Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmienna
kitba ta' Joseph Serracino
L-Għaxar Parti
Il-Vizzju tas-Serq

Is-serq hu ħażin dejjem u għalhekk hu kkundanat f’kull sura li jsir.

Minħabba hekk is-serq qatt mhu ġustifikat! Wieħed ma jistax jisraq Lira lil xi sinjur li jippossiedi ħafna ġid bl-iskuża li hu fil-bżonn jew bla xogħol. Dan ukoll huwa serq, u min jagħmel hekk ikun jikser il-kmandament  ‘La tisraqx’.

Daqshekk ieħor huwa serq minn iħalli lill-familja tiegħu nieqsa mill-ħtiġijiet neċessarji biex jissodisfa l-viżżji tiegħu bħalma huwa l-logħob ta’ l-ażżard, karti tal-logħob, lottu, tombla, xorb, droga, ħruġ mal-ħbieb, xalar u viżżji oħra. Wieħed ma rridx jinsa wkoll li waqt li s-serq huwa moralment ħażin u kkundannat minn kulħadd, min jisraq u jitella’ l-qorti jiġi f’ilsien in-nies, jitlef ġieħu u l-fiduċja ta’ dawk kollha li jkunu jafuh u jibqa’ mgħoddi magħhom bħala ħalliel.

 

‘La tixhidx ħaġa b’oħra’

Ħafna drabi matul ħajjitna niltaqgħu ma’ persuni li bi kliemhom jaslu biex jikkonvinċuk kemm bil-mod kif jitkellmu kif ukoll bil-kapaċita’ kif jisfruttaw l-argumenti tagħhom. Imbagħad issib oħrajn li m’humiex konvinċenti fi kliemhom, iżda dawn, meta josservawk li qed tiddubita’ fi kliemhom jibdew jeħodlok ġurament wara l-ieħor fuq idejhom, biex mingħalihom iġegħluk temminhom li dak li qegħdin jgħidulek huma s-sewwa u xejn anqas mis-sewwa.

U biex ngħid is-sewwa, din il-kategorija ta’ nies li jieħdu ġurament qisu mhu xejn nibża’ minnhom u ma nafdahom f’xejn! Fil-fatt, kultant jiġini dubju serju jekk dawn in-nies jafux sewwa t-tifsira tal-ġurament u x’inkunu qegħdin nagħmlu meta jeħduh.

Il-ġurament

Nafu jew ma nafux li meta nieħdu ġurament ikunu qegħdin nsejħu ‘l Alla bħala xhud tagħna f’dak kollu li nkunu qegħdin ngħidu ( f’argument) jew fix-xhieda tagħna fil-qorti. Ma ninsewx li min isejjaħ lil Alla bħala xhud tiegħu f’xiehda falża jkun qed jikser gravement it-tmien kmandament li jwiddibna serjament li m’għandniex nagħtu xhieda giddieba jew qarrieqa kontra l-għajrna.

Li kieku n-nisrani kellu jifhem sewwa r-risponsabbilta’ kbira li jkun jerfa’ fuq spallejh  kull  meta jiġi mitlub biex jieħu ġurament fil-qorti, kieku naċċertakom li minn fommu ma toħroġx kelma żejda għajr biss il-verita’ tal-fatti. Imbagħad tisma’ b’każi fejn hawn min, Alla jaħfrilhom, jeħdulek ġurament  qisu m’huma jagħmlu xejn basta jeħilsu mid-dwiefer tal-ġustizzja, u ma jimpurtahomx min jeħel bil-ħtija tagħhom.

Kull min jagħti xhieda falza jkun qed joffendi lil Alla u lill-proxxmu tiegħu. U din il-ħtija ma tgħoddx biss għal min hu nisrani iżda wkoll għal dawk kollha li għandhom twemmin differenti minn tagħna. Iżda n-nisrani, li suppost dejjem għandu jkun xhieda tat-twemmin tiegħu fi Kristu huwa fid-dmir li mhux biss jgħid dejjem il-verita’, iżda jgħin biex titwettaq il-ġustizzja soċjali fost dawk ta’ madwaru rrispettivament x’inhu t-twemmin jew il-kulur politiku tagħhom. 

Il-Verita’

U din il-kelma li aħna nsejħulha l-verita’ x’inhi t-tifsira tagħha? Meta aħna nistqarru l-verita’ aħna nkunu qegħdin nuru  l-qagħda ta’ dak li hu sewwa u veru jew dak li hu minnu u x’ġara. Kull meta tingħad għandna tingħad b’kuxjenza u bis-sinċerita’ kollha biex permezz tagħha tissewwa kull ħsara li tista’ tkun saret inġustament, ngħidu aħna tixrid ta’ malafama jew kalunnja fuq persuni innoċenti minħabba l-għira jew il-kulur politiku tagħhom. Ma ninsewx li l-malafama u l-kalunnja huma kontra l-virtujiet tal-ġustizzja, u li l-għan tagħhom hu li jeqirdu l-fama tajba, il-ġieħ, ir-rispett u d-dinjita’ tal-proxxmu fis-soċjeta’ tagħna. Għalhekk, kull wieħed, meta nikkummentaw fuq xi ħadd irridu noqogħdu attenti ħafna għaliex aħna għandna responsabbilta’ kbira x’jgħidu fuq  dawk ta’ madwarna.

