Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

It-Tielet Parti
Il-Fiduċja f'Alla u mhux fil-Bniedem

Sfortunatament il-bniedem ta’ żmienna, aljenat bil-progress kbir li qiegħda tagħmel ix-xjenza inġenerali b’mod speċjali fejn tidħol il-mediċina, qiegħed jinsa l-kobor t’Alla, u fil-bluhat tiegħu qed jadura diversi allat taħt forom differenti oħra. Illum issib nies li kważi jiftaħru li huma atei u li jridu jneħħu kull għeruq ta’ twemmin nisrani minn moħħhom u minn qalbhom.

Dawn jemmnu li l-bniedem meta jmut jintemm fix-xejn u la jeżisti nfern u lanqas ġenna. Miskin min jaħseb hekk! Il-pern tal-fidi tagħna hu l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu u li miegħu għad inqumu aħna lkoll li nemmnu fih. Min jemmen li l-bniedem jispiċċa fix-xejn wara mewtu jinsa, li anki l-bniedem bikri li kien jadura x-xemx kien jemmen li wara din il-ħajja hemm ħajja oħra, tant hu hekk, li kull meta nstabu xi oqbra tan-nies tal-qedem, ma’ l-iskanetri tagħhom dejjem instabu xi reċipjenti bl-ikel u ħwejjeġ oħra biex kif kienu jemmnu huma jsostnuhom matul it-triq li se twassalhom għall-ħajja oħra. U ħaġa oħra, it-twemmin ta’ ħajja oħra wara mewtna nsibuha fir-reliġjonijiet kollha, u anki fit-tribujiet li għadhom jgħixu fil-ġungla.

Imma għan-nisrani, li jemmen fi Kristu, għandu l-aktar prova ta’ ħajja oħra bil-qawmien tiegħu mill-mewt. Li kieku Kristu ma qamx mill-mewt kienu l-fidi tagħna hi waħda fiergħa u ma tiswa xejn. Barra hekk it-tagħlim ta’ Kristu kien mibni fuq l-imħabba u l-kobor t’Alla l-Missier, u wera l-qawwa tiegħu fil-qawmien  ta’ Lazzru mill-mewt. Meta Marta (oħt Lazzru) rat li Gesu dieħel għandhom ġriet għal fuqu u qaltlu, “ Sinjur, kieku kont hawn, kieku ħija ma kienx imut,” iżda Gesu wara li assigura li ħuha għad jirxoxta fl-aħħar jum kompla jistaqsiha,  ‘ min jemmen fija wkoll jekk ikun mejjet jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, ma jmut qatt. Int temmnu dan?’  Ma jkunux boloħ, ejjew nemmnu bħal Marta u nħallu lil Alla jaħdem fina.

Allat oħra

Sfortunatament hawn min li l-flus għamilhom Alla tiegħu. Jaħdem u jistinka kemm jiflaħ lejl u nhar, dejjem bl-iskuża għall-familja, moħħu biss biex ifaddal, imbagħad iħalli lill-familja nieqsa minn kollox. Il-ħasra hi li ħafna minn dawn l-imsejkna jirrealizzaw bl-iżball tagħhom meta jixjieħu u jkunu mtaqqlin bil-mard. Ħadd ma jista’ jreġġa’ l-arloġġ lura! Tifmhuniex ħażin! Il-flus huma neċessarji u bżonnjużi ħafna għax mingħajrhom ma nagħmlu xejn, u nkunu nafu kemm huma bżonnjużi meta nfittxu u ma nsibux, iżda rridu noqogħdu attenti li ma nintilfux warajhom għax il-flus m’humiex se jtawlulna ħajjitna b’sekonda waħda. Kollox inħallu warajna u ma nieħdu xejn magħna għajr it-tajjeb tagħna!

Naħseb li mhux l-ewwel darba smajtu l-espressjoni li normalment tingħad għal xi persuna li tkun waqfet ma’ xi ħadd fil-bżonn: ‘dak Alla tiegħi’. Aktarx li din l-espressjoni tingħad minn xi persuna li tkun għaddiet minn xi trawma u sabet lil xi ħadd li waqaf magħha. Iżda xi kultant min inissel din l-espressjoni ma jkunx jaf eżatt x’inhu jgħid, u li aktarx il-ħsieb tiegħu jkun wieħed ta’ gratitudni kbira lejn il-persuna li tkun għenitu f’ċirkustanzi serji ħafna. Hawnhekk ukoll in-nisrani ma jridx jinsa fl-imħabba kbira ta’ Alla u jemmen tabilħaqq li Alla se jgħinu dejjem fil-ħtiġijiet tiegħu forsi wkoll b’modi differenti minn dak li jkun qed jitlob.

Fiż-żmienna, kemm f”Malta kif ukoll barra minn xtutna, għadek issib persuni li jiffrenkwentaw is-sħaħar biex jaqrawlhom xortihom, jgħinuhom fil-problemi jew biex jbassrulhom l-futur tagħhom. Min jagħmel hekk ikun qed jiżbalja gravement! Din il-fiduċja għamja fis-sħaħar tmur kontra t-twemmin nisrani għaliex  aħna nemmnu li Alla  biss għandu setgħa fuq ħajjet il-bniedem. Min jibni l-fiduċja tiegħu fuq il-maġija ( sewda u bajda ) jkun qed iqarraq bih innifsu u jkun qed jidneb serjament! Ħadd ma jista’ jibni fiduċja għamja fuq bniedem ieħor bħalu, iżda f’Alla l-imbierek li jaf il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħna lkoll.

