Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino

Il-Disa' Parti
Is-Safa tal-Moħħ u tal-Qalb

Ħafna miż-żgħażagħ ta’ żmienna warrbu t-tagħlim li rċevew mingħand il-ġenituri tagħhom għaliex irridu jikkuppjaw l-idoli tagħhom li tul ħajjithom jiżżewġu u jiddivorżaw kemm-il darba. Il-ħasra hi, li dawn iż-żgħażagħ ma jafux kemm dawn l-idoli tat-tafal sabu paċi u kuntentizza f’dawn iż-żwiġijiet. Għan-nisrani li jemmen f’Alla, iż-żwieġ huwa sagrament ta’ mħabba dejjiema bejn raġel u mara li jintemm biss bil-mewt. Il-praċetti tal-knisja jistgħu jinbidlu mill-knisja iżda l-kmandamenti t’Alla ma jinbidlu qatt!

L-għarajjes huma obbligati li jgħaddu żmien l-għarusija tagħhom b’ħajja safja. Dan is-sagrifiċċju jgħinhom jimmaturaw u jsiru jħobbu lil xulxin aktar kif ukoll jiksbu l-fiduċja u r-rispett ta’ xulxin. Il-knisja tgħallimna li s-sess qabel iż-żwieġ mhux permess, u għalhekk, kull min jabbuża jkun qed jikser is-sitt kmandament.

L-adulteru


L-adulterju hu l-infedelta’ fiż-żwieġ u min jikkommettih ikun qed jidneb gravement. Skond it-twemmin nisrani persuna miżżewga ma tistax ikollha jew taqbad relazzjoni ma’ persuna miżżewġa oħra. Kristu jikkundanna l-adulterju wkoll jekk hu xewqa biss, ” Smajtu x’inqtal: “la tagħmilx adulterju,” imma jien ngħidilkom li min iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.”

L-annullament

Dak li jgħaqqad Alla ma jistax iħassru l-bniedem! Imma xi kultant niltaqgħu ma’ każi delikati ħafna fejn il-knisja tiġi mitluba li tannulla ż-żwieġ.  Wara li l-knisja tistudja u tistħarreġ sewwa l-każ u jinstab li jkun hemm fatti ġenwini u sostnuti b’xhieda konkreta, il-knisja toħroġ id-digriet ta’ l-annullament u minn dak il-ħin iż-żwieġ inkwisjoni jitqies qisu qatt ma sar. F’każi bħal dawn il-persuni li sa ftit qabel kienu meqjusa bħala miżżewġa jistgħu jiksbu permezz li jerġgħu jiżżewġu.

Id-divorzju

Id-divorzju hu offiża gravi għax iħassar kuntratt li sar bejn mara u raġel quddiem Alla u l-bnedmin. Jekk raġel, wara li jinfired minn martu, jersaq lejn mara oħra, ikun hu nnifsu adulteru għax iġiegħel lil din il-mara tagħmel adulterju, u l-mara li  tkun tgħix miegħu hi wkoll adultera għax ġibdet lejha r-raġel ta’ mara oħra.

L-abbużi Sesswali

Dnub gravi ieħor hu l-abbuż sesswali jew skandaluż fuq it-tfal. Daqshekk ieħor jidneb gravement min jaħqarhom, jabbandunahom jew ipoġġilhom ħajjithom f’periklu ta’ mewt. Jidneb ukoll min jabbuża sesswalment minn uliedu jew minn dawk li jiġu minnu b’tali mod li ma jistax isir żwieġ bejniethom.

L-Inċest

L-inċest jagħmel ħsara lir-relazzjonijiet fi ħdan il-familja u hu mixi lura lejn l-imġiba tal-bhejjem. Ħatja ta’ inċest huma dawk il-każi ta’ l-abbużi sesswali magħlulin ma’ tfal jew adulexxenti fdati għall-kura tagħhom, fejn dawn it-tfal jew żgħażagħ jibqgħu jġarrbu din l-esperjenża skandaluża tul ħajjithom kollha. Ħtija gravi oħra taqa’ fuq dawk li jxerred, min juri u għandu x’jaqsam mal-pornagrafija, u daqshekk ieħor jidneb kontra dan il-kmandament min jabbuża waħdu jew ma’ ħaddieħor.

Kundanabbli huma dawn il-laqgħat li llum qegħdin isiru mill-ħbieb ta’ l-għarajjes qabel dawn jiżżewġu. Hawnhekk jien qed nirreferi għall-Bachelor’s u Hen’s party fejn f’xi wħud minn il-dawn l-okkażjonijiet jiġu mistiedna strippers. Dan ukoll huwa ksur tas-sitt kmandament.

L-internet

L-internet fiż-żmienna hu għejjun ta’ tagħlim u bżonnjuż ħafna hemm għal kbar kif ukoll għat-tfal tagħna. Iżda l-internet daqs kemm hu ta’ fejda u meħtieġ biex uliedha jkomplu jkattru l-għerf tagħhom, daqshekk ieħor jista’ jkun ta’ ħsara morali jekk jiġi użat ħażin.

Il-ġenituri huma fid-dmir li jissorveljaw kontinwament lil uliedhom meta dawn jużaw l-internet u jiċċekkjaw x’websites jkunu qegħdin  jaraw. Għalkemm l-internet suppost li hu għodda ta’ tagħlim, aħna lkoll iridu noqogħdu attenti x’naraw fuqu għaliex jista’ jisqina b’tagħlim li permezz tiegħu jeqridilna l-valuri nsara fina u fit-tfal tagħna.

