Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

Il-Ħames Parti
Ħares il-Ħdud u l-Btajjel kollha

U wara li Alla ħalaq il-ħolqien kollu tas-sema u l-art u ħalaq lill-bniedem fuq is-sura u xhieba tiegħu, u ra li kollox kien tajjeb skond il-ħsieb tiegħu, fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel u waqaf. ‘u bierek Alla s-seba’ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien’ 

Fil-bibbja nsibu dan il-paragrafu li jagħti tifsira ċara ta’ dan il-kmandament u x’ried Alla mill-poplu tiegħu. ‘ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu. Sitt ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel, imma s-seba’ jum hu jum il-mistrieħ f’ġieħ il-Mulej Alla tiegħek. Dan in-nhar ma tagħmel l-ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek, Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art, il-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk Alla bierek is-seba’ u qaddsu.’

Alla ta l-għaxar l-kmandamenti tiegħu lil Mose' li għex bejn wieħed u ieħor fit-13 is-seklu qabel Kristu. Peress li t-tagħrif dwar kif kienu jgħixu n-nies fiż-żmienu għadu midfun taħt ir-ramel, wieħed irid joqgħod attent ħafna li ma jaqax fit-tentazzjoni u jipparaguna iż-żewġ żminijiet ma’ xulxin. B’danakollu għalkemm iż-żminijiet kienu differenti, l-Għaxar Kmandamenti baqgħu l-istess, u l-kmand li Alla ta lil Mose biex jgħaddih lill-poplu tiegħu madwar 3,300 sena ilu għadu jgħodd għal-lum ukoll.

Issa jekk l-insara tul dawn l-aħħar elfejn sena ta’ kristjaniżmu dejjem qisu l-għaxar kmandamenti t’Alla bħala l-bażi fundamentali li fuqhom iridu jibbażaw ħajjithom, u emmnu li min josservahom fedelment jkun qed jaqdi u jservi lil Alla skond ix-xewqat tiegħu, wieħed jistaqsi jekk it-tielet kmandament ‘Ħares il-Ħdud u l-Btajjel Kollha’ f’dinja konsumista bħal tagħna għadux jorbotna bl-istess rabta ta’ twemmin u osservanża kif kien jorbot l-ewwel insara?

Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv mela għaliex in-nisrani jaħdem f’jum il-Ħadd u fil-Btajjel kmandati? Għax għalkemm bħala nsara aħna obbligati li nħarsu l-liġijiet t’Alla, irridu naċċettaw il-fatt, li ż-żminijiet inbidlu radikament u magħhom inbidlu wkoll iċ-ċirkustanżi ta’ l-għaxjien tagħna. Illum insibu diversi ċirkustanżi f’ħajjitna fejn minħabba l-esiġenża tax-xogħol, dan ma jistax jieqaf fil-Ħdud u Btajjel, u għalhekk, min jaħdem f’dawn il-jiem sagri ma jkunx qed jonqos jew jikser dan il-kmandament.

Eżempju tipiku fejn ix-xogħol irid jitkompla bla waqfien huma fl-isptarijiet, fid-djar tax-xjuħ, fil-lukandi, restoranti, fl-Air Port, fil-Port il-Kbir minħabba t-turisti, fil-Free Port, fit-Tarzna, il-pulizija u f’postijiet oħrajn fejn il-ħaddiema qegħdin jagħtu servizz lin-nazzjon inġenerali. Nassumi li kieku dawn il-ħaddiema kellhom jieqfu mix-xogħol biex josservaw dan il-kmandament ikunu qisna għamilna strajk ġenerali f’Malta u f’Għawdex.

Għaliex ġibt dan l-eżempju? Għaliex jingħad li sa 40 sena ilu jew ftit inqas, ħafna mill-ħaddiema li kienu jiġu mitluba biex jidħlu jaħdmu l-Ħadd kienu jitolbu permess lis-saċerdot, liema permezz minħabba n-natura tax-xogħol u forsi l-ħtiġijiet tal-familja kien jingħata dejjem, iżda llum, jew dan il-permess m’għadux jintalab jew inkella peress li l-quddiesa tas-Sibt filgħaxija tgħodd għall-vġili tal-Ħadd, ħadd m’għandu jagħti każ li jekk jaħdem fil-jum tal-Ħadd ikun qed jikser it-tielet kmandament gravement.

Iżda tajjeb li wieħed ifakkar ukoll, li f’diversi postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema jintlabtu biex jidħlu għax-xogħol fil-Ħdud jew fil-Btajjel ( dejjem jekk ma jkunux fuq sistema ta’ Shift Work ) jidħlu biss ftit nies minħabba l-ispejjes kbar li normalment jammontaw dawn il-jiem f’ sahra.

