Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Mid-Djarju Tiegħi
Novembru 2005 - Ottubru 2006


Kitba Tal-Kanonku Jos. Bonello

Oratorio "Marija Inkurunata"

llum fil-Kolleġġjata tagħna sar Oratorio "Marija Inkurunata", mużika ta' Mro. Michael Camilleri u lirika tal-President Emeritus Dr. Ugo Mifsud Bonnici. Kien tassew suċċess, rigal lill-Bormliżi f egħluq il-mitt sena mill-Inkurunazzjoni. Prosit tassew. Hadu sehem is-solisti Joan Mangion - Soprano; Marie-Therese Vassallo -Mezzo-Soprano; John u Anton M. Galea - Tenuri u Albert Buttigieg - Baxx. Famuż kien il-kor "Santa Monica", wieħed mill-aqwa korijiet f Malta.   Kienet serata pjaċevoli bi knisja fgata bin-nies. Il-compere kienet is-Sinjorina Tessie Farrugia. Prosit lil kull min ta sehem.

27 ta' Novembru, 2005
"Ave Maria Regina et Mater"

Fiċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Kor, il-Banda San Ġorġ ta' Bormla ppreżentat Cantata "Ave Maria Regina et Mater" fil-kolleġġjata tagħna taħt il-Patroċinju ta' l-Eċċ. Tiegħu Dr. Edward Fenech Adami, President ta' Malta, il-Ħadd, 27 ta' Novembru, 2005.

Ħadu sehem is-Sopran Joan Mangion; it-Tenur Joseph Aquilina; il-Baxx Anthony Montebello u l-Kor "Mirabitur". Il-kliem kien ta' Sunny Aquilina u l-mużika tas-Surmast Ray Sciberras. Indaqqu wkoll Tislima lil Marija minn Esmeralda Galea Camilleri, solista fuq l-Arpa u Ave Maria mill-Kor tat-Tfal. In-narratur kien Christian Ludwig Sciberras u l-preżentatriċi kienet Mariella Spiteri.

Prosit mill-qalb lil kull min ta sehem biex din il-Cantata kienet suċċess. Il-knisja kienet fgata bin-nies li żgur ħadu sodisfazzjon b'eżekuzzjoni tassew stupenda.

Festa ta' Marija Immakulata 2005

Iċ-Ċentinarju ta' l-Inkurunazzjoni spiċċa b'suċċess kbir fil-Festa ta' l-2005. In-Novena bi knisja fgata bin-nies saret mill-Arċipriet tal-Bażilka tax-Xagħra, Għawdex. Kienet waħda mill-isbaħ noveni li qatt smajt. Il-Predikatur Mons. Carmelo Refalo li żgur ta pjaċir lil kulħadd, spjega b'mod tassew ċar il-Qdusija ta' Marija Ommna. L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca ċċelebra it-Tnejn 5 ta' Diċembru u l-Isqof Francis Adeodato Micallef O.C.D. mexxa t-Traslazzjoni u l-Pontifikal tat-8 ta' Diċembru. Il-Paniġierku sar minn Patri Martin Mamo, Kapuċċin li kien ferm ippreparat. Prosit!

Fil-festa ta' barra ħadu sehem il-baned "Sliema", "De Rohan" ta' Ħaż-Żebbuġ, "Beland" taż-Żejtun, "San Gejtanu" tal-Ħamrun u "Imperial” tal-Mellieħa. Il-banda tagħna "San Ġorġ" daqqet f dimostrazzjoni bl-istatwa ta' Marija Immakulata u lejlet il-festa, fejn għamlet ukoll Programm Mużikali fi Pjazza Paolino Vassallo. Din is-sena ma kellna l-ebda xita, u għalhekk kien hemm iktar nies mis-soltu. Prosit lil kull min ta sehem għas-suċċess tal-festa. Il-logħob tan-nar kien stupend.


L-Istillarju fuq Ras il-Madonna

Paġna oħra fl-Istorja tal-Parroċċa ta' Bormla saret wara l-quddiesa tat-Te Deum nhar is-7 ta' Diċembru, 2005, meta l-Arċipriet il-Kan. Joe Mifsud qiegħed Stillarju tad-deheb fuq ras l-istatwa tal-Kunċizzjoni tant devota u sabiħa.

