Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

L-Ewwel Parti - Il Bniedem ta' Rieda Tajba

Fil-bibbja nsibu li Alla ta l-Għaxar Kmandamenti lil Mose’ u ordnalu biex jgħid lill-poplu tiegħu biex iħarishom u jwettquhom. ‘Min iħarishom u jibża’ mill-Mulej ikollu r-risq il-jiem kollha ta’ ħajtu, għalhekk ħobb lill-Mulej Alla tiegħek u ħares l-ordnijiet tiegħu, il-liġijiet tiegħu, id-digrieti tiegħu u l-preċetti tiegħu għal dejjem.’

Dan il-kmand li ħareġ minn fomm Alla madwar 3,300 sena ilu ma kienx biss ta’ twiddiba għall-poplu Lhudi ta’ żmien Mose li kien jgħix fil-jasar fl-Eġittu, iżda wkoll għall-popli kollha li ġew warajhom. Meta elfejn sena ilu twieled Ġesu Kristu f’Betlem, l-anġli tal-Mulej dehru lill-ragħajja u tawhom il-bxara tat-twelid tiegħu b’din it-tislima ‘Ġlorja ‘l Alla fis-smewwiet u paċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba’. U sintendi, hawnhekk ukoll ,din it-tislima ma kinitx tgħodd biss għar-ragħajja ta’ żmienu iżda wkoll għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li  tnisslu warajhom, u li għandhom qlubhom miftuħa għaliĦ u lesti li jagħmlu r-rieda tiegħu b’imħabba kbira lejĦ u lejn il-proxxmu tagħhom. 

U jekk kull wieħed minna jqis lilu nnifsu bnedmin ta’ rieda tajba, u jixtieq li s-sliem isaltan fuqu u fuq dawk ta’ madwaru rrispettivament mit-twemmin, il-kulur politiku li jħaddnu u l-kundizzjoni soċjali tagħhom, għandu jkun għaqli biżżejjed li jimxi u jfassal ħajtu fuq il-kmandamenti t’Alla għaliex dawn mhux biss jiggwidawk moralment iżda jgħinuh timmatura soċjalment u jagħmluh ċittadin onest u ntegru. Barra hekk, il-kmandamenti t’Alla għandhom ikunu s-sisien li fuqhom aħna nimudellaw il-ħajja soċjali tagħna f’kull kuntatt li jkollna ma’ persuni oħra matul il-mixja iebsa ta’ ħajjitna, kemm mal-membri tal-familja, il-ġirien tagħna li niffaċċawhom kuljum kif ukoll ma’ sħabna fuq ix-xogħol.

Jista’ jkun, li għal xi wħud li sfortunatament esperjenzaw xi azzjoni ħażina minn xi persuni jew ġarrbu xi nġustizzji fuq ix-xogħol kemm minħabba l-kulur politiku tagħhom jew għira minn sħabhom, il-paragrafu preċedenti jarawh iebes ħafna biex jaċċettawh. Ħabib tiegħi li ddiskutejt miegħu dan is-suġġett qalli, li huwa jinsab diżappuntat ħafna għaliex il-ġid li għamel ma’ wieħed minn sħabu fuq ix-xogħol minflok apprezzah pattihulu b’azzjoni ħażina. Barra hekk, kompla jgħidli, ‘ l-esperjenza għallmitni li ċittadin kwiet u ta’ fommu sieket dejjem ġie mwarrab fis-soċjeta’ tagħna, waqt li min hu tost u arroganti fi kliemu dejjem gawda minn fuq daharu.’

Diżgrazzjatamemnt il-bniedem hu dgħajjef u sensittiv ħafna għan-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Veru li bħala bnedmin jiddispjaċina ħafna meta l-ġid li nagħmlu ma’ ħaddieħor jitpatta b’xi azzjoni ħażina, iżda ma rridux ninsew ukoll li l-kotra kbira tal-bnedmin, irrispettivament il-kundizzjoni soċjali tagħhom jafu japprezzaw dak li wieħed jagħmel magħhom. Fuq kollox, bħala nsara nafu li l-karita’ li nagħmlu ma’ ħaddieħor għandna nagħmluha minn qalbna, fis-skiet u bla trombi!

Huwa minnu wkoll li meta nirreferu għall-proverbju mitt bniedem b’mitt karattru differenti aħna nkunu qegħdin niġbru flimkien karattri tajbin, u oħrajn magħġunin b’karattru kattiv, qishom f’qalbhom m’għandhomx spazju biex jagħdru u iħennu għal dawk ta’ madwaru. Quddiem l-attitudni sadista ta’ dawn il-karattri li sfortunatament isibhom kullimkien, wieħed jitħasseb, għaliex jemmen li fid-dinja taż-żmienna, meta ħajjitna hi mdawrha b’tant perikli, mard li jittieħed u problemi familjari li jiġġeneraw tant u tant tbatijiet lil dawn l-imsejkna,  dawn għandhom jirrealizzaw li huma wkoll jistgħu jaqgħu vittma tagħhom, u bħal kull vittma oħra li tħabbat wiċċha mal-mard, serq, drogi, użura, xorb, malafama, swat, inġustizzi fuq xogħol, din tistenna li dawk ta’ madwarha jħennu għaliha u jgħinuha.    