Problemi oħra

Illum, forsi kontra dak li kien isir fl-imgħoddi għandna problema kbira fil-housing. Din il-kriżi qed tolqot problemi kbar lil ħafna koppji żgħażagħ li biex jibnu djarhom qed ikollhom jissellfu somom kbar ta’ flus mill-banek lokali, u jkunu kostretti li jħallsuhom f’perijodu ta’ tletin sena jew aktar. Din hi ċirkustanza oħra, fejn ħafna minn dawn iż-żgħażagħ, jekk tiġihom opportunita’ li jaħdmu fil-Ħdud u l-Btajjel kmandati jidħlulek għax-xogħol għaliex jafu li l-ħlas jittrippla u li flus li se jaqilgħu għandhom bżonnhom.

Din ukoll hi neċessita! Quddiem każi simili, wieħed jistaqsi jekk wasalx iż-żmien biex l-awtoritajiet tal-knisja jikkunsidrawx bis-serjeta’ l-impatt kbir li għandu x-xogħol fid-dinja tal-lum, u jekk il-ħaddiem inġenerali li hu mimli bil-problemi tal-ħajja jkunx qiegħed realment jikser dan il-kmandament jew le. Nistaqsi wkoll jekk l-għażla ta’ din ix-xorta, jekk wieħed jaħdimx jew le f’dawn il-jiem sagri  għandhiex titqies bħala deċiżjoni ta’ kuxjenza, sintendi meta l-kuxjenza tkun iffurmata tajjeb?

B’danakollu tiskantawx li fi żmienna għad hawn nies li għadhom josservaw dan il-kmandament fedelment. Naf b’anzjani li f’jum il-Ħadd lanqas punt ħjata ma jagħmlu, jisimgħulek il-quddies filgħodu, isajru, wara l-ikla jaħslulek il-platti u jgħaddu l-kumpalament tal-ġurnata jaqraw xi ktieb jew jintefgħu quddiem it-televixin, imbagħad filgħaxija jżuru  xi qraba. Dawn jemmnu li huma għandhom iħarsu dan il-kmandament bl-istess osservanza u obbligi daqs id-disa’ l-oħra, sintendi dejjem jekk ma tinqalagħlhomx xi ħaġa uġenti  li ma jkunux jistgħu jħalluha għall-għada. 

Sintendi kulħadd jifhimha li l-bżonn hu kattiv. Irrispettivament jekk aħna nosservawx dan il-kmandament jew le. Fil-ħajja tagħna ta’ kull jum mhux l-ewwel darba nqalagħlna xi ħaġa uġenti u jkollok issolviha malajr. Ma nistax nimmaġina li wieħed tieqaflu l-karrozza jew aċċidentalment jaħbat ma’ xi ħadd  u għax jinzerta l-Ħadd jħalliha f’nofs ta’ triq sal-għada. Normalment ikollok bżonn li jġġib trakk tat-towing biex għallinqas jeħodhielek għand il-mekkanik.

Ma nistax nimmaġina li jkollok membru tal-familja li jagħtih ħassħażin u għax jinżerta l-Ħadd toqgħod tistenna sal-għada biex tibgħat għat-tabib? It-tabib, ħaddiem ieħor li  m’għandux  Sibtijiet, Ħdud u Btajjel! Kultant fil-ħajja jiġru ċirkustanzi li minħabba l-urġenża tagħhom ikollok tmidd idejk, u dan ma tagħmlux bi skop ta’ ħlas iżda għax ma tkunx tista’ tħalli għall-għada. Dan ma naħsibx li wieħed ikun qed jikser it-tielet kmandament.

Il-ksur ta’ dan il-kmandament ma jsirx b’xogħol ta’ emerġenza iżda meta  jsir għall-qligħ tal-flus. Hafna jsostnu li huwa nuqqas serju u skandaluż li tara nies jaħdmu fil-ġebel, ibajdu faċċata ta’ dar jew jaħdmu fil-karrozzi fil-Ħdud. Għallinqas, min ma rridx jħares dan il-kmandament ikollu d-diċenza li jaħdem fuq ġewwa u jagħlaq il-bieb biex ma jagħtix skandlu lil ħaddieħor.

Alla rrid li aħna nħarsu l-Ħdud u l-Btajjel kollha, iżda jiddispjaċini ngħid li ħafna minna  ma nafux  sewwa f’liema ċirkustanzi aħna nistgħu jew ma nisgħux naħdmu fil-Ħdud u l-festi kmandati. Hawn min jistaqsi: nista’ naħsel l-karrozza l-Ħadd, nista’ mmur l-għaqla biex nsaqqi l-prodotti, nista’ naħsel l-art, il-ħwejjeġ, nħit, naħdem is-suf eċċ; eċċ: Normalment issib xogħlijiet oħra li ma jsirux għall-qligħ ta’ flus, iżda meta ma tkunx tista’ tagħmilhom int, ikollok tqabbad lil ħaddieħor u jiswewlek il-flus. Liema miż-żewġ każi tkun qed tikser dan il-kmandament?  

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com