Kienet ċerimonja li żgur ma tintesa qatt. Prosit u grazzi kbira lill-Arċipriet li tant ħabrek u stinka biex sar dak l-istillarju. L-entużjażmu tal-poplu Bormliż waqt din iċ-ċerimonja kien enormi l-iktar meta l-Arċipriet bies il-Madonna. Dan l-istillarju nġabar fi ftit xhur biss u ħadmu l-induratur Vanni Bartolo, li joqgħod Bormla. Għamel tassew xogħol artistiku mill-aqwa. Prosit!

ritratti

20 ta' Diċembru, 2005
Il-Mewt ta' Alfred Cassar Ex-President tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali

Illum, it-Tlieta, 20 ta' Diċembru, 2005, tħabbret il-mewt ta' Alfred Cassar fl-eta ta' 70 sena. Kien miżżewweġ lil Tessie, nee' Bugelli u kellu tlett itfal, Joseph, Michael u l-Kan. Onor. Dun Anton ex-Kappillan ta' Wied il-Għajn u llum Arċipriet tal-Parroċċa ta' San Ġorġ, Ħal Qormi.

Il-funeral tiegħu sar fil-Kolleġġjata ta' Bormla. Qaddes it-tifel tiegħu Dun Anton flimkien ma' għadd sabiħ ta' saċerdoti. Il-knisja kienet fgata bin-nies, ħbieb u qraba. Alfred kien l-ewwel President taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara ta' Bormla u l-ewwel President tal-Malta Song Festival. Kien ukoll Chairman tal-Kummissjoni Fuljett u President tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali ta' Bormla. Kien raġel ta' kelma soda, iżda qatt arroganti. Dejjem b'rispett lejn is-saċerdot. Kien iben dehen tal-Knisja.
Mulej, agħtih il-mistrieħ ta' dejjem.

19 ta' Jannar, 2006
Il-Mewt tal-Kan. Dun Alwiġ Cilia

Illum, 19 ta' Jannar, 2006, tħabbret il-mewt tal-Kan. Dun Alwiġ CUia B.A. B.D. li twieled fit-30 ta' Awissu, 1916 fir-Raħal il-Ġdid. Studja l-Liċeo u l-Universita' ta' Malta fejn ħa l-grad B.A. u B.D. Serva f’diversi parroċċi u kien għal xi żmien Vigarju Kurat ta' Ħal Għaxaq.

L-ikbar ħidma tiegħu kienet mal-morda fil-Little Sisters of the Poor fil-Ħamrun. F'din il-ħidma dam 30 sena sħaħ sakemm għalaq 75 sena. Kien Kanonku tal-Kolleġġjata tagħna, l-ewwel bħala Penitenzier u wara bħala Prepostu fejn kien regolari ħafna fis-servizzi tiegħu fil-purċissjonijiet u fil-knisja.

Il-Funeral tiegħu sar fil-Parroċċa ta' Kristu Re f’Raħal il-Ġdid, fejn saret Konċelebrazzjoni mill-Kanċillier tal-Kurja flimkien mal-Kapitlu ta' Bormla u l-Kleru ta' Raħal il-Ġdid. It-talb ta' l-aħħar sar mill-Arċisqof Mercieca.
Mulej, agħtih il-mistrieħ ta' dejjem.

25 ta' Marzu, 2006
A Concert of Sacred and Early Music

Illum fil-Kolleġġjata tagħna sar Kunċert ta' Mużika Sagra u Mużika oħra qadima li kienet fl-Arkivju tal-Parroċċa ta' Bormla  Id-Diretturi Mużikali kienu Mro. John Galea u Mro. Dion Buhagiar. Indaqqet mużika antika ta' Don Gius. Burlo' (1850) u ta' Andrea Schembri (1805 - 1872) ta' M. Sisner u oħrajn. Ħadu sehem l-aħjar mużiċisti ta' Malta. Prosit lil kulħadd, l-iktar lil Prof. Dr. Simon Mercieca li organizza din is-serata.

11 ta' April, 2006
The Passion of Christ According to Matthew


It-Tlieta, 11 ta' April, 2006, fil-Kolleġġjata sar Kunċert ta' Mużika Barokka, fejn sar il-Passju skond San Mattew: il-qari kantat sar minn Joe Huber (narratur), Albert Buttigieg (Kristu) u Michelle Cachia Castelletti (sinagoga).