‘La tisraqx’

M’hemmx dubju li s-serq kien minn dejjem u aktarx li jibqa’ jirrenja sakemm jibqa’ jeżisti l-bniedem. Alla jikkundana lil kull min jisraq, sew jekk ikun il-moħħ jew kompliċi biex jitwettaq dan ir-reat. Hafna jsostnu li s-serq inħoloq għaliex antikament fid-dinja kienu jeżistu żewġ kategoriji ta’ nies, dawk b’saħħithom li jaħkmu u d-dgħajfa li jservu. U allura, f’sitwazzjoni ta’ din ix-xorta, fejn is-sinjur megħjun min-nies tiegħu kompla jistagħna, u l-fqir, għax dgħajjef u qatt ma sab lil min jaqbeż għalih kompla jiftaqar bit-taxxi li kien ikollu jħallas.

U għalhekk, ma niskantawx li l-fqir bla xogħol, mifni bil-għaks u bil-ġuħ kien jeħtieġlu li jsib mezz biex jgħix hu u jgħejjex lill-familja tiegħu, u dan il-mezz sabu fis-serq. B’danakollu, allavolja f’ċirkostanzi bħal dawn, kull min jisraq huwa ħati moralment għaliex ħadd ma jista’ jieħdu dak li bi dritt mhux tiegħu.

Jeddijiet , drittijiet u dmirijiet

U sintendi, biex wieħed jelimina s-serq irid joħloq ix-xogħol. U kif nafu, illum qegħdin ngħixu f’dinja fejn id-dritt tax-xogħol qiegħed fuq ilsien kulħadd u  nimmaġina li l-kotra tal-ħaddiema li jaħdmu huma membri ta’ f’xi unjon  biex  din tħarsilhom id-drittijiet tagħhom. Iżda ma’ dawn il-jeddijiet u drittijiet hemm ukoll id-dmirijiet li kull ħaddiem suppost li jagħmilhom u jaqdihom kuxjenżjożament.

Tajjeb li wieħed jfakkar ukoll li kull min ma jagħmilx dmiru sewwa u jagħti sehemu kollu biex l-azjenda jew il-fabbrika fejn jaħdem timxi ‘l quddiem u tagħmel il-qliegħ ikun qed jonqos gravement, u dan hu serq ukoll. Mhux ġustifikat li wieħed jgħid li la m’għandux salarju jew paga tajba għandu jiskarta mix-xogħol, jew aktar gravi minn hekk jisraq għodda jew jagħmel xogħol privat għalih jew għall-ħaddieħor bi qligħ ta’ flus waqt il-ħin tax-xogħol. Dan huwa serq u wieħed obbligat li jroddu lura!   

Kull ħaddiem jistenna bi dritt li jkollu ħlas xieraq ta’ xogħlu. Min jonqos li jagħti  paga xierqa lill-ħaddiema tiegħu, irrispettivament jekk humiex Maltin jew barranin jew inkella jħaddimhom sigħat itwal minn dak stipulat bil-liġi jkun qed jisraq, u dan jitlob ħaqq quddiem Alla. Ikun qed jisraq dak is-sid, jekk il-ħaddiema tiegħu ma jkollhomx sigurta’ biżżejjed biex teħlishom mill-perikli fuq il-post tax-xogħol, bħal armar adegwat u lbies protettiv skond ix-xogħol u ħtiġijiet  tagħhom.              

Serq sfaċċat

Dan il-kmandament jikkundana wkoll lil dawk kollha li b’xi mod jisirqu direttament jew indirettament lin-nies permezz tan-negozju tagħhom. Insibu diversi tipi ta’ serq, fosthom kull qligħ esaġerat fuq proprjeta’, artijiet, kiri ta’ djar u appartamenti, mobbli, karozzi, laneċ, white products, mediċini, ħwejjeg, ġiti, kotba, tariffi ta’ l-ajru, taxis u ħafna u ħafna  prodotti oħra li jaqbżu l-qligħ dovut skond il-liġi.

Daqshekk ieħor prezzijiet esaġerati ħafna f’prodotti ta’ l-ikel bħalma huma ħut, ħaxix (li  jintrema wara jumejn), ħelu, ikliet f’restoranti, snacks fix-xtut u fil-bajjiet, minerali fid-dicos, ġelati, eċċ: eċċ: U s-serq ikompli jiggrava jekk lit-turist nisirquh għax ma jafx il-prezzijiet tas-suq, u ngħollu l-prezzijiet kull meta jiskarsaw xi prodotti jew nbigħu prodotti skaduti. 

Hemm diversi tipi ta’ reati li bihom aħna nkunu qegħdin niksru dan il-kmandament, fosthom dawn li ġejjin:

  1. min ma jħallas it-taxxa dovuta minnu.
  2. min jabbuża mill-liġijiet soċjali.
  3. min jiskarta fuq ix-xogħol.
  4. min jieħu s-sick leave għalxejn.
  5. min jirreġistra għax-xogħol u jirrifjuta x-xogħol għax ikun qed jagħmel xogħol ieħor.
  6. min jipprofitta ruħu mill-injoranza ta’ ħaddieħor biex jisirqu.
  7. min jipprova jisloħ lill-anzjani jew pensjonanti.
  8. min jipprofitta mill-innoċenza tat-tfal.
  9. min imiss il-flus jew jieħu oġġetti ta’ ħaddieħor mingħajr il-kunsens tiegħu.
  10. min jabbuża mill-ġenerożita tad-dgħajjef.
  11. min bħala ħlas jitlob lil anzjani oġġetti ta’ valur.
  12. min jonqos li ssir ġustizza fuq ix-xogħol.
  13. min jonqos li jagħti jew itellef promozzjoni lil xi ħadd minħabba l-politika.
  14. min jitlef il-ħin fuq il-lant tax-xogħol.
  15. min isellef flus b’imgħaxijiet għoljin.

U sintendi ħafna u ħafna każi oħra fejn is-serq isir fil-moħbi u b’kawtela kbira.    

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com