Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Riflessjonijiet soċjali u morali fuq il-Kmandamenti
t' Alla fi Żmiena
kitba ta' Joseph Serracino
It-Tnax il-Parti
La tixtieqx il-Mara ta' Għajrek

Id-Disa’ kmandament jikkumplimenta l-kmandament ta’ warajh  F’dan il-kmandament Alla jwiddibna biex ma nixxenqux għal dar għajrek, ir-raba’ tiegħu, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, il-għoġol jew il-ħmar tiegħu u xejn milli għandu. Waqt li d-disa’ kmandament jikkundana l-ġibda tal-ġisem li aħna nħossu għas-sess oppost, l-għaxar kmandament jikkundana l-ġibda tagħna lejn il-ġid tal-proxxmu tagħna li twassalna biex nużaw il-qerq fi kliemna jew f’għemilna biex naħtfu jew nisirqu dak li mhux tagħna.

Matul ħajjitna niltaqgħu ma’ diversi karattri ta’ nies li jġegħluna nieqfu u nirreflettu dwarhom. Issib min hu ġeneruż u galanton ħafna u dejjem lest li jgħin lill-proxxmu tiegħu, u ssib oħrajn li huma xħaħ ħafna u allaħares tiġi bżonnhom għax m’hemmx l-iċken ċans li jgħinuk. Dawn il-persuni aktarx  jkollhom it-tendenżi li jgħixu fil-għakx u moħħhom dejjem jhewden  x’għandu ħaddieħor u  kif  se jirnexxielu jżied aktar mal-ġid li jkollu bla qatt ma jaħseb li xi darba se jħalli kollox warajh. Miskin moħħ il-bniedem!

U la qegħdin insemmu dan il-karattru, tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li l-parti kbira ta’ dawk li jixxenqu għal xi ħaġa li tkun ta’ ħaddieħor u jixtiequ jakkwistawha aktarx li ssibhom nies għajjurin u jaslu għal kollox. Ngħid għalija nies bħal dawn nibża’ minnhom u ma nafdahomx!

L-għira

B’danakollu hemm żewġ tipi ta’ għira, dik pożittiva bħal ngħidu aħna fl-isports fejn l-atleti jippikaw bejniethom biex jilħqu ċerti livelli, u dik negattiva li tgħir għal persuna oħra li jkollha xi ħaġa li int ma jkollekx bħalha jew tkun tixtieqha. Fil-fatt l-għaxar kmandament jipprojbixxi kull xewqa jew għemil inġust li bih jew permezz tiegħu tagħmel ħsara jew iġiegħel li ssir ħsara lill-ġid ta’ għajrek. B’danakollu persuna li tkun tixtieq takkwista xi ħaġa ta’ ħaddieħor bi ftehim, bi tpartit jew b’xiri dan ma jkunx qed jikser il-liġI t’Alla.

Il-bniedem ta’ rieda tajba, li għandu qalbu miftuħa għal verita’ u jħobb il-proxxmu tiegħu u jixtieqlu l-ġid jibża’ mill-għira, għaliex jaf li din mhux biss  iġġarraf  ir-ruħ iżda  teqred wkoll il-paċi minn qalbu u tagħmillu ħajtu nfern. L-għira għall-ġid tal-proxxmu tagħna u x-xewqa li takkwistah tnissel il-mibegħda, il-malafama, il-kalunnja, il-pjaċir għad-deni u d-dispjaċir għar-risq tiegħu. Għalhekk min jgħir ikun jobgħod lill-għajru u jkun qed jikser l-għaxar kmandament. Li min l-għira ( li wieħed mis-seba’ rjus tad-dnub imejjet) twasslu biex jixtieq ħsara kbira lill-proxxmu ikun ħati ta’ dnub mejjet!

Il-ġid

Il-ġid huwa rigal minn Alla u l-bniedem għandu jagħmel użu tajjeb minnu. Mhux possibbli li kulħadd jikseb il-ġid, u min m’għandux m’għandu qatt jgħir għal min għandu jew jipprova jagħmillu l-ħsara. Jgħidu li bix-xogħol ħotba tagħmel u forsi għal ħafna minna naqblu ma’ dan il-proverbju, iżda hawn min, li b’sagrifiċċju u b’għaqal kbir irnexxielu jikseb fortuna u bil-ġid li għandu qed jagħmel ħafna ġid lill-ħaddieħor. Lil dawn in-nies għandna nirrispettawhom u mhux ngħiru għalihom. Ħafna minnhom jagħmlu karitajiet kbar ma minn fil-bżonn bla daqq ta’ trombi, u ssib minnhom li jgħinu finanzjarjament soċjetajiet u għaqdiet f’diversi lokalitajiet.

Il-ħasra hi, li kull min kiseb il-ġid tiegħu mis-serq jew bl-ingann,  min stagħna minn fuq il-ħaddiema u ma tahomx paga deċenti,  min inganna jew uża lil ħaddieħor biex jikseb ġid li mhux tiegħu, min qarraq, xaħħam jew abbuża mill-pożizzjoni tiegħu biex jikseb il-ġid, dawn kollha għad iridu jagħtu kont ‘l Alla ta’ għemilhom. Noqogħdu attenti, bil-bniedem nistgħu nidħku jew ngħidulu nofs verita’ iżda b’Alla ma jidħak ħadd.  Din mhix ċajta iżda realta’!