Id-Direttur Mużikali kien il-Ġermaniż Hans Jurgen Nagel. Il-mużika li saret illum għandha madwar 200 sena u tinsab fl-Arkivju ta' Bormla. Din is-serata famuża ġiet organizzata mill-Prof. Dr. Simon Mercieca. Prosit tassew!

ritratti u l-muzika

Il-Ġimgħa l-Kbira
u l-Għid il-Kbit

Il-Festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid huma ferm popolari f Bormla. Il-vari artistiċi tagħna, l-armar fil-knisja u l-famuż Sepulkru jkunu tassew fihom għaxqa. Kollox floku b'mod tassew serju u artistiku. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa saru l-funzjonijiet tas-soltu b'mod tassew tajjeb u ferm organizzat. Saret ukoll Lejla Funebri fil-Każin tal-Banda San Ġorġ, f ġieħ Paolino Vassallo f’egħluq il-150 sena minn twelidu. Kienet serata organizzata sewwa. Prosit!

Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bdiet ħierġa fil-5.30p.m. u daħlet fid-9.15p.m. Nirringrazzjaw lil dawk kollha li organiżżaw tant tajjeb din il-purċissjoni. Prosit!
Nhar il-Għid innutajna nies aktar mis-soltu. Kristu Rxoxt f Bormla għadu ferm popolari magħna. Għalkemm kien hawn min ried jagħmel il-bsaten fir-roti, il-Bormliżi mxew b'mod serju u b'maturita’ kbira. Prosit!

ritratti

II-Kan. Dun Joe Abela 50 Sena Saċerdot
7 ta' Mejju, 2006


Illum il-Ħadd, 7 ta' Mejju, 2006, saret Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Kan. Penitenzier Dun Joe Abela f egħluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.

Ħa sehem il-Kapitlu u Patri Bonaventura Chetcuti u Patri Leopoldu Tabone, Kapuċċin. L-omelija saret minn Dun Joe stess, u l-kant sar mill-Kor Tota Pulchra. Ġie mogħti rigal bħala tifkira (Kurċifiss) u wara sar repo' fl-Oratorju.

Dun Joe Abela, twieled iż-Żejtun fl-1 ta' Novembru, 1931 u sar saċerdot fis-17 ta' Marzu, 1956. Studja l-Liċeo u fl-Universita' ta' Malta fejn iggradwa B.A.(Hons.) Lic.D. Wara mar jistudja Ruma fejn ħa l-grad ta' H.E.L. Huwa storiku famuż u kiteb diversi kotba storiċi fosthom "Il-Parroċċa taż-Żejtun tul iż-Żminijiet". Kien ukoll Rettur tal-Knisja tal-Ħniena fiż-Żejtun. Għal żmien twil kien jgħallem il-Lingwa Ngliża fis-Seminarju ta' Malta. Kanonku Penitenzier tal-Kolleġġjata ta' Bormla u għamel ħafha xogħol Pastorali f’Wied il-Għajn, iż-Żejtun u Bormla. AdMultosAnnos!

ritratti

14 ta' Mejju, 2006
Is-St. George's fil-Premier u
Champions ta' l-Ewwel Diviżjoni


It-tim Bormliż St. George's saru ċ-Champions ta' l-EwweI Diviżjoni wara li għelbu lil Lija Athletics, illum il-Ħadd, 14 ta' Mejju. Għalhekk staġun ieħor St. George 's se jilagħbu fl-ogħla diviżjoni wara 10 snin.

Kif mistenni l-partitarji Bormliżi ħolqu atmosfera brijuża tul il-logħba kollha. Fi tmiem il-partita ġiet ippreżentata t-Tazza tar-rebħ lill-Captain ta' St. George's fost il-ferħ tal-plejers, partitarji u diriġenti Bormliżi. Prosit!

Il-Ħadd, 28 ta' Mejju fil-Kolleġġjata tagħna saret quddiesa ta' ringrazzjament lill-Patruna tagħna u wara sar marċ mill-Banda San Ġorġ.

