Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

Il-Seba' Parti
Rispett lejn l-Anzjani tagħna

Xi kultant l-ulied jiġu f’sitwazzjoni fejn bilfors trid tittieħed deċiżjoni. Naf b’każi fejn ulied kontra qalbhom ikollhom jibagħtu lill-ġenituri f’home għaliex kienu jibżgħu jħalluhom id-dar weħidhom. Irridu nammettu li hawn ġenituri li minħabba l-mard u l-eta  ma tissugrax tħallihom weħidhom u l-problema tiggrava meta l-ulied ikunu jaħdmu. X’tagħmel, tieqaf mix-xogħol biex tkun tista’ jdur bihom?

Każ simili ieħor li fih ħafna konsiderazzjoni hu, li fi żmienna,  grazzi għall-iżviluppi kbar li għamlet mediċina, il-ħajja twalet ħafna, u bosta mill-ġenituri jibdew iħossu l-għejja tax-xjuħija meta jaslu jew jaqbżu t-80 sena, proprju meta wliedhom ikunu waslu fl-eta tal-pensjoni, f’eta fejn ħafna minnhom barra li jkunu suxxettibbli għall-mard ikunu diġa’ għajjenjin mit-toqol tal-ħajja u ħafna drabi mtaqqlin bil-problemi ta’ wliedhom. Każi bħal dawn fihom il-problemi tagħhom, l-aktar jekk il-ġenituri jkunu jridu jibqgħu jgħixu weħidhom. Eżempju: L-omm tgħix weħidha r-Raħal il-Ġdid u bintha toqgħod Ħaż-żabbar. 

B’danakollu ssib ulied li lesti jiffaċċjaw kull sagrifiċċju għall-ġenituri tagħhom. Naf b’ulied li mhux biss lill-ġenituri tagħhom żammewhom magħhom, iżda ħalfu li jibqgħu jduru bihom sa’ l-aħħar nifs ta’ ħajjithom. Dawn l-ulied ħaqqhom apprezzament tagħna lkoll għas-sagrifiċċju tagħhom, u j’Alla jkun hawn ħafna u ħafna oħrajn li jagħmlu bħalhom, iżda ma jridux ninsew li kull każ fih l-istorja u l-problemi tiegħu. Ix-xjuħ tagħna kienu jgħidu li dak li tagħmel mal-ġenituri ssib min jagħmlu miegħek!

Ngħid is-sewwa dan il-vers inħossu bħall-balżmu għal dawk il-ġenituri li tul ħajjithom ħabbu, ħadmu u stinkaw għall-familja tagħhom, iżda llum ħadd ma jistenna mirakli. Fid-dinja ta’ żmienna l-mara ħarġet taħdem u minħabba hekk inħolqu ħafna problemi għall-familja. Issib min jaħdem għax iħobb il-karriera u ssib oħrajn li ħarġu minħabba d-djun kbar li għandhom fuq id-djar. Dawn iż-żewġ raġunijiet diġa’ huma problema kbira għall-ġenituri li jkunu qegħdin jgħixu weħidhom, kemm minħabba nuqqas ta’ għajnuna minn uliedhom f’każ li jkunu mtaqqlin bil-mard, u forsi aktar gravi, jekk tinqala’ l-ħtieġa li jkollhom iżommuhom it-tfal biex joħorġu jaħdmu.

Lill-ġenituri ħobbuhom, għinuhom u għadruhom dejjem għax għad jiġi żmien meta tfittuxhom u ma ssibuhomx. Dak in-nhar tintebħu xi tkunu tliftu! Ħabib tiegħi li tilifhom qalli, li jħoss għafsa ta’ qalb kull meta jiftakar li hu seta’ għinhom aktar biex itaffilhom id-dwejjaq tas-solitudni, iżda minħabba l-għawi u l-pika bejn l-aħwa huwa dejjem baqa’ lura. Issa mur ġibhom lura!

‘La toqtolx’

Ħadd ma għandu dritt, taħt l-ebda ċirkostanza li jneħħi l-ħajja tiegħu nnifsu (suwiċidju) jew ta’ ħaddieħor (qtil). Alla tana l-ħajja u Huwa biss jista’ jeħodilna. F’idejn Alla hi l-ħajja ta’ kull min jgħix. F’idejh in-nifs tal-ħajjin kollha. Għalhekk il-bniedem irrid jgħożż il-ħajja għax din ġiet mogħtija lilu bħala rigal minn Alla. 

Il-bnedmin kollha, irrispettivament jekk humiex ċivilizzati jew le, jekk jemmnux f’Alla jew għandhomx xi twemmin ieħor, iħossu b’mod naturali li huma obbligati li jħarsu ħajjithom u jgħożżuha għaliex huma m’għandhomx dritt fuqha. L-għożża għall-ħajja anki l-bniedem tal-qedem kien iħossha, għaliex din, barra li hi stint naturali li tiġbdu intimament lejn il-membri tal-familja u l-qraba tiegħu, huwa wkoll iħoss ġibda lejn in-nies ta’ madwaru u l-ambjent li jkun trabba fih tul ħajtu kollha. L-istoriċi jgħidulna li fil-qedem, f’diversi pajjiżi fejn il-popli kienu maħkumin u mjassrin, il-bniedem skjav kien meqjus bħala annimal u l-ħajja tiegħu kienet tiddependi fuq il-burdati ta’ sidu.

Iżda mal-miġja ta’ Kristu u t-tagħlim tiegħu bbażat fuq l-imħabba kbira t’Alla lejn il-bniedem u l-imħabba tal-proxxmu, imsaħħin b’tixbiħat u parabboli b’rabta kbira mal-ħajja soċjali ta’ żmienu bdiet tħalli mpatt qawwi fuq kull min kien jisimgħu, kemm Lhud kif ukoll barranin, U aktar tard, bl-evanġilazzjoni ta’ l-appostli u dixxipli tiegħu, dan it-tagħlim kompla jinxtered fost il-popli ta’ twemmin u kulturi differenti u aċċettawh.

