Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

Il-Tmien Parti
Il-Valur tal- Ħajja u l-Imħabba Safja

L-abort huwa qtil brutali ta’ kreatura li m’għandiex ħtija li ġiet imnissla bi żball ta’ żewġ adulti li kienu jafu x’inhuma jagħmlu u responsabbli għal għemilhom. żball kbir ma jittranġax ruħu bi żball ferm akbar li finalment se jibqa’ jittorturak ħajtek kollha. Niftakar fi tfuliti b’xeni ta’ ommijiet imbikkija meta kienet tmutilhom xi tarbija tat-twelid. Naf b’ommijiet li baqgħu jibkuhom u jsemmuhom fi xjuħithom u jgħidulek li kieku għandhom  tifel u tifla oħra, imbagħad illum tisma’ b’oħrajn li biex jostru mill-bnedmin l-iżball tagħhom joqtlulek tarbija f’ġufhom. Imsejkna!

Illum issib min jgħidlek li mhux sewwa li bniedem jaqta’ sinjal għax kull każ għandu l-istorja tiegħu, u biex jiġġustifikaw l-argument tagħhom jaċċennaw għal rape. Hu inhu l-każ, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin l-abort  kien, għadu u jibqa’ dejjem tqil ta’ tarbija nnoċenti li ma tistax tiddefendi ruħha kontra r-rieda ta’ ommha. Smajna b’każ ta’ omm li sfortunatament għamel abort u wara sabet li ma jistax ikollha tfal. Illum din l-imsejkna ma tistax tara tarbija għax tinfaqa’ tibki b’qalbha maqsuma.

Għalhekk tajjeb li kull wieħed minna jixtarr sewwa dawn ir-riflessjonijiet, jitgħallem minnhom u jagħder lil dawk li għaddew minn din it-trawma. Niftakru li twelid ta’ tarbija jġib ferħ kbir mhux biss lill-ġenituri tagħha iżda wkoll lil dawk kollha li jgħożżu l-ħajja, u li jemmnu li ħajjitna mhix tagħna iżda hi mislufa lilna mill-Mulej u hu biss għandu s-setgħa fuqha. Ma ninsewx, li tarbija hija rigal mingħand Alla u mislufa lilna biex nieħdu ħsiebha u ngawduha,  allura b’liema dritt tiddeċiedi li tagħmel abort?

Ewtanasja

L-Ewtanasja hija meqjusa minn xi wħud bħala qtil modern iżda fil-fatt mhu modern għax f’xi pajjiżi ilha snin tiġi  pprattikata. Ġieli qrajna b’każi fejn pażjenti, aktarx morda marda terminali u jkunu batuti ħafna jitolbu biex itemmulhom ħajjithom malajr u bla uġigħ. F’każijiet simili, in-nisrani ma jistax jitlob li jtemmulu ħajtu għax ikun qed jagħmel suwiċidju, u min jgħinu fit-twettiq ta’ dan ir-reat ikun kompliċi ta’ qtil volontarju. Fuq kollox aħna nemmnu li Alla jista’ kollox, u ġieli smajna b’każi ta’ pazjenti fejn kulħadd ikun qata’ qalbu mbagħad ifiequ b’mod mirakuluż. Veru li l-mirakli ma jsirux ta’ spiss, iżda nemmnu li saru u għadhom isiru kuljum taħt diversi forom.

Ħtijiet oħra, fejn fi żmienna, wieħed inkun qed jonqos serjament dan il-kmandament huwa s-sewqan bl-addoċċ u meta s-sewwieq ikun xurban. F’dawn iż-żewġ każi, is-sewwieq ikun qed jipperikola ħajtu u ħajjet il-passiġġieri li jkollu miegħu fuq il-karozza u ta’ oħrajn fit-triq. Kull min b’xi mod, f’diversi ċirkostanżi ( fuq il-lant tax-xogħol ) jkun qed iqiegħed fil-periklu ċar ħajjet ħaddieħor ikun qed jidneb gravement kontra dan il-kmandament, u daqshekk ikun qed jiksru kull min jaħqar l-annimali li wkoll huma ħlejjaq t’Alla u li tant jhennu ħajjet il-bniedem.

