Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Erin Serracino Inglott - 100 sena minn twelidu
minn MARIO ATTARD

Fis-16 ta’ Ottubru 1904 fl-Isla, twieled wieħed mis-sitt ulied li kellhom Antonio u Pia. Erin kien destinat li jkun lessikografu, lingwista, awtur u traduttur.


L-edukazzjoni bikrija tiegħu ħadha fil-Kulleġġ De La Salle fi Strada Buongiorno, Bormla. Minn hemm għadda għal-Liċeo tal-Belt. Fil-fatt, f’waħda mil-listi ta’ l-istudenti li għaddew għal-Liċeo mill-Kulleġġ De La Salle, Erin jinsab inkluż ma’ dawk li għaddew fl-1916. ‘Il quddiem studja wkoll fl-Universita’ ta’ Malta. Bħala karriera nsibuh jgħallem għal xi żmien Stella Maris, iżda mbagħad daħal fiċ-Ċivil fejn kien Assistent Direttur tal-Lottu Pubbliku, Librar Ewlieni fil-Librerija Nazzjonali u Direttur tal-ħabs Ċivili. Fl-1951 kien segretarju privat tal-Prim Ministru Nerik Mizzi.


Id-destin ried li meta żżewweġ lil Leonilda Gatt mill-Birgu, kellu jmur joqgħod żewġ toroq biss mill-iskola tal-Freres fejn tgħallem. Kellhom  ħamest itfal, żewġ subien u tlett ibniet.


Għad li kien impenjat bil-familja, ma naqasx milli jagħti sehmu fil-qasam kulturali u anki sportiv. F’kull qasam li daħal fih ħadu bis-serjeta’ u rnexxa fih. Fil-kamp sportiv insibu lil Erin champion lokali taċ-ċess.


Il-mużika kienet għalih mogħdija taż-żmien li troddlu l-mistrieħ mentali. Darba niftakru fis-salott jisma’ t-Tannhauser li Richard Wagner lesta fl-1845. Beda jara x-xenarju quddiem għajnejh u b’leħnu u b’xofftejh beda janimah.


Il-qasam lingwistiku nazzarda ngħid li kellu l-iżjed inklinazzjoni għalih. Dik hija l-impressjoni li kien jagħtini. Il-Miklem Malti f’għaxar volumi jibqa’ l-opus magnum tiegħu. Ma nistgħux ma nsemmux iżda fost oħrajn lid-dramm Ir-Raheb u Il-Kerjoti
Erin Serracino Inglott għen lil ħafna nies. B’xorti tajba jien kont wieħed minnhom.


Tifkira partikulari li għandi ta’ Erin hija meta konna qrajna flimkien f’akkademja mużiko-letterarja f’Bormla fl-1971, fis-sala tal-Konservatorju San Ġużepp (il-lum id-Dar ta’ l-Anzjani). Minn dak inhar stedinni neħodlu xi poeżiji tiegħi u hekk bqajna ħbieb bis-saħħa tal-letteratura Maltija anki wara l-mewt tiegħu fit-22 ta’ Awissu 1983. Kellimtu l-aħħar darba fuq it-telefon ftit ġimgħat qabel miet u kien għamilli appell: “Ħudu ħsieb li tgħallmu l-Malti tajjeb!”

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com