Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmiena
kitba ta' Joseph Serracino
Il-Ħdax il- Parti
La tixtieqx il-Mara ta' Għajrek

Id-disa’ kmandament jikkumplimenta lis-sitt kmandament għaliex it-tnejn għandhom minn xulxin u wieħed isaħħaħ lill-ieħor. F’dan il-kmandament  Alla jwiddibna biex ma nixtiequx in-nisa ta’ l-oħrajn u sintendi dan il-kmandament jgħodd l-istess għan-nisa biex ma jixtiequx l-irġiel ta’ oħrajn.

Alla ħalaq lir-raġel u lill-mara bħala xbieha tiegħu u fihom xettell ġibda għal xulxin biex permezz tagħha jiżżewġu u nlissnu l-ulied u d-dinja jitkattar bil-bnedmin. Din il-ġibda nsejħulha ġibda sesswali li tinħass b’mod naturali miż-żewġ sessi meta dawn jibdew  jiżviluppaw, u tibqa’ b’saħħitha sakemm il-bniedem jibqa’ b’saħħtu.

 

Alla għamel kollox sewwa u ħaseb għal kollox, iżda l-bniedem ħafna drabi jabbuża mid-doni li għandu u minħabba hekk jitlef il-paċi u l-kuntentizza tiegħu.

Il-ġibda sesswali

Sintendi din il-ġibda naturali lejn persuni tas-sess oppost hija qawwija ħafna fina lkoll iżda ma taħdimx bl-istess qawwa f’kulħadd. Normalment din il-ġibda taħdem fiżjoloġikament fuq moħħ il-bniedem u tgħinu jagħraf u jagħżel lis-sieħeb jew lis-sieħba li tiġbdu l-aktar, f’termini sempliċI li aħna nsejħulha mħabba. Aktar ma din l-imħabba titkattar u timmatura, aktar iż-żewġ maħbubin ikomplu jinġibdu lejn xulxin sakemm finalment jingħaqdu fiż-żwieq u jnisslu l-familja tagħhom. 

Iżda l-bniedem jista’ jabbuża minn din il-ġibda naturali għaliex is-sensi tiegħu huma dgħajfa u ħafna drabi mhux kapaċi jikkontrollhom tajjeb. Il-ħars ta’ l-għajnejn, megħjun mill-moħħ huwa l-aqwa żewġ  fatturi li  jippossiedi l-bniedem biex jagħmel għażla tiegħu, kemm tajba kif ukoll ħażina. Dawk li jaraw l-għajnejn jiġi trasmess fuq il-moħħ, u dana awtomatikament, f’termini sempliċi jgħid lill-bniedem x’għandu jagħmel jew kif għandu jaġixxi.

Il-moħħ ifassal il-ħsibijiet u x-xewqat kollha tal-bniedem u dawn iqanqlu fih temperamenti li kapaċi jbiddlulu l-burdati tiegħu, f’xi waqtiet jagħmluh   kuntent u f’waqtiet oħra mdejjaq. F’kelma waħda l-għajnejn kapaċi jbiddlu l-burdati tal-bniedem u jemozzjonawh f’kull ħaġa li jaraw tiġri madwaru, u l-moħħ min-naħa tiegħu jiżviluppa, jkattar u jespandi din l-emozzjoni skond iċ-ċirkustanzi u s-sitwazzjoni li jkun jinsab fiha l-bniedem f’dak il-mument.

Twiddiba serja

U għalhekk, peress li l-għajnejn huma l-aktar sensi debboli li għandu l-bniedem u mhux facli li jikkontrollhom il-ħin kollu, in-nisrani rrid iżomm f’moħħu li s-safa ta’ ruħu u l-ħajja ta’ razan jiddependu fuq it-tixrid u l-ħars ta’ l-għajnejn. Ma ninsewx xi nsibu fl-evanġelju ta’ San Mattew f’kapitlu 18, ‘ U jekk għajnejk tfixklek, aqlagħha u armieha: tajjeb għalik li tidħol fil-ħajja b’għajn waħda, milli jkollok għajnejk it-tnejn u tiġi mitfugħ fin-nar ta’ dejjem.’ U din it-twiddiba jagħtiha wkoll għal idejn u għas-saqajn, u jgħidilna, li aħjar nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem mingħajrhom milli jkollna t-tnejn u niġu mitfugħin fl-infern.

