Qorti li żamm fuq imħadda l-kuruna tad-deheb li kienet se titqiegħed fuq ras il-Madonna, mexa taħt il-baldakkin mill-knisja ta’ Santa Tereża sal-knisja parrokkjali. Waqt il-quddiesa pontificali mill-Kardinal Ferrata nqara d-Digriet ta’ l-Inkurunazzjoni u quddiem il-maġistrat Lorenzo Ellul u Gian Feliċ Inglott ( bħala xhieda) sar il-kuntratt li l-kuruna tad-deheb u ħaġar prezzjuż  kellha titħalla dejjem fuq ras il-Madonna.

Il-ferħ kbir li ħass il-poplu Bormliż f’dik il-lejla qaddisa kien jidher fuq wiċċ kulħadd! Hekk kif il-kardinal Ferrata, assistiet mill-Isqfijiet Mons. Pietro Pace, l-Isqof ta’ Malta, Mons Salvatore Gaffiero, l-Isqof Titulari ta’ Silimbiża u Mons. Gwann Camilleri, Isqof ta’ Għawdex qiegħed il-kuruna tad-deheb fuq ras il-Madonna, il-poplu miġbur infexx f’ċapċip kbir u bdew jgħajtu ‘Viva l-Madonna… Viva l-Immakulata ‘. Jingħad li l-festi f’Bormla biex ifakkru dan il-jum storiku komplew sejrin għal bosta jiem wara kemm fil-knisja kif ukoll barra. Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li l-Papa Piju X li kien inħatar kap tal-knisja xi sentejn qabel kien irregala l-kalċi tiegħu lill-Kolleġġjata.

Jekk bil-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari fil-25 ta’ Ġunju 1905 il-poplu Bormliż kien wera tabilħaqq id-devozzjoni u l-qima kbira li huwa kellu lejn din l-omm tas-sema, fl-eqqel tal-gwerra (1941) il-kapitlu tal-kolleġġjata, beżgħan li s-Santwarju seta’ jintlaqat bil-bombi qerrieda ta’ l-għadu ddeċieda li jieħu l-istatwa tal-Kunċizzjoni u l-Kwadru titulari fil-bażilika ta’ Santa Liena  f’Birkirkara. Aktar tard, f’laqgħa fl-istitut Bonniċi, il-Kapitlu Bormliż kien għamel wegħda li jekk is-Santwarju jibqa’ mhux mifftiefes mill-bombi huma jittrasportaw l-istatwa u l-kwadru f’pelleġrinaġġ devot mill-bażilika ta’ Birkirkara sas-Santwarju tagħha ġewwa Bormla.

B’miralku kbir is-Santwarju baqa’ wieqaf u l-wegħda tal-pelligrinaġġ tal-Bormliżi nżammet. F’dan il-pellegrinaġġ storiku li sar fis-19 ta’ Novembru 1944 ġie deskritt bħala l-akbar manifestazzjoni Marjana li qatt saret f’pajjiżna sa dak iż-żmien. Fih ħadu sehem eluf kbar ta’ nies li mlew it-toroq ewlenin ta’  Birkirkara, il-£amrun, il-Blata l-Bajda, il-Marsa u r-Raħal Ġdid minn fejn finalment qabad triqtu lejn Bormla. Jingħad li l-istatwa tal-Kunċizzjoni kienet daħlet fil-knisja għall-ħabta ta’ xid-9  ta’ filgħaxija.

Fl-24 ta’ Lulju 1955, ħamsin sena wara l-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Kwadru titulari, il-poplu Bormliż ried ifakkar dik l-okkażjoni storika bit-tqegħid ta’ l-istellarju tad-deheb madwar ras ix-xbieha tal-Madonna. Għal din l-okkażjoni kien ġie mistieden il-kardinal Federiku Tedeschini li wasal Malta bil-baħar fil-23 ta’ Lulju u ngħata merħba kbira d-dwana l-antika. L-għada filgħaxija, fuq palk armat bil-fjuri għall-okkażjoni, sewwasew maġenb il-Konsevatorju ta’ San Ġużepp ( illum  inbidel f’dar għal anzjani) u quddiem eluf kbar ta’ devoti ta’ Marija, il-kardinal Tedeschini, assistiet mill-Arcisqof ta’ Malta mons Mikiel Gonzi u l-Vigarju Ġenerali  mons. Isqof Galea qiegħed l-istellarju ta’ tmien stilel tad-deheb fuq ras il-Madonna fost ċapċip kbir u l-kant ta’ l-Ave.

Din iċ-ċelebrazzjoni Marjana kienet ukoll deskritta bħala waħda mill-akbar manifestazzjonijiet li l-poplu Malti wera lejn il-Madonna. Kienet ukoll wirja ta’ mħabba kbira li l-poplu Bormliż għandu lejn il-Madonna taħt it-titlu tal-Kunċizzjoni. Fl-19 ta’ Diċembru 1994, fl-għeluq il-ħamsin sena tal-pelligrinaġġ storiku ta l-istatwa u l-kwadru tal-Kunċizzjoni minn Birkirkara sa Bormla, il-kapitlu Bormliż reġa’ ħa l-istatwa tal-Kunċizzjoni fil-Bażilika ta’ Santa Liena u ġimgħa wara sar pelligrinaġġ nazzjonali ieħor ( fuq skala iżgħar) minn Birkirkara sa Bormla, bl-aħħar waqfa tal-l-istatwa tkun fil-knisja ta’ Għajn Dwieli, minn fejn wara mxiet purċissjonalment sas-Santwarju tagħha f’Bormla. Din ukoll kienet xhieda ħajja  tal-qima u d-devozzjoni kbira li l-poplu Bormliż dejjem lejn Sidtna Marija, is sultana ta’ beltu.  

Matul dawn l-aħħar snin dan il-poplu ħawtieli, imtaqqal bit-toqol u l-piżijiet tal-ħajja moderna, dejjem dar lejn din l-omm tas-sena u talabha b’ħerqa kbira biex tgħinu fil-ħtiġijiet tiegħu kemm tar-ruħ kif ukoll tal-ġisem. L-istorja tgħallimna li kull meta missirijietna sabu ruħhom mitlufin u mħawdin quddiem il-kefrija tal-jasar,  il-fraġelli tal-pesta u l-kolera, in-nuqqas tax-xita, skarsezza ta l-ikel u beżagħnin quddiem il-qirda u n-niket li jġibu magħhom l-gwerer, huma dejjem daru lejn Ommna Marija għax fiha huma dejjem sabu l-faraġ fid-dwejjaq u s-sabar fin-niket tagħhom..

Riferenzi:

  • Rev. Kan. Joseph Bonello: L-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Kor fl-1905, Bormla, Fuljett Parrokkjali, Novembru , 2004, p.5
  • Charles Galea Scannura: Tagħrif Storiku Dwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, pp. 25 u 26.
  • Joseph Serracino: Il-Belt ta’ l-Immakulata:It-Torċa, Il-Ħadd Magazin,7 ta’ Diċembru
  • 2003, p.11.

 

 

 

 

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com