Iżda l-ħasra hi li ħadd minna mhu maqtugħ mill-art, u għalhekk, bħala bnedmin dgħajfa u mimlijin difetti, xi kultant ma jħalluniex nirriflettu l-qagħda tagħna jew xi nridu u  x’nistennew minna nnfusna, aħseb u ara kemm niltilfu  naħsbu fuq il-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor. Veru, li matul il-mixja twila jew qasira ta’ ħajjitna aħna lkoll niltaqgħu ma’ ħafna karattri differenti, karattri li xi wħud minnhom jogħġbuna u oħrajn idejquna.! 

Ngħid għalija mhux l-ewwel darba  ppruvajt niskarta persuni li naf li bi kliemhom jew b’atteġġament tagħhom jistgħu jdaħħluni fl-inkwiet, u ma naħsib xli għamilt ħażin. Mhux prudenza li wieħed jitkellem fuq għajru qisu kiel jew raqad miegħu. Fejn hi l-karita’ li aħna bħala nsara suppost nużaw mal-proxxmu tagħna? Iltqajt ma’ persuni li minħabba xi tilwim familjari, tkażajt ħafna għal mod u l-arroganza kif jitkellmu dwar membri tal-familja tagħhom, aħseb u mmaġina x’atteġġament jieħdu meta jkollhom xi jgħidu ma’ ħaddieħor. Min hu prudenti fi kliemu u f’għemilu huwa għaqli u jħobb lill-proxxmu tiegħu! B’danakollu, jekk dan it-tip ta’ nies jeżistu tassew u ssibhom kullimkien, daqshekk ieħor jeżistu oħrajn li mal-ewwel kuntatt magħhom tintebaħ li qed titkellem ma’ persuna ta’ rieda tajba, persuna mogħnija b’karattru tajjeb, lesta li tisimgħek u tgħinek fil-ħtiġijiet tiegħek.

Għax għandkom tkunu tafu li hemm differenza bejn bniedem ta’ karattru tajjeb u ieħor mogħni wkoll b’rieda tajba. Il-bniedem ta’ karattru tajjeb jkollu qalbu tajba u jasal biex jgħinek jekk tiġi bżonnu b’ċerta kundizzjonijiet u riservi. Il-bniedem ta’ rieda tajba jgħinek dejjem bla kundizzjoni u bla obbligazzjoni, u mhux hekk biss, iżda jibqa’ jippresisti u jara li l-għajnuna li għandek bżonn tiġi mogħtija lilek. Nies bħal dawn, li ħafna drabi nsibuhom jaħdmu fl-oqsma tal-volontarjat għandna nibżgħu għalihom u napprezzaw xogħolhom għax il-ġid li jagħmlu fil-komunitajiet tagħna jagħmluh minn qalbhom u b’dedikazzjoni kbira.  

Li tkun bniedem ta’ rieda tajba ma jfissirx li tkun ibleh jew dgħajjef fil-karattru tiegħek iżda l-kuntrarju, trid ikun bniedem ta’ determinazzjoni kbira u lest li tiffaċċja kull problema li tiltaqa’ magħha u tipprova jsolviha. Illum, fis-soċjeta’ tagħna ma tistax tbaxxi rasek u taċċetta kollox biex mingħalik tgħix fil-kwiet u mingħajr inkwiet. Illum l-inkwiet tiltaqa’ miegħu kullimkien, u xi kultant għalxejn taħirbu għax jibqa’ jiġri warajk. F’dinja konsumista li qegħdin ngħixu fiha llum, il-bniedem ta’ rieda tajba ma jistax iċiċċi bilqiegħda u jħalli d-dinja taqa’ fuqu, iżda huwa obbligat li bħala ċittadin jagħmel użu mill-jeddijiet kollha skond il-liġijiet tagħna, kif ukoll jaċċerta ruħu li matul il-ħidma tiegħu fuq xogħlu jkun strumentali biex  tinkiseb l-għaqda u l-ġustizzja skond il-ħaqq u s-sewwa.

Fortunatament il-poplu tagħna llum hu mħares u ggwidat mill-kostituzzjoni li bażikament hi ffurmata minn diversi liġijiet li jħarsu l-liberta’ tal-kelma, l-espressjoni u d-drittijiet  fundamentali tal-bniedem, ligijiet li sa 50 sena ilu lanqas biss konna noħolmu bihom. B’danakollu, għalkemm matul dawn is-snin kollha l-poplu tagħna mexxa ‘l quddiem ekonomikament u għamel passi ta’ ġgant f’kull qasam soċjali, ħafna huma tal-fehma li l-poplu tagħna fadallu ħafna x’jimmatura fejn tidħol il-politika partiġġjana u r-rispett reċiproku fejn jidħlu fehmiet differenti politiċi u parrokkjali,  b’mod speċjali fi ħdan il-familja u fuq il-lant tax-xogħol. Barra hekk, il-fehmiet tagħna politiċi għandhom jitħallew barra fejn tidħol il-familja, il-ħbiberija, l-edukazzjoni, is-saħħa, fil-qasam soċjali, promozzjonijiet u d-dritt tax-xogħol.

Barra hekk, bniedem ta’ rieda tajba rrid dejjem juża l-kalma f’għemilu, il-prudenza fi kliemu quddiem kull ċirkostanza li jiltaqa’ magħha anki jekk din iċ-ċirkostanza tkun se tolqtu direttament jew inġustament fuq xogħlu. Bniedem ta’ rieda tajba huwa obbligat li jħares id-drittijiet u l-jeddijiet tiegħu u ta’ sħabu fuq il-lant tax-xogħol u jara li dawn ma jiġux mkassbra jew miftiefsa mis-sidien tagħhom.     



© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com