Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

Ir-Raba' Parti
Il-Valuri Nsara

Il-valuri nsara u soċjali jimxu paralleli ma’ xulxin għax it-tnejn huma bbażati fuq l-imħabba lejn il-proxxmu tagħna. Wieħed ma jistax jgħid li jgħożż il-valuri nsara mbagħad ma jattawx magħhom il-valuri soċjali. Mhux biżżejjed li wieħed iħenn għal min hu batut bil-kliem, iżda hu obbligat li jgħinu b’kull mezz possibbli.

Jekk xi wħud jaħsbu li dawn valuri nsara u soċjali għosfru minn qalb il-poplu tagħna għax il-progress ħasad bosta mit-tradizzjonijiet sbieħ li tant kienu jgħożżu missirijietna, infakkarhom biss f’għajnuniet kbar li l-poplu tagħna ta lill-poplu ta’ l-Albanija ( SOS Albanija) u dan l-aħħar lill-poplu ta Sri Lanka wara t-traġedja tas-Sunami. B’dawn l-għajnuniet aħna wrejna lid-dinja kollha, kif dejjem għamilna, kemm il-valuri ta’ l-imħabba u solidarjeta’ lejn il-popli oħra għadhom ħajjin f’qalbna .

La ssemmiex l-isem t’Alla fil-battal’

Iżda jekk il-poplu tagħna minn dejjem kien magħruf għall-ġenerożita’ tiegħu ma’ popli fil-bżonn, u dan il-ġest sabiħ wera lill-pajjiżi madwar id-dinja b’mod konkret il-karattru nisrani tal-poplu tagħna, jiddispjaċini ngħid li ħafna minna huma nsara ta’ l-isem għaliex fi kliemhom ma jġibux rispett u qima lejn l-isem imqaddes t’Alla. Minflok nkunu xhieda ħajja tat-twemmin tagħna u nfaħħru l-isem t’Alla bis-sensi kollha tagħna, issib minn fostna, insara daqsna,  li b’disprezz kbir ikasbru ismu l-ħin kollu.

Xi kultant jgħaddieli l-ħsieb li l-bniedem dagħaj jew qatt ma sema’ bil-kmandamenti t’Alla jew inkella qatt ma sab min jispjegalu sewwa t-tifsira tagħhom. Għaliex li kieku mumentanjament jiftakar fit-twiddiba serja li Alla tana fit-tieni kmandament, kieku lanqas biss jissogra jerfa’ ħarstu lejn is-sema biex jitolbu maħfra aħseb u ara kemm isemmieh fil-battal.

Sfortunatament f’pajjiżna d-dagħa tisimgħu kullimkien u min kulħadd. Darba ħabib tiegħi qalli li aħna l-aktar poplu dagħaj li hawn fid-dinja, u ma niskantax li qalli hekk għaliex xi kultant  tisma’ rġiel jidgħu dagħa jfarrak il-ġebel, mhux biss meta jiġġieldu iżda wkoll meta jillitikaw fuq sempliċi logħba futboll. Il-ħasra hi li fi żmienna l-vizzju tad-dagħa sar pjaga kbira li qisu ħadd ma jista’ jsib tarfha. Dan il-vizzju sar bħal virus qerriedi li nfirex malajr fis-soċjeta’ tagħna u qisu għalih m’hemmx kura. Jekk sa ftit tas-snin ilu, id-dagħa konna aktar nassoċjaw ma’ l-irġiel, illum qegħdin ngħixu f’soċjeta’ fejn issib nisa li jidgħu daqs jekk mhux aktar mill-irġiel, u saħansitra anki tfal żgħar li jattendu l-iskejjel primarji.

