Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

L-Immakulata u l-Bormliżii

Kitba Ta' Anon

 

Għażiż Arċipriet,

Hekk kif qiegħed joqrob iż-żmien, sabiex tiġi ċċelebrata l-festa għażiża ta’ Marija Immakulata, xtaqt naqsam miegħek ftit ħsibijiet li nħoss li huma validi ħafna. Sfortunatament, ħafna minn dawk li jiċċelebraw il-festa ta’ Marija Immakulata huma bierda ħafna fil-fidi u l-ħajja li jgħixu ma tantx tirrifletti li huma tassew devoti ta’ l-Immakulata; avolja f’dawn il-jiem jersqu fil-knisja biex ifaħħru lill-Madonna. Wieħed jistaqsi, “Allura dak li jsir matul il-jiem tal-festa huwa sentimentaliżmu, jew fanatiżmu esaġerat?”

L-Imħabba tal-Bormliżi
lejn l-Immakulata

Hekk kif għadda ċ-ċentinarju mill-Inkurunazzjoni, it-tifkira ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għadha friska f’moħħ kulħadd. Bla dubju l-iktar opra li tfakkarna f’dan kollu hu, l-monument tal-Madonna li sar f’Ġunju 2005. Sfortunatament dan il-monument ma tantx qiegħed jingħata rispett mistħoqq, u dan minħabba l-atteġġjament u l-imġieba ta’ xi persuni, li jkunu qegħdin jixorbu fil-ħwienet li hemm fil-qrib, u dwar atti oħra li ma jagħmlu l-ebda ġieħ lill-bniedem!

Il - ferħ tal - bormliżi
u n - niket ta' l - Immakulata

Bla dubju ta’ xejn, il-ħruġ tax-xbieha tal-vara tal-Madonna huwa mistenni ħafna, mhux biss mill-Bormliżi imma wkoll minn tant oħrajn. Hekk kif il-vara tfeġġ ħierġa min-niċċa, ħafna żgħażagħ u nies preżenti jinfexxu f’ferħ u f’għajjat kbir ta’, “Viva l-Immakulata”. Iżda probabbli f’dak il-mument l-Immakulata ma tħossx dan il-ferħ, għal uħud minn dawn il-persuni, meta f’ħajjithom għadhom marbutin mad-dnub u mbegħdin minn Alla!

L-ewwel messaġġ li l-Immakulata qiegħda tagħtina huwa dan: Bħal ma Hi, għaffġet ras is-serp, aħna wkoll qegħdin niġu mistiedna minnha, sabiex bħalha negħlbu l-ħażen u niċħdu d-dnub. Għalhekk hija kontradizzjoni kbira, meta ħafna nies qegħdin jgħixu ħajja immorali bħal; min jipprattika l-omosesswalita`, min jabbuża mid-droga, min jidgħi bl-isem Imqaddes tagħha u ta’ Alla, u f’dawn il-jiem jersaq lejn l-Immakulata u wara bħal donnu qisu qatt ma kien xejn.... Ma naħsibx li din hi devozzjoni serja.....

Il-Madonna mhux titbissem lil min hu f’dan l-istat, imma titħassar lil dawk kollha li għadhom ma fehmux tassew, Hi x’tixtieq minn uliedha. Dawk li huma f’sensihom, għandhom jistħu meta jiftakru li, l-Immakulata hija l-Omm tas-Safa u tal-Qdusija, u li wħud mingħajr ma jħossu l-ħtieġa li jindmu jibqgħu jgħixu fi stat ta’ ‘dnub mejjet’. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Immakulata qiegħda tgħidilna li l-grazzja ta’ Alla hija qawwija iktar mid-dnub li qiegħed jaħkimna! “Għax lilkom id-dnub m’għandux jaħkimkom, ladarba m’intomx tgħixu taħt il-Liġi, imma taħt il-grazzja” (Rum 6, 14).

 

L-Immakulata Ssejħilna
biex Nitolbu Kuljum

Ix-xbieha ta’ Marija Immakulata, tidher b’idha ma’ xulxin titlob. Lilna wkoll Marija, qiegħda ssejħilna biex bħala nitolbu kuljum. Dan hu messaġġ ieħor li Marija tagħtina. L-Immakulata tgħidilna, li dawk il-familji li jitolbu flimkien jibqgħu flimkien. Min jgħid li jħobb lil Marija Immakulata, u ma jitlobx; speċjalment it-talba għażiża tar-Rużarju, ikun qiegħed jigdeb.