2 ta' Ġunju, 2006
Il-Kan. Primiċerju Dun Ġużepp Zammit 50 Sena Saċerdot

Illum, 2 ta' Ġunju, 2006, saret Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Kan. Primiċerju Dun Ġużepp Zammit f’egħluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.
Ħadu sehem il-Kapitlu u għadd sabiħ ta' saċerdoti, fosthom in-neputijiet tiegħu l-Patrijiet Jose’ u Juan Debono, Tereżjani. L-omelija saret mill-istess neputi tiegħu Patri Juan. Il-kor Tota Pulchra u l-Orkestra kienu taħt id-direzzjoni tas-Sur Walter Tonna. Ġie mogħti rigal f’isem il-Kapitlu u l-poplu Bormliż bħala ringrazzjament tax-xogħol pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta' Bormla. Wara sar repo’ fis-Sala "Marija Immakulata" tas-Socjeta’  Filarmonica "San Giorgio".

Dun Ġużepp twieled f’Bormla fil-25 ta' Jannar, 1928, u sar saċerdot fl-1956. Beda l-ħidma pastorali mas-Sorijiet Orsolini: sar Prokuratur tal-Fratellanza tal-Kurċifiss fejn għal bosta snin ħa ħsieb il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt, kif ukoll il-Festa tas-Salib. Huwa Kanonku Primiċerju tal-Kolleġġjata ta' Bormla; membru tal-Missjoni ż-Żgħira u Assistent Amministratur tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann. Ad Multos Annosl

ritratti

8 u 9 ta' Ġunju, 2006
Il-Mewt u l-Funeral ta' Patri Leopoldu Tabone

Illum, 8 ta' Gunju, 2006, tħabbret il-mewt ta' Patri Leopoldu Tabone, Kapuċċin, li ġrat ta' malajr fil-Kunvent tal-Kapuċċini ta' Għajn Dwieli, fl-eta’ ta' 82 sena.
Patri Leopoldu twieled Bormla.Għamel ħafna xogħol Pastorali fil-Parroċċa tal-Marsa bħala Viċi Kappillan sakemm laħaq l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa Ġdida ta' San Ġwann (Imrieħel), fejn kien rispettat ħafna u maħbub min-nies ta' hemmhekk. Fuq parir tiegħu l-parroċċa ġiet iddedikata lill-"Immakulata ta' Lourdes" fejn xerred ħafna devozzjoni lejn il-Kunċizzjoni u lejn San Ġużepp.

Mar il-missjoni fil-Kenja flimkien ma' ħuh Patri Krispin u meta reġa' ġie Malta kompla l-ħidma tiegħu, l-iktar fost dawk li huma fqar u fil-bżonn. Kien predikatur tajjeb u mfittex ħafna għall-qrar u għall-pariri l-aktar fost iż-żgħażagħ. Sakemm miet ħadem qalb il-ħabsin bħala l-Kappillan tagħhom. Kellu mħabba speċjali lejn l-Immakulata u lejn San Ġużepp. Kien akkanit ħafna għal belt twelidu Bormla. Kien iħobb jattendi għal kull funzjoni speċjali li kienet issir fil-Kolleġġjata tagħna.

Il-funeral tiegħu, nhar il-Ġimgħa, 9 ta' Gunju, kien grandjuż, b'Konċelebrazzjoni mill-Isqof Kapuċċin Patri Pawlu Darmanin u b'71 konċelebrant. Il-knisja ta' Għajn Dwieli kienet fgata bin-nies u kienu preżenti l-President ta' Malta, il-Prim Ministru, membri parlamentari, u ħafna qraba u ħbieb. Dan il-funeral żgur li kien wirja ta' kemm Patri Leopoldu kien maħbub u rispettat.

Mulej, agħtih il-mistrieħ ta' dejjem.

ara artiklu ta Eman Bonnici

Ġuże' Chetcuti

Din is-sena ħalliena wkoll il-magħruf poeta Ġuże' Chetcuti, li twieled Bormla fit-18 ta' Awissu, 1914, u żżewweġ lil Antonia Mifsud fil-21 ta' April, 1942.

Ġuże’ kellu mħabba speċjali lejn l-Immakulata u lejn Bormla. Hu stess hekk kiteb: "Belt twelidi baqgħet dejjem magħfusa f’qalbi. Dan jixhduħ l-għadd kbir ta' poeżiji li ktibt f’ġieħ Bormla u b'qima u mħabba lill-Madonna".

Il-ħidma ta' Chetcuti kienet immirata biex jgħolli fil-ġieħ l-identita’ ta' Malta Maltija. Ġuże' ta kontribuzzjoni sostanzjali fl-oqsma kollha tal-Letteratura Maltija li jinkludu gażżetti, rivisti, kotba, radju u televiżjoni. Hu ttratta suġġetti, prinċipalment li jolqtu lil Malta, l-iktar lil Bormla u l-Immakulata.