M’iniex qed nesaġera! Din hi r-realta’ li qegħdin ngħixu fiha aħna lkoll, irrispettivament f’liema lokalita’ngħixu. Din il-pesta qerrieda qiegħda tmarrad lill-poplu tagħna serjament, u jekk l-awtortitajiet kemm tal-knisja kif ukoll dawk ċivili ma jeħduh passi mmedjati biex irazznuha skond il-mezzi tagħhom, nibża’ li nidħlu fi sqaq li ma nkunux nistgħu noħorġu minnu.

Wasalna xi stadju fejn illum saħansitra tisma’ ommijiet  jidgħu quddiem uliedhom żgħar u kulħadd jibża’ li ssikkithom. U mhux hekk biss, iżda tismagħhom jirrabjaw magħhom b’ħalqhom mimli kliem ħażin għal kull ħaġa li jitolbuhom. U meta xi ħadd jiġbdilhom l-attenzjoni, jinfixlu u jibdew iwaħħlu fl-għejja u fl-għaġla. Ħasra! Jekk hu degradanti li tisma’ omm tgħajjat u f’nofs ta’ triq tkellem ħażin lil uliedha, kemm hi aktar tal-biża’ li tismagħha tidgħi quddiemhom, imbagħad filgħaxija tibgħathom il-mużew biex jitgħallmu d-dutrina għax wasslu biex jagħmlu l-Preċett jew il-Griżma t’ l-Isqof. Imsejknin tfal, kif jistgħu jitilgħu tajjeb meta jgħixu f’dan l-ambjent?

Sintendi, mhux kulħadd jidgħi, allaħares niġu f’dik l-estremita’, iżda b’danakollu rridu jew ma rridux ikollna nammettu l-fatt, li dagħa żdied ħafna u nfirex fost is-soċjeta’ tagħna li xi kuntant nqisu ruħna li aħna nsara aktar mill-Papa. Possibbli aħna ma nafux li d-dagħa barra li joffendi l-kobor t’Alla jbaxxi l-idendita’ tal-persuna li tlissnu?

Elfejn sena ta’ Kristjaniżmu

Il-ħasra hi, li pajjiżna mill-qedem tiegħu minn dejjem kien meqjus bħala art sagra.  L’għadd ġmielu ta’ tempji megalitiċi li għad għandna mxerrdin fil-gżejjer tagħna u li fihom kienu jaduraw lil allat pagani ssaħħaħ din it-teżi. Imbagħad elfejn sena ilu ġie fostna San Pawl u missirijietna fetħu qalbhom għall-Kristu, emmnu fih, u mal-milja taż-żmien dawn il-gżejjer intlew bi knejjes u b’kappelli li jindikaw il-perijodi differenti tat-twemmin u kultura reliġjuża tal-poplu tagħna.

Iżda mal-milja taż-żmien il-poplu ta’ żmienna nbidel ħafna minn dak ta’ qablu! Forsi għal dawk it-turisti li jżuru l-knejjes tagħna u jinnutaw għadd kbir ta’ statwi u xbiehat reliġjużi jaħsbu li aħna poplu fanatiku għat-twemmin tagħna, iżda realment m’aħniex, u ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li mill-estrem li kienu jgħixu fih missirijietna, fejn il-biżgħa t’Alla kienet ħajja f’qalbhom morna fl-estrem oppost, fejn it-tkasbir ta’ l-isem t’Alla qed jinstema’ bla rażan fis-soċjeta’ tagħna, u dawk li suppost qegħdin hemm biex iħarsuh bil-liġi qegħdin jagħlqu għajnejhom biex ma ngħidx idawru wiċċhom.

U mat-tkasbir ta’ l-isem t’Alla fil-battal u tal-Madonna, f’pajjiżna għandna pjaga oħra li qed teqred is-soċjeta’ tagħna, u din hi dik tal-kliem ħażin u vulgari li jitlissen bla mistħija ta’ xejn kullimkien u quddiem kulħadd, mhux biss pjazez iżda ġieli wkoll okkażjonijiet soċjali. Iżda m’hemmx dubju li l-agħar fosthom hu d-dagħa li joffendi direttament lil Alla u jagħti skandlu kbir lit-tfal.   