‘La Tiżnix’

Meta Alla ħalaq lill-bniedem, fix-xbieha Tiegħu għamlu, mara u raġel ħalaqhom u berikhom u semmiehom bnedmin nhar il-ħolqien tagħhom. U Alla berikhom u qalilhom ‘nisslu u oktru’. U Alla tahom is-setgħa li jaħkmu fuq l-annimali kollha ta’ l-art, fuq il-ħut tal-baħar u l-għasafar ta’ l-ajru u tahom ukoll li jieklu mill-ħxejjex u l-frott kollu tas-siġar, għajr il-frott  ta’ siġra partikolari. U aħna nafu li x-xitan ittanta lil Eva, kielet mill-frotta u tat minnha lil Adam. Dan kien l-ewwel dnub gravi quddiem Alla, u li minħabba din il-ħtija tnissel id-dnub tan-nissel fil-bnedmin kollha li ġew warajhom.

Ir-raġel u l-mara, għalkemm differenti minn xulxin għandhom dinjita’ ndaqs, dinjita’ li hi xbieha u t-tjieba ta’ Alla. Is-sagrament taż-żwieġ huwa sagrament ta’ mħabba u li permezz tiegħu r-raġel u lil mara jingħaqdu f’ġisem wieħed u b’frott l-imħabba tagħhom jitnisslu l-ulied, ‘ għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed’. Dan il-vers jitkellem ċar u tond, li din ir-rabta għandha ssir bil-kunsens tat-tnejn u bilwegħda ta’ fedelta’ u mħabba lejn xulxin sal-mewt.

Jibżgħu li jiżżewġu

Illum tiltaqa’ ma’ persuni li sfortunatament m’għadhomx iħarsu lejn iż-żwieġ nisrani b’dik l-għożża li sa ftit tas-snin ilu konna mdorrijin biha. Tiltaqa’ ma’ żgħażagħ li jixtiequ jiżżewġu iżda jibżgħu jieħdu din id-deċiżjoni għaliex meta jinnutaw il-kriżi kbira li hawn fiż-żwiġijiet u jaqraw dwar in-numru kbir ta’ talbiet għas-separazzjonijiet pendenti quddiem il-qrati tagħna, u l-problemi soċjali li huma mtaqqlin bihom bosta familji  minħabba din is-sitwazzjoni, jaraw li ż-żwieġ fi żmienna hu riskjuż ħafna u jaqtgħu qalbhom.

Ideat ġodda

Oħrajn isostnu li llum diffiċli ħafna li wieħed iwiegħed li jinqa’ leali lejn persuna oħra tul għomru kollu bħalma hu mitlub fiż-żwieġ nisrani. Imbagħad issib oħrajn, l-aktar żgħażagħ, li jemmnu, li meta koppja tagħmel żmien tgħammar flimkien qabel jiżżewġu, huma jsiru jafu aktar lil xulxin u din l-esperjenza tgħinhom ħafna biex finalment  jieħdu deċiżjoni tajba, jew jersqu għaż-żwieġ jew jinfirdu. Taf x’ma jgħidulekx, jekk neta jinfirdu humiex se jerġgħu jippruvaw isibu partner ġdid ma’ min jqattgħu l-ħin!

