Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

It-Tieni Parti
Il- Bniedem ta' Rieda Tajba fis-Soċjeta tagħna.

Fid-daħla ta’ din il-kitba jien aċċennajt li bniedem ta’ rieda tajba jrid jkun bniedem ta’ karattru sod u mhux ibleh. Irrid jkun jaf id-drittijiet tiegħu u għalhekk ma jistax jibqa’ passiv u jagħlaq għajnejh quddiem l-inġustizzji li jsiru madwaru.   
  
Sintendi l-komunitajiet tagħna jħaddnu fihom lil kulħadd, u fosthom għandek issib lil dawk ta’ rieda tajba li dejjem lesti li jgħinu lill-ħaddieħor u oħrajn li m’huwiex, u lil dawk aktarx dejjem issibhom ifixklu u jikkritikaw kull ħaġa li ssir madwarhom. B’danakollu, kull membru ta’ din il-komunita’, irrispettivament mid-diversita’ ta’ karattri li tħaddan fiha, għandu d-dover li jġorr fuq spallejh ir-responsabbilta’ u d-dmirijiet tiegħu lejn il-komunita’ li jagħmel parti minnha, u sintendi, min jonqos jew iwettaq xi reat lejn il-komunita’ inġenerali rrid jagħti kont ta’ għemilu skond il-liġijiet li fuqhom timxi s-soċjeta’ tagħna. Huwa fatt magħruf, li biex kull komunita’ timxi ‘l quddiem, il-membri tagħha rridu jagħtu sehemhom skond id-doni u l-kapaċitajiet tagħhom, u aktar minn hekk, jitgħallmu jirrispettaw lil xulxin bħall-familja kbira. B’hekk biss kull komunita’ tista’ tgħix fil-paċi u jitkattar is-sliem fost il-membri tagħha.

F’kull soċjeta’ fejn tidħol il-bruda u kulħadd jibda jagħlaq għajnejh biex mingħalih ma jrażżanx il-progress, din timrad b’marda li aktarx ma jinstabx fejqan tagħha. Sfortunatament, jekk f’dawn l-aħħar 40 sena, il-progress materjali għamel passi ta’ gġant, jiddipsjaċini ngħid li f’dak li hu spiritwali ħadna daqqa lura għaliex il-poplu tagħna fetaħ dirgħajh għal drawwiet barranin u li maż-żmien saru parti mill-kultura tagħna.

Biżżejjed wieħed jistaqsi, il-poplu tagħna għadu jgħożż bl-istess imħabba l-valuri li kienu jgħożżu missirijietna? Ma naħsibx! Agħtu ħarsa madwarkom u taraw jekk iniex qed nesaġera. Waqt li l-kotra tal-poplu tagħna llum qed jgħix komdu f’daru u ma jonqsu xejn, ħafna minna saru ħaljin fi flushom, moħħhom biss fix-xalar, ħadd ma rrid rbit jew indħil, u aktar gravi minn hekk, issib xi wħud minnhom li la jimpurtahom mill-ġirien u lanqas mill-familjari u l-qraba tagħhom. Din m’ihiex eżempju ċar kemm il-poplu tagħna bired mill-valuri nsara tiegħu?

Jien ma nixtieqx li nkun pessimist f’kitbieti għaliex għall-grazzja t’Alla, f’pajjiżna għad għandna ħafna bnedmin ta’ rieda tajba li kontinwament qegħdin jagħmlu ħafna xogħol volontarju fost l-għaqdiet u l-komunitajiet tagħna, u l-ħidma tagħhom qiegħda tiġbed l-ammirazzjoni ta’ ħafna nies li sa ftit taż-żmien ilu kienu qegħdin jilagħbu l-parti  ta’ spettaturi.  

Il-bniedem ta’ rieda tajba ssibu kullimkien, irrispettivament mit-twemmin jew il-kultura li jħaddan. Sintendi min jħaddan it-twemmin nisrani rrid josserva l-kmandamenti għaliex jemmen li Alla tahomlu biex ifassal ħajtu fuqhom u b’hekk ikun qed jobdi r-rieda tiegħu, sintendi, oħrajn li jipprattikaw reliġjonijiet oħra josservaw ir-regoli li fuqhom hu bbażat it-twemmin tagħhom.

Hawn min jemmen li l-kmandamenti t’Alla huma l-liġijiet naturali li jitnisslu fil-bniedem mal-ħolqien tiegħu, oħrajn ma jaqblux ma’ din it-teżi għaliex isostnu li l-kmandamenti t’Alla jmorru ‘l bogħod minn dawk naturali għaliex huma r-regoli fundamentali li fuqhom hi bbazata l-ħajja spiritwali u morali tan-nisrani.

Huma jsostnu li l-liġi naturali fil-bnedmin tesprimi ruħha  f’dawk li jgħixu fil-ġungla għaliex dawn ma jkollhomx għarfien ta’ xi twemmin ieħor. Għalhekk insibu li ħafna minnhom jaduraw lix-xemx għax fiha jaraw l-esseri paterna li minnha jiksbu ħajja tagħhom. Dawn aktarx ikunu jħobbu u jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom bħal kull persuna oħra għaliex dawn jieħdu ħsiebhom u jaħsbu għall-għaxjien tagħhom. Forsi wkoll iħossu li m’għandux joqtlu lill-ħaddieħor għaliex ikella jibżgħu li jistgħu joqtlu lilhom, iżda l-kmandamenti t’Alla huma mfasslin fuq l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu tagħna, u kull nisrani li jemmen f’Alla mhux biss irid jaċċettahom b’għajnejh magħluqa iżda wkoll irid jimxi fuqhom tul ħajtu kollha.    