Sintendi biex il-bniedem jikkontrolha d-dgħufija tiegħu f’ċirkostanzi fejn il-ġibda tal-ġisem hi b’saħħitha aktar minn dik ta’ l-ispirtu hemm il-maturita’, l-għaqal, is-sens ta’ risponsabbilta’ u l-biżgħa, l-ewwelnett għax noffendu ‘l Alla, u t-tieni rridu noqogħdu attenti minn ilsien il-bniedmin li sfortunatament ħafna minna, allavolja niftaħru li aħna nsara, la nafu ngħadru, la naħfru  u wisq aktar nħennu għall-proxxmu tagħna.
iżda għalkemm aħna nafu b’mod konkret li l-bniedem hu dgħajjef, u ħafna minna nafuh mill-esperjenza tagħna personali u ta’ ħaddieħor, aħna ma nistgħux nużaw din id-dgħufija bħala paravendu biex mingħalina niġġustifikaw għemilna, għaliex il-bniedem samm, barra l-kontroll assolut li għandu fuq l-inġiba tiegħu, huwa wkoll mżejjen bir-rieda li jġiegħlu jiddeċiedi u jaġixxi f’tebqa t’għajn għal kull ċirkostanza li jiltaqa’ magħha. U jekk aħna qegħdin nsostnu li l-ħars tagħna jeffettwa direttament il-moħħ li nstantanjament jiżviluppahom fi ħsibijiet u f’xewqat li kapaċi jbiddluna l-burdati tagħna minn dawk tad-dwejjaq f’oħrajn ta’ ferħ, irridu noqogħdu attenti li l-emozzjoni tagħna ma tkunx ta’ ħsara morali għall-ħaddieħor.

U hawnhekk irridu li noqogħdu aktar attenti. Għaliex mhux kull ma jleqq hu deheb! Li tħares u lejn mara ( jew raġel ) u taraha ħelwa u fiha tara l-kobor t’Alla mhemm xejn ħażin, anżi tkun qed tiggorlifika lil Alla, iżda jekk tħares lejn l-istess mara (  jew raġel ) u tixtieqha, tkun qed tagħmel adulterju magħha f’qalbek u għalhekk tkun qed tidneb kontra d-disa’ kmandament li jwiddibna biex ma nixtiequx nisa ( irġiel) ta’ l-oħrajn.

Separazzjonijiet

Ma ninsewx li fi żmienna qegħdin iħabbtu wiċċna ma’ ħafna problemi relatati mal-familja, fosthom, u forsi l-aktar waħda nkwetanti hi dik tas-separazzjonijiet, fejn ħafna familji, l-aktar żgħażagħ, qegħdin jitolbu separazzjoni u wara jfittxu partner ieħor bħala kumpanija jew biex jibdew relazzjoni ġdida. Sfortunatament ħafna minnhom qegħdin jittraskuraw it-twemmin tagħhom u jibqgħu jissejħu nsara għas-sempliċi raġuni li l-ġenituri tagħhom  għammduhom meta kienu tarbija.

Hemm diversi każi bi storja differenti relatati mas-separazzjoni fosthom dawn:

  1. hemm min jissepera u ma jintrabat ma’ ħadd aktar għaliex jemmen li ż-żwieġ hu rabta dejjiema sal-mewt.
  2. hemm min isostni li sakemm il-mara ( jew ir-raġel ) tkun għadha ħajja huwa għadu marbut magħha. hemm oħrajn, aktarx il-vittma, li jkun għadu jħobb lil mara ( jew  lir-raġel ) u għalhekk jibqa’ jittama li maż-żmien jistgħu jerġgħu jingħaqdu.
  3. hemm oħrajn li wara l-falliment taż-żwieġ tagħhom jibdew jimirħu biex jaraw ma’ min jaqbdu, irrispettivament jekk lejn min iħarsu jkunx għażeb jew miżżewweġ.

Dawn ta’ l-aħħar ikunu qegħdin jiksru gravament id-disa’ kmandament.

Maħfra

Ma ninsewx li l-ħajja hi sabiħa jekk aħna  nikkuntentaw b’għażla li jkunu għamilna u napprezzaw is-sagrafiċċji li jsiru minn kull wieħed minna biex tinżamm l-għaqda fil-familja. Sintendi, ħajjitna hi mimlija sagrifiċċji, u xi kultant il-problemi li jkollna niffaċċjaw fil-ħajja miżżewġa jkunu iebsin ħafna, b’mod speċjali meta tidħol l-infedeta’ fiż-żwieġ.

F’każi simili, li titlob lil dak li jkun biex  jaħfer u jinsa dawn il-ħtijiet u jibda mill-ġdid faċli ħafna biex tnissilhom, iżda iebsin ħafna biex  jaċċettahom min ikun ġarrabhom. Iżda l-maħfra kapaċi tagħtik ħajja ġdida u kalma jekk taħfer sinċerament! Li taħfer mill-qalbek mhix dgħajfija iżda qawwa li ġejja minn Alla u tingħata lil dawk li jkollhom rieda tajba.

Biex ngħixu ħajjitna fil-paċi magħna nnfusna u ma’ dawk ta’ madwarna, irrispettivament mill-istat tagħhom, hemm bżonn li nerfgħu fuq spellejna r-responsabbilta’ tagħna u naċċettaw is-sagrifiċċji li sfortunatament iġġib magħha. Aħna mgħallmin li d-demonju, xogħlu hu li jaqtagħlna qalbna u jdaħħlilna d-dubji f’moħħna għaliex jaf li aħna lkoll dgħajfin. Tinsewx li hu jaf tajjeb li l-qtugħ-il qalb hi l-aqwa arma tiegħu biex lilna jagħmlilna ħajjitna nfern u jtellfilna l-paċi ta’ ruħna

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com