Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

Il-Sitt Parti
Bżonn ta' gwida u ta' aktar tagħlim

Sa ftit tas-snin ilu kien jingħad mill-awtoritajiet tal-knisja li l-quddiesa tas-Sibt filgħaxija li hi viġli għall-Ħadd kienet tgħodd biss għall-ommijiet li jkollhom trabi jew tfal żgħar, għal min jieħu ħsieb ix-xjuħ jew għandu l-mard id-dar jew għal dawk il-ħaddiema li jkunu ordnati biex jidħlu jaħdmu l-Ħadd, peress li kien maħsub li ħafna minn dawn il-ħaddiema kienu qegħdin jittraskuraw l-obbligu tas-smigħ tal-quddies tal-Ħadd. Lill-fidili l-oħra kienu jħeġġuhom biex jisimgħu l-quddies il-Ħadd, għaliex jum il-Ħadd hu jum il-Mulej.

Peress li llum daħlet id-drawwa li ħafna mill-koppji qegħdin jippreferu li joħorġu s-Sibt u aktarx jiddawru barra,  ħafna minnhom qegħdin jisimgħu l-quddiesa tas-Sibt minflok il-Ħadd biex l-għada jeħodha aktar bil-kalma u ma jkollhomx bżonn li jqumu kmieni għall-quddies. F’dan il-każ, din m’hi xejn agħar skuża banali għaliex fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex isir quddies il-Ħadd filgħaxija. Hawnhekk wieħed nistaqsi: allura min jisma’ quddies is-Sibt minflok il-Ħadd u ma jaqax fil-kategoriji li aċċennajt għalihom aktar ‘il fuq, dan qed jikser dan il-kmandament?  

Naħseb li wasal iż-żmien li s-saċerdoti u r-relġjużi tagħna jibdew jinqdew aktar bl-omeliji tagħhom biex jfissru aħjar dan il-kmandament kostruttivament u kif għandna napplikawh fi żmienna. Dan jgħodd ukoll għas-sitt kmandament fejn in-nisrani ta’ żmienna għandu bżonn ta’ aktar tagħlim matur b’mod speċjali fejn jidħol fl-ippjanar tal-familja. Ħafna jsostnu li qegħdin f’sitwazzjoni fejn in-nisrani tal-lum għandu bżonn ta’ gwida morali fejn jingħata spjegazzjoni ċara kif, meta  u fejn wieħed ikun qed jikser dawn il-kmandamenti!

Weġġaħ ‘il missierek u ‘l ommok’

Bla dubju ta’ xejn l-aktar żewġ persuni għeżież għal kull bniedem huma l-ġenituri tiegħu, dawk iż-żewġ persuni li matul ħajjitna nsibuhom dejjem magħna fil-ferħ u fin-niket. Il-ġenituri tagħna jħobbuna dejjem, irrispettivament il-kundizzjoni soċjali u fiżika tagħna. Huma ma jħarsux lejn uliedhom jekk humiex b’saħħithom jew le, intelliġenti jew injuranti, bil-għaqal jew m’humiex, twajbin jew ħżiena, jeħdux id-drogi, humiex alkoħoliċi, kriminali, omosesswali, lesbjani, prostituti, ħabsin jew le, l-imħabba tagħhom lejhom tibqa’ dejjem l-istess, anki meta ssib xi wħud minnhom li disgrazzjatament żbaljaw gravement għax refgħu jdejhom fuqhom.

Fl-iskrittura nsibu dan il-kmandament li juri ċar u tond xi rrid Alla mill-ulied ‘ Weġġaħ ‘il missierek u ‘l ommok’ biex jitwalu jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek jagħtik’. Dan il-kmandament li jitkellem dwar l-imħabba u r-rispett lejn il-ġenituri tagħna huwa l-ewwel kmandament fost l-aħħar seba’ li jitkellmu dwar l-imħabba tal-proxxmu. Alla jrid, li warajh aħna nagħtu ġieh lill-ġenituri tagħna għax minn għandhom aħna ħadna l-ħajja u tul ħajjitna ħabbewna u ħadu ħsiebna. Aħna lkoll nafu, li anki meta aħna nikbru u nieħdu l-istat tagħna, huma xorta waħda jibqgħu jaħsbu fina, jinkwetaw fuqna kull meta nkunu mtaqqlin bil-mard jew ngħaddu minn xi trawma bħal  separazzjoni jew xi disgrazzja kbira. Huma wkoll iħobbu u jinteressaw irwieħhom f’uliedna u jibqgħu jgħinuna b’kull mezz possibbli tul ħajjithom kollha.

Għall-ġenituri, uliedhom dejjem jibqgħu marbutin ma’ qalbhom sa l-aħħar nifs ta’ ħajjithom. Issib ħafna minnhom, allavolja xjuħ fl-eta’ u mtaqqlin bil-għejja u bil-mard, lil uliedhom, irrispettivament l-eta’ tagħhom, dejjem jibqgħu jilqgħuhom b’dik l-imħabba, qishom għalihom għadhom tfal żgħar li għad għandhom bżonn il-protezzjoni tagħhom. Iżda jiddispjacini ngħid, li f’diversi ċirkostanzi differenti osservajt li l-ulied m’humiex qegħdin jpattu din l-imħabba b’dak il-ġieh u rispett mistħoqq li suppost għandhom dejjem juru lejn il-ġenituri tagħhom.