Mhix skuża li tingħad spiss, li l-ivvizzjat ma jkunx jaf x’qiegħed jgħid. Id-dagħaj ma jidgħix b’ommu, anżi allaħares min issemmihielu għax jaħbat għalih. Ara ma taħsbux li min hu vvizzjat qatt ma sab lil xi ħadd min jiġbidlu l-attenzjoni? Issib irġiel u nisa li jidgħu kullimkien, fuq ix-xogħol u d-dar, imbagħad jippretendu li t-tfal ma jidgħux. Xi kultant tiskanta, hawn min jidgħi meta jkun fil-kumpanija ta’ sħabu mbagħad ma taqbiżlux waħda d-dar. Issib min jinfaqa’ jidgħi meta jirrabja biex mingħalih juri li ma jibża’ minn ħadd, imbagħad issib oħrajn li meta taqbiżlu xi waħda, jiddispjaċih mill-ewwel u jiskuża ruħu quddiem min semgħu.

Min jidgħi jiġbed fuqu l-kundanna t’Alla u jitlef il-paċi f’ruħu. Ħabib tiegħi qalli, li kull meta jisma’ mara tidgħi jġib quddiem għajnejh l-ambjent li jkunu telgħin fih it-tfal tagħha. Minn meta l-mara ħarġet taħdem u kisbet id-drittijiet li bid-dritt minn dejjem kienu tagħha, xi wħud minnhom ħadu l-bixra ta’ l-irġiel u biex mingħalihom jissuperawhom f’kollox ħallew ilsienhom u saru laxki daqshom. Din ukoll realta’!

L-iskandlu
Ma ninsewx, li l-ġenituri huma responsabbli ta’ wliedhom u rridu jagħtu kont tagħhom sakemm dawn jibqgħu taħt il-ħarsin tagħhom. U ħaġa oħra, ma ninsewx li t-tfal huma wisq għall-qalb t’Alla, u għalhekk aħna lkoll responsabbli x’għidu u x’nagħmlu quddiemhom. Min jidgħej quddiem it-tfal jkun ħati ta’ skandlu. Ma ninsewx fit-twiddiba tal-biżgħa’ li tana Kristu fejn jidħlu t-tfal meta qal: ‘min jiskandalizza wieħed minn dawn it-tfal li jemmnu fija, jaqbillu li jdendel ġebla ta’ mitħna ma għonqu u jinxteħet f’qiegħ il-baħar’

Id-dagħa jiġbed fuqna l-korla t’Alla! Noqogħdu attenti li ma jkunux aħna stess li nitilfu l-ħbiberija t’Alla u l-paċi ta’ ruħna. L-Għaxar Kmandamenti ħarġu minn fomm Alla, u fit-tieni kmandament jordnalna biex ma nsemmuh fil-batal. Mela min jikser dan il-kmandament ikun qed joffendi li Alla direttament u din l-offiża gravi tinħafer biss bis-sagrament tal-qrar.

Ħafna huma tal-fehma li biex jitnaqqas id-dagħa f’pajjiżna hemm bżonn li s-saċerdoti, reliġjużi u l-għaqdiet tat-talb jagħmlu kruċjata fil-media inġernerali kontra d-dagħa u biex il-puliżija tagħmel dmirha skond il-liġi u tħarrek lil min tisimgħu jidgħej. Xi wħud isostnu wkoll li n-nuqqas tal-preżenza tal-pulizija fit-toroq u fil-pjazez f’ċerti ħinijiet matul il-ġurnata qed tagħti lok biex dan l-abbuż ikompli jiggrava u jinfirex fostna.

U proprju wieħed mill-proverbji Maltin jitkellem dwar id-dagħa u jgħid li d-dagħaj ftit idum ħaj! Ma ninsewx li l-proverbji huma l-esperjenza ħajja ta’ missirijietna!

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com