Xi wħud isostnu, li s-sħaħar jinqdew b’ħafna mistoqsijiet personali, u wara li jikkombinaw flimkien it-tweġibiet mogħtija lilhom u jistudjaw b’reqqa kbira ċ-ċirkustanzi kollha jaslu għal dak li ħafna jemmnu li hi d-duwa tal-problema, li fil-fatt ma tkun xejn għajr kumbinazzjonijiet jew tixbiħat li wieħed ikun  għadda minnhom snin qabel.

Ħafna huma tal-fehma li l-persuni li jfittxu s-sħaħar għall-pariri tagħhom, aktarx ikunu għaddejjin minn xi trawma (l-aktar każi ta’ dubji ta’ infedelta’)  li tkun qed tkiddhom ħafna u aktarx ma jkunux irridu jitolbu l-għajnuna ta’ nies professjonali biex jgħinuhom. U peress li ħafna minn dawn l-imsejkna meta jidħlu għand dawn is-sħaħar jinnutaw ħafna santi u xbiħat reliġjużi, jiftħu qalbhom u jħollu lsienhom għax jaħsbu li l-persuna li għandhom quddiemhom se ssolvilhom il-problema tagħhom. Ma jkunx boloh, nerġa’ ntenni, il-fiduċja tagħna għandha tkun f’Alla l-imbierek, hu biss jista’ jsolvilna l-problemi tagħna u jnissel fina l-paċi f’qalbna!

Iżda l-akbar disgrazzja li jista’ jgħaddi minna l-bniedem, hu meta jitlef il-fiduċja tiegħu fl-imħabba nfinita’ ta’ Alla u jdawwar ħarstu lejn ix-xitan u jsir dixxiplu tiegħu. X’biżgħa! Tagħżel li taqdi lir-Re tad-dlamijiet, biss forsi tikseb xi ħaġa li tkun tista’ tgawdiha biss għal ftit tas-snin, imbagħad, il-ħlas ta’ din il-lealta’ hu t-telfin ta’ ruħek għall-eternita’. Anki l-ħsieb biss li tista’ titlef ruħek tħossu jkexkxek, aħseb u ara min realment qed jgħix f’din il-ħajja jew daħal f’dan l-isqaq u ma jistax joħroġ minnu.

Dawn l-imsejkna għandhom jiftakru fl-imħabba kbira ta’ Alla u jemmnu li huwa  jaf li l-bniedem hu dgħajjef u f’xi waqtiet f’qalbu joħloq Allat oħra li jdaħħluh biss fil-hemm u jnisslulu niket kbir f’qalbu. Alla jaħfer dejjem meta l-indima tagħna tkun sinċira u ħierġa minn qalbna! Ma ninsewx li d-demonju jista’ jieħu diversi suriet u għamliet biex iqarraq bil-bniedem u itelliflu ruħu. Il-qtigħ-il qalb hi l-aqwa arma tiegħu u għandu ħabta kif jisqiha lill-bniedem.

Mela, ma jkunux boloh li nibnu fiduċja għamla fuq bnedmin bħala. Il-bniedem, b’saħħtu kemm hu b’saħħtu u għani kemm hu għani jibqa’ dejjem bniedem u mhu kapaċi jagħmel xejn jekk mhux bir-rieda t’Alla. Il-bniedem jintemm iżda Alla jibqa’ għal dejjem!

Il-valuri nsara

Jekk sfortunatament l-antagoniżmu politiku f’pajjiżna tul dawn l-aħħar snin qasam lill-poplu tagħna b’żewġ fronti opposti għal xulxin tista’ tgħid f’kull issue politiku, fortunatament hemm issue morali biex insejħilha hekk li jaqbel fuqha kulħadd -  din tikkonċerna l-valuri nsara, valuri li aħna bħala poplu dejjem konna kburin bihom u li llum kulħadd qed isostni li naqqsu ħafna fostna. 

Xi wħud iwwaħħlu fil-turiżmu, oħrajn fiċ-ċensura laxka tal-films li naraw fiċ-ċinemas tagħna, oħrajn fuq it-televiżjoni, ir-riklami, il-perijodiċi u laxkezza fil-midea inġenerali, waqt li hemm min isostni li ħafna mill-ġenituri tilfu kull sens ta’ dixxiplina fuq uliedhom u qegħdin jagħlqu għajnejhom għal kollox. Sintenti mhux kulħadd jaqbel ma’ dawn il-fehmiet, għaliex issib min jgħidlek li l-poplu tagħna minn dejjem ta xhieda qawwija tal-valuri nsara tiegħu kull meta ntalbet l-għajnuna kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.  

Jien ma nixtieqx nipponta subgħajja lejn xi ħadd. Aktarx li t-tort hu ta’ kulħadd! Xi wħud jaħsbu li din il-bruda hi prodott ta’ nuqqas ta’ dixxiplina li issa ilha żmien  tissawwar fil-familji tagħna, u minħabba hekk l-ambjent familjari tagħna sar aktar laxk u libertin. Oħrajn isostnu li din il-bruda ġejja minn nuqqas ta’ dixxiplina fit-tagħlim soċjali fl-iskejjel tagħna  u n-nuqqas ta’ katekiżmu fil-knejjes tagħna.

Wieħed ma jridx jinsa li l-ambjent familjari huwa l-pern ewlieni li fuqu jissawwar il-bażi reliġjuż u edukattiv ta’ wliedna. L-ewwel traċċi tal-valuri nsara f’uliedna jitrawmu fi ħdan il-familja u dawn jibqgħu jimmaturaw fihom tul ħajjithom kollha. U mal-vuluri nsara jitnisslu wkoll dawk li aħna nafuhom bħala l-valuri soċjali.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com