Daqshekk ieħor irridu noqogħdu attenti meta niġu biex infaħħru lill-ħaddieħor, b’mod speċjali lil dawk li naħsbu li nistgħu niġu bżonnhom. Għalhekk aħna rridu noqogħdu attenti li:

  1. ma nesaġerawx f’dak li nkunu qegħdin ngħidu fuqhom.
  2. li nħollu ilsiena biex mingħalina nkabbru ġieħ dak li jkun mingħajr ma jkun jistħoqqlu.
  3. ma nużawx qerq fi kliemna.
  4. u ngħidu biss dak li sewwa u xejn inqas mis-sewwa għaliex nkunu ħatja ta’ nuqqas gravi.

Daqshekk hu gravi min jiftaħar iżżejjed bih innifsu u jipprova jċekken lill-ħaddieħor.

Gideb

Il-ġideb hu diskors mhux veru jew tgħawwiġ tal-fatti biex wieħed iqarraq bil-proxxmu tiegħu. Kull min jigdeb ma jkunx qed jgħid il-verita’ u għalhekk qed jonqos ma’ min suppost għandu jkun jaf il-verita’kollha. Xi wħud isostnu li l-gravita’ tal-gidba jiddependi ħafna fuq il-ħasra u l-impatt li toħloq u xi kultant skond l-intenzjoni u r-raġuni li tkun inqalet.

Hemm żewġ tipi ta’ ġideb, dawk li permezz tagħhom inissslu l-inkwiet u jġibu l-firda fostna, u oħrajn li ma jnisslu l-ebda ħsara, u li aktarx li meta jingħadu, warajhom dejjem ikun hemm xi ħsieb pożittiv li minnu joħroġ il-ġid. Fiż-żewġ każi nkunu dejjem qegħdin nonqsu mill-verita’, iżda żgur li l-gravita’tagħhom ma titqies l-istess.

Xi kultant nisimgħu l-espressjoni ‘gidba għal bżonn mhix ġidba’ Aktarx li f’dan il-każ, il-persuna li tgħidha ma jkollhiex ħsieb li tqarraq b’xi ħadd, u li l-għan tagħha jkun wieħed pożittiv. Eż: Int għandek żewġt iħbieb li huma miksurin u tnejn jgħidu fuq xulxin.Tiltaqa’ ma’ wieħed minnhom u jibda id-diskors fuq il-kwistjoni tagħhom, u kwarta wara, b’kumbinazjoni tiltaqa’ ma’ l-ieħor. Ta’ l-aħħar jistaqsik jekk rajtx lil dak li darba kien sieħbu, u int bil-ħsieb li taqlax diskors żejjed, tagħżel li tgħidlu le. Veru li f’dan il-każ int qed tonqos mill-verita’ għax m’intiex tgħid is-sewwa, iżda peress li l-intenzjoni tiegħek hi tajba int m’intiex qed tonqos gravement kontra t-tmien kmandament.

L-integrita’ tal-politiċi

Mezz ieħor li s-soċjeta’ tagħna tħoss li għandu jintuża tajjeb u jkun ta’ fejda għall-poplu kollu inġenerali hi l-istampa ( il-gazzetti) u l-mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni soċjali. Il-poplu għandu dritt li dak li jinkiteb fil-gazzetti tagħna u dak li jixxandar fuq ir-radji u televiżjoni għandu jkun ibbażat fuq il-verita’ u bla tgħawwiġ ta’ fatti. Il-politiċI tagħna huma fid-dmir u fid-dover li kull l-informazzjoni li jagħtu dwar materji u dikjarazzjonijiet politiċi li jagħmlu għandhom jaraw li dejjem ikunu bbażati fuq il-verita’, il-liberta’, il-ġustizzja u solidarjeta’ tkun xi tkun l-okkażjoni jew is-sitwazzjoni li jkun għaddej minnu pajjiżna.

Il-poplu għandu dritt li jkun jaf il-verita’ kollha tkun xi tkun iċ-ċirkustanza bla ebda riservi. It-tgħawwiġ tal-fatti jwaqqgħu d-dinjita’ ta’ min jgħidhom u jkun qed iqarraq bin-nies li jisimgħuh.  

Frażi  ħelwa li smajtha snin ilu u bqajt ngħożża hi din: ‘tinsiex li unurek qiegħed fuq il-ponta ta’ lsienek’   Din il-frażi ngħodda bħala twiddibna biex noqgħod attent x’ngħid fuq għajri, għaliex ħafna drabi dak li jaqbeż minn fomm ikun ħiereġ mill-qalb. Il-bniedem sinċier iħobbu u jafdah kulħadd! Għalhekk biex ikunu retti magħna nnfusna u
mal-proxxmu tagħna, aħna għandna dejjem nistqarru l-verita’ u ma jkunux ambigwi fi kliemna. Kliem ambigwu hu nuqqas serju għaliex warajh hemm ħsieb qarrieq li jista’ jdaħħal il-dubji, iħammeġ, itellef il-ġieħ, l-istima u r-ripetuzzjoni tagħna. 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com