‘Jiena Hu Alla Sidek ma jkollokx Alla ieħor Għajri’

L-Għaxar Kmandamenti t’Alla huma l-gwida morali ta’ kull nisrani biex isalva ruħu. Dawn huma maqsumin fi tnejn, l-ewwel tlieta jmissu lil Alla u s-seba’ l-oħra lill-bniedem. Bħala nsara rridu nosservahom l-għaxra li huma. Ma nistgħux nosservaw l-ewwel tlieta, imbagħad ma nagħtux każ tas-seba’ l-oħra. Min iħobb tabilħaqq lil Alla rrid iħobb ukoll lill-proxxmu tiegħu bħalma jħobb lilu nnifsu u jaħfirlu dejjem mill-qalb jekk irrid li Alla jaħfirlu ħtijietu.

Meta l-appostli talbu lil Jesu jgħidilhom kif għandhom jitolbu, huwa qalilhom hekk: ‘meta titolbu” għidu: “Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun dak li trid int kif fis-sema hekk fl-art. Ħobżna agħtina llum għal għajxien tagħna u aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min ħati għalina. U ddaħħalniex fit-tiġrib iżda eħlisna mid-deni.’ U jekk irridu lil Alla jaħfrilna ħtijietna rridu l-ewwel naħfru aħna u ninsew id-deni li ġarrabna minn ħaddieħor. Sfortunatament xi kultant nisimgħu lil min jlissen il-frażi ‘naħfer iva, iżda ninsa le’ fost emozzjoni kbira. Hawnhekk wieħed jistaqsi: Meta nlissnu din il-frażi nkunu nafu eżatt x’aħna ngħidu? Din il-frażi li xi kultant tingħad b’konvinzjoni kbira taqbel mat-tagħlim ta’ Kristu?     

Meta Alla ħalaq lill-bniedem ħalqu xbieha tiegħu u nissel fih id-don ta’ l-imħabba, il-pern li fuqu hi mxettla l-eżistenza tal-bniedem. Lill-poplu Lhudi huwa tah l-Għaxar Kmandamenti  bbażati fuq l-imħabba lejH u lejn il-bniedem u magħhom rabat is-salvazzjoni ta’ l-umanita’ kollha. Huwa ppruvat ukoll li kull min josserva tajjeb il-kmandamenti t’Alla jitla’ ċittadin tajjeb u jkun ta’ eżempju tajjeb għal dawk ta’ madawru.

Dan ma jfissirx li min josserva l-kmandamenti t’Alla għandu jgħix ħajja skrupluża, jinqeda’ bil-frażi ‘jħalli kollox f’idejn Alla’,  jintefa’ f’rokna u jagħlaq għajnejh għal kollox. Min jagħmel hekk ikun qed jagħmel il-kuntrarju li qed jitlob minna Alla, għaliex huwa jrid li aħna lkoll nagħtu prova tat-twemmin tiegħu skond it-tagħlim u l-kapaċitajiet tagħna lill-proxxmu ta’ madwaru. Kull min iħobb lill-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu dan ikun qed josserva l-kmandamenti u Alla jbierku u jieqaf miegħu tul ħajtu kollha.   

Xi kultant il-kelma proxxmu tfixkilna u nistaqsu minn huwa l-proxxmu tagħna? Sempliċi ħafna! Il-proxxmu tagħna huwa dawk kollha li jgħixu madwarna u għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Li kieku aħna lkoll nemmnu dan sinċerament, kieku ħadd minna ma jiġih  d-dubju li mhux ser jsalva ruħu. Din mhix xi priedka, iżda realta’ li lkoll irridu nifhmuha u nattawha għaliex qegħdin ngħixuha. Kif twelidna, ilkoll irridu mmutu u nafu li Alla se jiġġudikana fuq it-tajjeb u l-ħażin tagħna. Aħna nemmnu li Alla jaf kollox, mhux biss dak li ngħidu u niktbu, iżda wkoll dak li nixtiequ u naħsbu  fuqna u fuq  għajrna, fuq dawk li nħobbu  u fuq dawk li m’għandniex grazzja magħhom. J’Alla li finalment it-tajjeb tagħna jegħleb il-ħażin li jkunu għamilna  f’ħajjitna!

Alla jħobbna u rridna għalih. M’għandux bżonna, iżda miġnun għalina. Tant iħobbna li ssagrifika lil ibnu fuq is-salib, biex bil-mewt tiegħu jerġa’ jħabbibna miegħu u jagħtina s-salvazzjoni. Gesu Kristu ma mittx għan-nies ta’ żmienu biss iżda għalina li qed ngħixu llum u għall-ġenerazzjonijiet kollha li għad jiġu warajna.

U kif nistgħu aħna bħala bnedmin dgħajfa jkunu rikonoxxenti lejn dan il-missier li lkoll jafna b’isimna u li b’imħabba kbira qed jżommna ħajjin, f’saħħitna, jipprovvdilna l-ħtiġijiet tagħna u ta’ sikwit ikellimna permezz tal-kuxjenża tagħna. Fl-ewwel Kmandament  Alla  qed ifakkarna “Jiena Hu Alla Sidek ma jkollokx Alla ieħor Għajri”. Qed iwiddibna li Hu Sid ta’ kollox u aħna għandna nħobbuh b’qalbna kollha u bil-menti kollha tagħna u ma nadurawx Alla ieħor għajru.



© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com