U jkollna nammettu li t-tagħlim ta’ Kristu jgħodd għal kull żmien! Fil-fatt anki fi żmienna, irrispettivament jekk temminx fih jew le, dan it-tagħlim qajjem revoluzzjoni soċjali kbira fost il-ġnus kollha, tant hu hekk, li liġijjiet kollha li jsiru llum huma kollha bbażati fuq il-ħaqq soċjali u d-drittijiet umani. Ma ninsewx li kmandamenti t’Alla huma mibnijin fuq l-imħabba t’Alla u r-rispett li aħna għandna jkollna lejn il-proxxmu tagħna.

La toqtolx! Kull qtil, isir kif isir u għal-liema raġuni ssir huwa ħtija gravi quddiem Alla u l-bniedem. Illum, il-gvernijiet tad-dinja kollha fehmu u jqisu li l-ħajja hi l-aktar ħaġa prezzjuża li għandu l-bniedem, u għalhekk saru liġijiet biex jipproteġuha u jħarsuha sa mit-tnissil tagħha. Fil-fatt f’ħafna pajjizi madwar id-dinja tneħħiet il-piena kapitali u minflokha daħlet is-sentenza ta’ għomrok il-ħabs. B’danakollu, f’xi pajjizi, fejn għad hemm ħakma dittatorjali jew militari u hemm ċensura kbira fuq l-istampa, ta’ kuljum, għadhom joqtlu u jittorturaw għexieren ta’ ċittadini għax sempliċi raġuni li dawn ma jaqblux magħhom.

Fortunatament illum ħadd ma jista’ jneħħi l-ħajja ta’ ħaddieħor saħansitra lanqas biex jiddefendi ruħu. Ez: wieħed ma jistax jispara fuq l-aggressur tiegħu biex joqtlu meta dan jista’ faċilment iferih. Għalkemm bil-kmandament ‘la toqtolx aħna nifhmu li wieħed ma jistax ineħħi l-ħajja ta’ ħaddieħor jew ipoġġiha fil-periklu, insibu mezzi oħra kif persuna rnexxielu jġarraf il-ħajja ta’ persuna oħra mingħajr lanqas biss jagħmillu girfa.

Kif tafu, l-għira u l-kilba għall-flus minn dejjem kienu meqjusa bħala l-mottivi ewlenin ta’ bosta delitti, iżda llum insibu tattiċi oħra kif wieħed jista’ jeqred il-ħajja ta’ ħaddieħor fiżjoloġikament, kemm bil-qlajja ta’ xi malafama fuqu biex permess tagħha teqridlu l-paċi ta’ ruħu u jibqa’ jgħix imdejjaq jew beżgħan tul ħajtu kollha, bit-theddid fuq ħajtu minħabba ħlasijiet ( użura ), żebliħ u tmaqdir quddiem sħabu, tnassis, trattament ħażin u vittimizzazzjoni fuq ix-xogħol,  eċċ:.eċċ: 

Is-suwiċdju

Hemm ukoll is-suwiċidju, tneħħija ta’ ħajtu b’idejh għax irid, għax qata’ qalbu minn kollox. Dan huwa dnub gravi quddiem Alla għaliex ħadd m’għandu dritt fuq ħajtu għajr Alla li tahielna. Huwa dmir tagħna li ngħinu lill-persuni li jkunu għaddew minn din it-trawma mhux biss għaliex din tħalli biża’ kbir fuqhom iżda aktarx li tibqa’ tberren f’moħħhom tul ħajjithom kollha.

L-abort

L-abort huwa qtil ta’ tarbija nnoċenti li ma tistax tiddefendi ruħha. Jgħidulek li xi wħud min-nisa li għamlu abort barra minn Malta biex mingħalihom jostru l-iżball tagħhom jew biex jaħbu l-iżball tal-partner tagħhom li forsi jkun miżżewweġ, meta irrealizzaw x’għamlu tant iddispjaċihom li ma setgħux isibu paċi f’qalbhom u għexu ħajja mnikkta. Xi nisa li nqabdu bi tqala u li għal xi raġuni ma aċċettawhiex ingħataw parir, biex minflok jagħmlu abort iwelldu t-tarbija u jagħtuha lis-sorijiet biex jadottawha, b’hekk, barra li jeħilsu mit-trawma li ġġib miegħu l-abort, lit-tarbija tagħhom barra li jkunu qegħdin jagħtuha d-dritt ta’ l-għaxjien ikunu qegħdin iferrħu koppji oħrajn li ma jistgħux ikollhom tfal.

Min jaf kemm hawn xebbiet u forsi nisa miżżewġħa li għamlu abort u li maż-żmien iddispjaċihom? Li xebba jew  mara tasal biex ma taċċettax it-tarbija tagħha diġa’ tnissel ħtija u sobgħa, iżda li tiddeċiedi li tagħmel abort - toqtol it-tarbija tiegħek huwa delitt li t-trawma tiegħu tibqa’ tħossha dejjem. Ma ninsewx, li ssib ommijiet li minħabba raġunijiet personali ma aċċettawx lit-tarbija u tawha għall-adottazzjoni llum iddispjaċihom ħafna bid-deċiżjoni mgħaġġla li ħadu allavolja dejjem tibqa’ t-tama li xi darba jistgħu jarawhom u forsi ukoll igawduhom, iżda min sfortunatament jagħmel l-abort titlef mhux lit-tarbija nnoċenti tiegħu iżda tilef ukoll għaqlu u mela qalbu b’hemm kbir.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com