Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Patri Leopoldo Tabone O.F.M.Cap
(1924 - 2006)

Bormliż li Ħabb sa l-aħħar lil Marija Immakulata
Kitba ta' Eman Bonnici

Patri Leopoldo Tabone O.F.M. CapPatri Leopoldo Tabone twieled ġewwa Bormla minn Leone Tabone u Victoria xebba Licari, nhar is-7 ta’ Settembru ta’ l-1924. Huwa tgħammed bl-isem ta’ Tarcisio fil-Kolleġġjata tal-Belt Cospicua, taħt il-patronċinju ta’ Sidtna Marija Immakulata u ġie msemmi Tarcisio.

Tarcisio beda l-ewwel studji tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle ta’ Bormla u aktar tard fis-Seminarji Veskovili ta’ Malta u Għawdex. Aktar tard daħal fl-Ordni tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini fejn għamel il-Vestizzjoni u beda n-Novizzjat fil-31 ta’ Diċembru 1939 fil-Kunvent t’ Għawdex. Minn hemm kompla l-istudji tiegħu għal saċerdot fil-Kulleġġ San Lawrenz ta’ Brindisi, fil-Kunvent ta’ Santa Liberata fil-Kalkara. Matul dan iż-żmien, il-Patri Provinċjal, kif kienet id-drawwa dak iż-żmien, biddillu ismu għal Leopoldo, li jfisser bniedem uniku u bravu li jiddistingwi ruħu fost l-oħrajn. Patri Leopoldo ġie ordnat saċerdot fit-2 t’ April 1949.

L-ewwel għaxar snin tiegħu wara li qaddes, qattagħhom fil-Parroċċa tas-Santissima Trinita’, il-Marsa, fejn ħadem bħala Viċi, Prokuratur tal-Festa u Organista. Minn hemm mar l-Imsieraħ, fejn qatta’ 24 sena sħaħ, l-ewwel bħala Gwardjan għal sitt snin u tmintax – il sena bħala l-ewwel Kappillan tal-post, li sadanittant issemma’ San Ġwann, meta dan sar Parroċċa fil-21 ta’ Settembru 1965. Patri Leopoldo tant daħal fil-qlub tan-nies tal-post, li meta beda l-proċess biex jaraw x’ ser jissemma’ dan ir-raħal ġdid, ħafna pproponew li jissemma’ appuntu “Leopoldville”.

Leopoldo ħadem ukoll għal tlett snin bħala Missjunarju fil-Kenya ma’ l-ifqar fost il-fqar tad-djoċesi ta’ Garissa. L-aħħar għoxrin sena ta’ ħajtu għaddiehom fil-Kunvent ta’ Għajn Dwieli, fejn għal erbatax – il sena serva bħala Kappillan fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Patri Leopoldo kien ukoll il-Fundatur tal-“Welcome Home”, li aktar tard issemmiet “Suret il-Bniedem”, meta fetaħ dar għal dawk bla saqaf fil-Fgura. Illum din id-dar tinsab il-Fgura.

Nhar l-Erbgħa 7 ta’ Ġunju 2006, Patri Leopoldo qaddes dik li kellha tkun l-aħħar quddiesa tiegħu fis-sitta’ u nofs ta’ filgħaxija, u wara li kiel, beda jsegwi l-bullettin ta’ l-aħbarijiet tat-tmienja mal-Patrijiet sħabu fil-Kunvent t’ Għajn Dwieli. F’ ħin minnhom issejjaħ tabib b’ urġenza, minħabba li Patri Leopoldo beda jħoss uġiegħ f’ sidru u qtugh ta’ nifs, tant li ingħata l-aħħar sagramenti. Kien għadu kemm sofra attakk tal-qalb li rriżulta fatali. Wieħed minn ħutu l-Patrijiet qallu li kien ser jamministralu l-Griżma tal-Morda. Leopoldo qabel miegħu billi għamillu sinjal b’ rasu u beda jlissen xi talb fis-skiet. Kif wasal it-tabib il-kunvent ftit minuti wara, Leopoldo mejjel rasu u ruħu ttajret fi ħdan San Ġużepp u Marija Immakulata li tant kien devot tagħhom sabiex iressquh fi ħdan il-Mulej għall-premju tal-ħajja ta’ dejjem.

Il-kadavru tiegħu ġie espost fil-Kappella ta’ l-istess kunvent fejn għex u miet u wara sar korteo f’ jum il-funeral, li sar il-Ġimgħa 9 tax-xahar, għall-Knisja tal-Patrijiet Kapuċċini f’ Għajn Dwieli fejn sarlu funeral xieraq immexxi minn Mons. Paolo Darmanin O.F.M., Kap., Isqof ta’ Garissa b’ għadd kbir ta’ saċerdoti li kien ilaħħaq is-70. Minn hemm ittieħed fost iċ-ċapċip quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, f’ Raħal Ġdid, fejn iddaqqet mota u wara l-karru bit-tebut tiegħu iddaħħal fil-bitħa tal-ħabs ta’ Kordin, fejn tant ħadem mal-ħabsin tal-post. Korteo ieħor sar fiċ-ċimiterju ta’ Santa Maria Addolorata, fejn ikkumpanjat minn ħutu l-Patrijiet, Leopoldo ndifen f’ wieħed mill-erba’ oqbra tal-Provinċja Kapuċċina f’ Malta.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com