Min tassew iħobb lill-Madonna għandu jitlob ir-Rużarju Mqaddes, għax hi stess irrakomandat biex nitolbu din it-talba tant għażiża għaliha! Marija tgħallimna wkoll kif għandna nitolbu, Hi stess tgħallmet mingħand Binha Ġesu` kif titlob, u issa l-Immakulata qiegħda tistieden lilna biex fis-skiet ta’ qlubna nfittxu lil Ġesuċ fit-talb. Min ma jitlobx, kif jista’ jkun qrib ta’ Alla, jekk it-talb huwa laqgħa personali ma’ Alla? Marija tgħidilna, li min jitlob m’għandux għalfejn jibża’ mill-ħajja u wisq iktar mill-ħażen.

 

L-Immakulata trid tressaqna
lejn l-Ewkaristija Mqaddsa

L-Immakulata tieħu gost tara ħafna nies li jattendu għall-quddiesa tan-novena, u dan huwa tajjeb. Iżda Marija, nistħajjilha tistaqsi mistoqsija u tgħid, “Għaliex mela l-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd ma jkunx hekk, x’hemm differenti? Mela ma tafux li l-quddiesa hija l-ikbar talba?” Marija tkun ferħana iktar jekk nagħrfu l-importanza li l-quddiesa għandha jkollha f’ħajjitna, għax fil-quddiesa jkun hemm Binha preżenti fl-Ewkaristija; taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid. Marija tgħidilna li jekk ma nagħrfux lil Ġesu' f’ħajjitna, inkunu lanqas biss għarafna lilha.

Kif persuna tista’ tgħid li tħobb ’l Immakulata, jekk għadha m’għarfitx l-importanza ta’ l-Ewkaristija? Kif jista’ iben / bint Marija, ma jersaqx lejn Ġesu` Ewkaristija, jekk l-iskop ta’ l-Immakulata huwa li aħna jkollna relazzjoni mill-qrib ma’ Binha fl-Ewkaristija! L-Immakulata għexet għal Ġesu' u ma’ Ġesu', batiet Miegħu u issa hija gglorifikata Miegħu fil-glorja tal-ġenna. Hi l-omm u d-dixxiplu, edukata fl-iskola tal-grazzja ta’ Alla, u għalhekk taf x’inhu l-aħjar għalina. Kull darba li nersqu bis-serjeta', biex nirċievu lil Binha Ġesuċ fl-Ewkaristija, inferrħu lill-Qalb Qaddisa Tagħha.

 

L-Immakulata Ssejħilna
għall-Konverżjoni

Il-Madonna trid tbiddel il-qlub tagħna, trid tiftħilna għajnejna mid-dlam u tagħti ’l ħajjitna sens ġdid, skop ġdid. L-eżempju li ttina hu, li f’ħajjitna għandna nafdaw f’Alla, kif fdat fih Hi; anke meta ma fehmitx dak li minnu kienet għaddejja. Qiegħda ssejħilna għall-konverżjoni, u għalhekk titnikket meta tarana nwebbsu rasna u nagħlqu qlubna għal Alla.

Kristu stess, l-Iben għażiż ta’ l-Immakulata meta kien għadu fid-dinja, kien jisħaq fuq il-konverżjoni tal-bniedem u jgħid dwar il-ferħ li jkun hemm fis-sema għal min jerġa’ jibda jgħix ħajja mill-ġdid ma’ Alla, “Ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ indiema” (Lq 15,7).

Kif tista’ Marija ma taqbżilhiex demgħa minn għajnejha x’ħin uliedha għadhom ma fehmux il-kliem ta’ Binha? Hi trid li aħna nsalvaw ruħna u tisħaq fuq hekk, għax li ma kienx hekk x’sens kien ikollha l-fidi tagħna? Hi stess ferħet x’ħin rat lil Binha rxuxtat, u lilna wkoll tistedinna sabiex nirriflettu li aħna ‘ċittadini tas-sema’; għalhekk il-mewt m’għandiex tkun l-aħħar kelma għal dawk kollha li tassew jemmnu f’Binha Ġesuċ, li rebaħ’ il-mewt, u li jagħti ’l ħajja lil dawk kollha li jemmnu fiH, “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija dan ma jmut qatt” (Ġw 11, 25 – 26).