Dawn l-ideat juru kemm iż-żgħażagħ tagħna jiġu nfluwenzati minn dak li jaraw jinħadem b’tant abbilta’ mill-artisti fuq il-liżar taċ-ċinema jew fuq it-televixin. Hafna jsostnu li ż-żgħażagħ tal-lum ma rridux jafu b’saġrifiċċji! Mal-ewwel baħar imqalleb li jiltaqgħu miegħu fiż-żwieġ jaqtgħu qalbhom, iġibu d-dinja fit-tarf, jibdew ifittxu x-xagħra f’laġina f’xulxin, jinqata’ d-djalogu ta’ bejniethom, iwebbsu qalbhom għal xulxin u hawnhekk jibdew il-problemi li sfortunatament twassalhom għas-separazzjoni. Imbagħad wara li jisseparaw għal l-ewwel  jibdew iħossuhom liberi, imbagħad wara jibdew iħossuhom lonely, jaqbduhom dwejjaq kbar, u meta jintebħu li ma jistgħux jgħixu weħidhom jaraw ma’ min se jaqbdu.

Ħafna huma tal-fehma li dawk il-koppji li jgħammru flimkien qishom koppji miżżewġa huma l-inqas koppji li jistgħu jaslu għaż-żwieġ għaliex m’hemmx rabta bejniethom. Naf b’koppja li lanqas twelid ta’ tarbija ma  żammithom flimkien u spiċċaw biex infirdu minn xulxin u minħabba din is-sitwazzjoni l-omm daħlet fil-kategorija magħrufa bħala single mother.

Il-ħarsa hi, li ħafna minnhom ma jimpurtahomx jekk ma’ min jaqbdu hiex persuna weħidha jew miżżewġa, jew jekk se jkissrux familja oħra. L-importanti hi li jkollhom kumpanija ta’ xi ħadd u xejn aktar! Dan l-aġir irresponsabbli mhux biss qed jikser is-sitt u d-disa’ kmandament iżda ġġib miegħu konsegwenzi serji u gravi fuq persuni oħra innoċenti li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mal-falliment taż-żwieġ tagħhom.

Leata’ sal-mewt

Iż-żwieġ ħalqu Alla u bierku. Iż-żwieġ nisrani, bħal kull żwieġ ieħor jgħaqqad żewġ persuni li suppost ikunu jħobbu lil xulxin sinċerament, u fuq l-artal iwegħdu l-imħabbithom u leata’ lil xulxin sal-mewt. Xi kultant niskanta, ftit ilu ltqajt ma’ ħabib li ilu miżżewġ ftit xhur u qalli li hu martu se jisseparaw minn xulxin. Meta staqsejtu x’inhi r-raġuni qalli, li martu wara ħames xhur żwieġ intebħet li m’għadhiex tħobbu. Li kieku ma nafux tajjeb, kieku ma kontx nemmnu daqs kemm kont narawhom miġbudin lejn xulxin!

Kawzi ta’ falliment taż-żwiġijiet

Ħafna jaħsbu li l-falliment ta’ ħafna żwiġijiet kollu hu dovut għal diversi raġunijiet fosthom:

  1. in-nuqqas ta’ ċensura fil-films li qegħdin naraw fiċ-ċinema u fuq it-televiżjoni.
  2. il-kunfidenzi bejn is-sessi fuq ix-xogħol.
  3. il-ħajja laxka li qegħdin ngħixu.
  4. l-għira.
  5. il-kilba għall-flus.
  6. it-tfittxija ta’ ħajja komda u libera fiż-żwieġ.

Dawn kollha qegħdin inaqqru bil-mod il-mod il-valuri nsara tal-familja Maltija li sa ftit tas-snin tant konna niftaħru biha.

Sa ftit tas-snin ilu, tfajla li tinqabad tqila kienet tiqies bħala l-akbar traġedja li tista’ tiġri f’kull familja, u ħafna mill-ġenituri kienu jippruvaw iżewġuhom malajr biex mingħalihom jgħattu l-iskandlu. Iżda llum minħabba l-biżgħa li ż-żwieġ jista’ jfalli lanqas biss għadhom joħolmu li żżewġuha. Fuq kollox l-esperjenża għallmitna li żwieġ bla imħabba sinċira qatt ma jista’ jimmatura!

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com