Ġuże' Chetcuti ma mietx. L-għomor twil u sabiħ li Alla tah, Ġuże' ħallielna wirt li ż-żmien ma jħassru qatt.

6 ta' Awissu, 2006
Il-Mewt ta' William Galea (Sluta)

Bormla tilfet benefattur kbir meta miet is-Sur William Galea (Sluta) fis-6 ta' Awissu fl-eta' ta' 81 sena. Kien Kunsillier fil-Kunsill Lokali ta' Bormla u President Onorarju tal-Kumitat tal-Festa u St.  George's F.C. Huwa kien ġeneruż f’kull qasam fejn tidħol Bormla. Ħallas somma sewwa għall-Monument taċ-Ċentinarju li qiegħed fi Pjazza Gavino Gulia, u ħallas ukoll l-ispejjeż kollha għall-Monument tal-Pellegrinaġġ li jinsab taħt iz-zuntier tal-knisja. Kellu mħabba speċjali lejn il-fqar u dejjem ta l-għajnuna fejn kien hemm bżonn. Kien nisrani prattikanti u Bormliż eżemplari, u kellu mħabba kbira lejn Marija Immakulata.
Mulej, agħtih il-mistrieħ ta' dejjem.

17 ta' Awissu, 2006
II-Mewt ta' Spiru Gilford

Telfa oħra għall-Parroċċa tagħna kienet il-mewt ta' Spiru Gilford li miet fis-17 ta' Awissu, 2006. Spiru kien lajk nisrani li tista' tafdah u li wettaq ħidma kbira fl-Appostolat tal-Lajċi. Kien impenjat b'dedikazzjoni kbira F’xogħol parrokkjali kemm bħala Segretarju tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali kif ukoll bħala kaxxier tal-Kummissjoni Fuljett.

Kien President ta' I-Azzjoni Kattolika fejn dejjem għamel id-dmirijiet b'mod tassew onest u perfett. F'kelma waħda kien raġel ta' l-affari tiegħu; m'għandix l-iċken dubju li f ħajtu dejjem ipprova jaqdi dmiru sewwa ma' kulħadd. Kien Bormliż li belt twelidu Bormla u l-imħabba lejn l-Immakulata kienu l-ewwel u qabel kollox.
Ferħ u Niket ieħor ta' din is-Sena

Nifirħu wkoll lil Mons. Victor Grech, li din is-sena ċċelebra wkoll il-50 sena mill-Ordinazzjoni tiegħu. Dun Victor twieled Bormla fi Strada Toro (illum Triq il-Gendus).

Huwa Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata tagħna; President tal-Caritas Malta u Monsinjur tal-Katidral.

Mons.   Dun   Victor   Grech   ġie   mogħti   wkoll   il-Premju   Internazzjonali   bħala rikonoxximent għall-impenn soċjali u umanitarju tiegħu. AdMultos Annos!
Il-Kappillan tal-Parroċċa ta' San Gejtanu, Dun Pawl Fenech, iċċelebra wkoll il-25 sena mill-Ordinazzjoni tiegħu. Dun Pawl għal żmien twil kien il-Viċi-Parroku tal-Parroċċa tagħna u l-Fundatur ta' l-Adorazzjoni Perpetwa fil-knisja ta' San Pawl. Nifirħulu.

Nifirħu wkoll lill-Maġistrat Dr. Abigail Lofaro għall-ħatra tagħha bħala l-ewwel mara Imħallef fl-Istorja Legali ta' pajjiżna. Dr. Lofaro qatt ma ċaħdet li hija Bormliża.

Bosta kienu l-Bormliżi li ħallewna din is-sena. Diġa' semmejna xi wħud minnhom. Ta' min ifakkar ukoll lil Peppi Delceppo, li kien Bormliż magħruf u bniedem eżemplari, onest u li żgur se jibqa' f’qalbna. Telfa oħra kienet il-mewt ta' Cettina Zammit, oħt il-Kan. Dun Ġużepp. Kienet xebba eżemplari li dejjem għamlet id-doveri tagħha, kemm bħala għalliema u kemm bhala  Assistant Head, b'mod tassew nisrani u bl-ikbar onesta’.

Lil dawk il-Bormliżi li ħallewna din is-sena, Mulej agħtihom il-mistrieħ ta' dejjem.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com