Għeluq

Il-bniedem ta’ rieda tajba li jemmen fi Kristu jaf tajjeb li l-kmandamenti t’Alla qegħdin hemm biex iħarishom. Min iħarishom ikun qed jagħti xhieda tat-twemmin tiegħu. Min għal xi raġuni tilef il-fidi, bired jew is-sitwazzjoni li qed jgħix fiha qiegħda taqtagħlu qalbu li jerġa’ lura fil-merħla, l-ewwel pass li għandu jagħmel hu li jfittex saċerdot tal-fiduċja tiegħu u jkellmu dwar il-problemi tiegħu. Huwa għandu dejjem iżomm f’moħħu li Alla jħobbna lkoll u jaf kemm aħna dgħajfa! Huwa mhux biss jagħdirna iżda lest li jaħfrilna dejjem, tkun xi tkun il-ħtija tagħna, basta  sinċerament  nindmu minn ħtijietna. 

Ħafna huma tal-fehma li wasal iż-żmien li s-saċerdoti u r-reliġjużi jinqdew bl-omeliji tagħhom biex l-ispjega  ta’ l-evanġelju tkun aktar matura u applikabbli għal żmienna . Jekk ikun hemm bżonn tkun miktuba, l-importanti hu li tkun konċiża u interessanti. Ħafna jsostnu li s-saċerdoti tagħna għandhom ikunu aktar matura fis-suġġetti li jagħżlu u jitkellmu aktar fil-miftuħ kif in-nisrani ta’ żmienna għandu japplika l-kmandamenti Alla fil-ħajja ta’ kuljum: Barra hekk nistenna fl-omeliji s-saċerdot jitkellem dwar;
il-problemi li jħabbtu wiċċhom il-familja.

  1. l-pjanar tal-familja.
  2. l-isfruttament taż-żgħażagħ u l-problemi li jiltaqgħu magħhom fuq il-postijiet tax-

         xogħol u postijiet ta’ divertiment.        

  1. l-abbużi u l-inġustizzji li jsiru fuq ix-xogħol.
  2. il-problemi soċjali fi żmienna.
  3. is-sagramenti tal-qrar u t-taqbrin.
  4. il-praċetti tal-knisja fi żmienna.

U sintendi magħhom jintagħżlu suġġetti oħra relatati ma’ l-ambjent tax-xogħol u divertiment.

Sintendi, fuq dawn is-suġġetti ssib bosta letteratura stampata. Sfortunatament il-kotra tal-poplu tagħna huwa għazzien fejn jidħol il-qari u ħafna minna aktarx jaqralek biss xi siltiet mill-gazzetta kuljum, l-aktar fejn jidħlu l-abbarijiet u l-isports. Ma nimmaġinax li koppja se jaqbdulek ktieb dwar il-problemi taż-żgħażagħ jekk huma għandhom uliedhom miżżewġin u sakemm damu id-dar qatt ma nkwetawhom. Oħrajn li jħobbu jaqraw ma naħsibx li se jaqbdulek il-Bibbja jew il-Ktieb tal-Katekiżmu, mhux għax se jagħmlu xi ħaġa ħażina li jaqrawlek xi passaġġi minnhom, iżda normalment jaqbdulek kotba b’suġġetti varji li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-reliġjon.

M’għandix l-iċken dubju li f’kull dar tal-familja Maltija u Għawdxija għandek issib koppja tal-Bibbja u forsi wkoll tal-Katekiżmu Kattoliku, iżda dan ma jkun jiswa xejn jekk almenu ma jinqrawx xi siltiet minnhom. Ngħid is-sewwa, il-ktieb tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika sibtu ta’ għajununa kbira u gwida fejjieda biex irnexxieli nsawwar din il-kitba dwar il-kmandamenti t’Alla. Għalhekk jien nissuġġerixxi lill-qarrejja ta’ din il-gazzetta biex min għandu kopja tal-katekiżmu fil-librerija tiegħu jkompli jaqra fuq dan is-suġġett u janalizza ħajtu skond it-tagħlim li hemm maħżun fih.

Għalhekk, meta illum kulħadd jaċċetta l-fatt li l-kotra tal-poplu tagħna tħossha bi tqila biex taqbad ktieb reliġjuż u jaqra siltiet minnu, naħseb li wasal iż-żmien li s-saċerdoti u r-reliġjużi tagħna jindew aktar bl-omelija tagħhom, u ma’ l-ispjega ta’ l-evangelju jagħmlu reflessjonijiet  qosra kif in-nisrani tal-lum għandu josserva l-kmandamenti u l-praċetti tal-knisja.

Lis-saċerdot jien nistħajlu bħala surmast li dejjem lest biex jgħallem is-suġġett tiegħu lill-istudenti li jkunu ħerqana li jitgħallmuh u jattwah tul ħajjithom kollha. L-istudenti huma aħna, li ta’ kull nhar Ħadd waqt is-smigħ tal-quddies, b’attenzjoni kbira nisimgħu lis-saċerdot iwasslilna l-kelma t’Alla bbażata fuq l-evanġelju u mifruxa soċjalment fuq l-għaxjien tagħna ta’ kull jum u fuq l-imħabba lejn il-proxxmu tagħna. Jien konvint li l-poplu tagħna huwa għatxan għat-tagħlim u jixtieq li jkun jaf aktar u aktar dwar l-imħabba t’Alla lejna l-bnedmin, dwar l-osservanza tal-kmandamenti u l-praċetti tal-knisja u speċjalment  dwar  l-imħabba tal-proxxmu u t-tifsira tal-maħfra.

Nittama li din il-kitba sservi ta’ ġid għal dawk kollha li jaqrawha.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com