 

L-Immakulata Sabiħa
għax Tħobb

F’Bormla, l-Immakulata hija magħrufa bħala Sultana. Hija tassew Sultana l-Immakulata, imma mhux għax għandha l-kuruna tad-deheb; imma hija Sultana għax fl-istess waqt kienet ukoll, il-qaddejja ċkejkna tal-Mulej (ara Lq 1, 48). Il-ġmiel tagħha fl-istatwa hu, mhux għax hija mżejna bil-fidda u bil-ħaġar prezzjuż, imma għax qalbha hija mimlija bl-imħabba!

F’dan id-dawl Marija tgħidilna, “Jiena sabiħa għax inħobb! Kull min iħobb, huwa sabiħ f’għajnejn Alla!” Marija ħabbet lil Alla u lill-proxxmu, b’qalbha kollha u b’ruħha kollha! L-imħabba għandha tkun il-pedament ta’ kull nisrani, u Marija hija ta’ eżempju kbir għalina lkoll; għax f’ħajjitha fittxet dejjem li tħobb, anke lil dawk li ma aċċettawx lil Binha l-għażiż.

 

L-Immakulata Tridna
Ngħixu l-Fidi bis-Serjeta`

Ħafna Bormliżi, x’ħin jaraw ix-xbieha tal-Madonna tiċċaqlaq, jaqbżilhom id-dmugħ. Anke l-Madonna jaqbżilha d-dmugħ, meta tara ħafna qlub li ma jridux jindmu, imma l-aqwa li nhar it-8 ta’ Diċembru qegħdin quddiem ix-xbieha tagħha. Hija daħka, meta tisma’ nies li jgħidu, “nhar il-Kunċizzjoni ma nitkellimx ħażin”. Imma b’min irridu nidħku? B’Alla? B’Marija? Le, inkunu qegħdin nidħku bina nfusna. Fuq il-fanatiżmu ħa nibbażaw il-fidi tagħna, u d-devozzjoni lejn l-Immakulata? Ma jagħmilx sens hux.....

Min ma jpoġġix il-kliem ta’ Ġesu' f’ħajtu u ma jibdiex jgħixu, jkun qiegħed inikket lill-Qalb Imbierka ta’ l-Immakulata. Mhuwiex biżżejjed, it-tifħir  spontanju, l-kant ta’ l-innijiet, il-preżenza tan-nies waqt il-paniġierku, dan għandu jgħin u mhux jintemm hekk kif l-istatwa tidħol fil-knisja. Jekk ngħixu l-fidi tagħna, kif irid minna Binha Ġesuċ; huwa żgur li l-Immakulata tkun iktar ferħana!

 

Il-Vera Devozzjoni lejn l -Immakulata,
G ħandha tbiddel il-Qlub

 

Huwa sabiħ li ssir festa lil Marija Immakulata, għax jistħoqqilha. Iżda jkun isbaħ, jekk irridu li tassew nissejħu ulied denji tagħha, li nduru lejn Binha, u nindmu ħalli nnaddfu l-qlub tagħna mill-ħażen u mid-dnub, biex hekk l-Immakulata tilqa’ t-tifħir tagħna, minn qlub li verament iridu jgħixu l-ħajja Nisranija.

Jekk naqgħu ma jimpurtax għax aħna lkoll midimbin, l-importanti li nagħrfu l-iżbalji tagħna u nistqarru ħtijietna. Li Marija Ommna u Omm il-Knisja, tagħtina din il-grazzja, u teħlisna mill-ħafna fanatiżmu li sfortunatament qiegħed jirrepeti ruħu ta’ kull sena. Bħala ragħaj tal-komunitaċ parrokkjali għandek id-dmir li tiftaħ moħħ in-nies, hekk kif dejjem għamilt u turihom tassew x’tixtieq l-Immakulata; dik l-Omm li tkellmet ftit, imma meta tkellmet qalet ħafna! Il-Madonna tberikna lill, bil-mant matern tagħha.

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com