Problemi serji

B’danakollu l-ġenituri huma wkoll tad-demm u l-laħam bħalna, u bħall-bnedmin kollha jiddispjaċihom ħafna kull meta wliedhom jonqsuhom gravement. Iżda naċċertakom, li l-akbar dispjaċir tagħhom mhux ġej mill-atteġġament u l-imġiba ħażina tagħhom lejhom, iżda kull meta jarawhom imnikktin u mtaqqlin bil-problemi li huma ma jkunux jistgħu jgħinuhom isolvuhom. Ftit tax-xhur ilu kellimt xi ġenituri u osservajt li l-aktar problemi li jnikktuhom huma dawn li ġejjin:

  1. inkwetati minħabba l’aġir selvaġġ u kattiv ta’ wieħed minn uliedhom.
  2. preokkupati għax uliedhom qabdu kumpanija ħażina li tista’ ġġibhom fl-inkwiet.
  3. imnikktin għax uliedhom messu d-droga u ma jistgħux joħorġu minnha.
  4. imħassbin għax iż-żwieġ ta’ binthom falla u huma qegħdin irabbu liż-żewġt uliedha.
  5. inkwetati ħafna għax binhom dejjem jidħol id-dar fis-sakra.
  6. mifnijin għax binhom hu marid serjament u t-tama ta’ fejqan qed tnin bil-mod il-mod.
  7. Inkwetati ħafna għax binhom jinsab bla xogħol u huma bħala pensjonanti ma jistgħux jgħinuh.
  8. Imħassbin dwar il-qagħda ta’ binthom li qabditha dipressjoni akuta minħabba t-tilwim kontinwu ma’ żewġħa, u issa għax ġabruha magħhom żewġha qed jagħmilhom  ħajjithom infern.

Sintendi dawn huma ftit mill-problemi li ħafna mill-ġenituri ta’ żmienna qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom, ħaġa li fi tfulithom ftit li xejn kienu jiltaqgħu magħhom.

U proprju ħafna minn dawn il-ġenituri li xi wħud minnhom huma mogħbijin bl-eta’ u mtaqqlin bil-mard, issibhom dejjem lesti biex jgħinu lil uliedhom u jtaffulhom xi ftit mit-tbatijiet u piżijiet kbar li jkunu għaddejjjin minnhom. U dan dejjem jagħmluh bl-imħabba u b’sagrifiċċji kbar. Iżda hawnhekk wieħed jistaqsi, ‘l-ulied japprezzaw din l-imħabba?” l-ulied  lesti li jpattulhom dawn is-sagrafiċċji billi jibqgħu jgħinuhom f’kull ma jkollhom bżonn tul  ħajjithom kollha?’

Għall-grazzja t’Alla f’pajjiżna għandna nsibu wlied li waqfu mal-ġenituri tagħhom meta dawn mardu jew kibru, iżda sfortunatament issib oħrajn li tant huma egoisti, li meta jaraw li ma jistgħu jieħdu xejn aktar minnhom jabbandunawhom għal kollox jew kontra r-rieda tagħhom daħħluhom f’xi Home biex jeħilsu mill-piż tagħhom. L-egoiżmu tagħhom mhux biss iġiegħlhom jinsew l-imħabba iżda wkoll l-għożża kbira li jkunu rabbewhom u s-sagrifiċċji kbar li jkunu għamlu għalihom sakemm kibru u saru rġiel jew nisa. Sfortunatament jinsew ukoll is-sagrifiċċji u d-dedikazzjoni kbira li jkunu wrew ma’ wliedhom biex huma jkomplu jaħdmu u jħallsu d-djun li jkollhom.

Emmnuni, m’iniex qed nesaġera. Iltqajt ma’ ġenituri li b’qalbhom maqsuma jgħidulek li wliedhom tefgħuhom tax-xjuħ u rari jmorru jarawhom. Xi wħud imorru jarawhom darba fix-xahar, proprju meta taslilhom il-pensjoni biex taparsi jieħdu ħsieb isarrfuhielhom. Oħrajn, tant idumu ma jmorru jarawhom, li ġieli kien hemm ċirkostanzi fejn omm talbet lill-infermiera biex iċempel lil uliedha u tfakkruhom li hi għadha ħajja u tixtieq li tarahom.

Din hi l-grazzi u l-apprezzament ta’ xi wħud mill-ulied! Jinsew li l-ħajja ta’ dawn il-ġenituri ‘l bogħod mill-ambjent familjari fiha nfisha diġa’ hi iebsa ħafna, u xi kultant tista’ tkun solidali allavolja mdawrin b’residenti oħra. Kemm huma boloh!  Jinsew li meta aħna nitilfgħu l-ġenituri tagħna nkunu tlifna l-aktar persuni għażiż għalina, u li l-vojt tagħhom ma jista’ jintela’ b’xejn! 

Imma, ara ma taħsbux li l-ulied kollha jaqgħu f’din il-kategorija. Għall-grazzja t’Alla għadek issib ulied li jżuru lill-ġenituri tagħhom kuljum, is-sena kollha, xemx u xita. U mhux hekk biss, iżda meta jkollhom iċ-ċans iżuru anzjani oħra li m’għandhom lil ħadd. Xi wħud minnhom jgħidulek li l-ġenituri tagħhom jinsabu rikorverati f’home mhux għax huma m’għandhomx fejn iżżommuhom, iżda minħabba l-eta u l-mard ma jistgħux iduru bihom. Dawn iċ-ċirkustanzi jifhimhom kulħadd!

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com