Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

IL-KAN. KANT DUN ĠUŻEPP BONELLO
Ħamsin Sena Saċerdot
kitba ta’ MARIO ATTARD
It-Tlieta, 13 ta’ Settembru 2005

 

Daħla

Avveniment partikulari miċ-ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Madonna tal-Kor kienet quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla fl-okkażjoni tal-ħamsin sena mindu  l-Kanonku Kantur Dun Ġużepp Bonello sar qassis.

Dun Ġużepp, kif inhuwa magħruf u miżmum b’rispett kbir magħna l-Bormliżi kollha, iddedika ħajtu jxerred il-kelma ta’ Alla u jgħin fil-formazzjoni Nisranija fil-belt Cospicua.

Sabiex dak li jkun ikun jaf jekk il-poplu Bormliż kollu għarafx u laqa’ l-ħidma twila ta’ Dun Ġużepp, kien biżżejjed imur fil-knisja parrokkjali għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr u jkun jaf kif il-Bormliżi attendew bi ħġarhom u mill-qalb.

Il-Kanonku Bonello huwa bin Bormla fejn twieled eżattament fi Strada Toro (jew aħjar Triq il-Gendus) nhar it-30 ta’ Novembru 1927.

Huwa kien il-wild uniku ta’ Nazzareno u Antonia li fi xbubitha kien kunjomha Buhagiar.

Min huwa Dun Ġużepp Bonello?


Studja fis-Seminarju kif ukoll fl-Universita’ ta’ Malta. Bħala Seminarista, Dun Ġużepp Bonello kellu miegħu lil Dun Gastav Barbara. Fil-fatt, nhar is-7 ta’ Awissu 1955, iż-żewġ semnaristi Bormliżi saru saċerdoti. Kan. Dun Ġużepp BonelloNhar il-festa ta’ Sant’Andrija 1957, f’għeluq it-tletin sena tiegħu, Dun Ġużepp sar Kanonku tal-Kolleġġjata Arċipretali ta’ Bormla flimkien mal-Kan. Dun Gustav Barbara. Waslet is-sena 1980 u sar Prepostu. Ħmistax-il sena wara nħatar Kantur tal-Kapitlu  -  kariga li għadu jokkupa sal-lum. Huwa s-Sagristan Maġġur tal-Kolleġġjata kif ukoll l-Arkivista ta’ l-istess parroċċa. Barra minn hekk Dun Bonello huwa l-prokuratur tal-festa ta’ San Ġużepp f’Bormla fejn fl-2003 ħa ħsieb li tittalla’ akkademja biex jitfakkar l-ewwel ċentinarju mindu Abram Gatt lesta l-vara devota ta’ San Ġużepp li għandna ġewwa l-parroċċa tagħna.  Għamel żmien twil jieħu ħsieb il-knisja ta’ San Pawl ta’ Bormla. B’żieda ma’ kulma għedna, irridu ngħidu li Dun Bonello huwa predikatur imfittex b’mod partikulari għall-paneġierki kif ukoll għall-eżerċizzji spiritwali. Fl-istess waqt huwa wkoll awtur ta’ artikli storiċi, profili u ta’ avvenimenti storiċi.


Minbarra l-kariga fil-Kapitlu ta’ Bormla, Dun Ġużepp huwa uffiċjal tal-Kurja Arċiveskovili ta’ l-Arċisqof fil-Furjana. Fil-fatt issa ilu jaħdem fil-Kurja għal  ħamsin sena. Fl-1985 beda jservi ta’ Viċi Kanċillier fil-Kurja Arċiveskovili. Huwa r-raba’ Direttur Spiritwali tal-Grupp Kultura Marjana.


Fil-ħidma pastorali tiegħu ġewwa Bormla, lill-Kan. Kant. Dun Ġużepp Bonello insibuh Direttur tal-Fergħa tan-Nisa tal-Leġjun ta’ Marija, jieħu ħsieb il-Grupp Familji Nsara kif ukoll taċ-Ċenaklu Opri tal-Vokazzjonijiet. Insibuh ukoll għal għoxrin sena sħaħ bħala Direttur taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara f’Bormla. Fil-preżent huwa d-Direttur Spiritwali tal-Każin tal-Banda ‘San Ġorġ‘ ta’ Bormla.

Jagħlaq 50 sena Saċerdot

Nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Ġunju 2005 fis-sebgħa ta’ fil-għaxija ħarġet quddiesa solenni kkonċelebrata ta’ radd il-ħajr tal-ħamsin sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tal-Kan. Kant. Dun Ġużepp Bonello. Bi knisja maħnuqa bin-nies, il-konċelebrazzjoni ntemmet bil-kant tat-Te Deum u l-Antifona. Wara l-quddiesa, il-Kanonku Bonello għamel riċeviment kbir fis-sala tal-Każin tal-Banda ta’ Bormla. Hemmhekk, iltaqa’ man-nies li minbarra rigali ta’ apprezzament leali lejh, bir-raġun kollu tawh ukoll l-Ad Multos Annos.


Il-quddiesa ta’ radd il-ħajr tikkuntrasta mal-quddiesa simili li kienet saret mal-għaxar snin qabel fl-istess parroċċa ta’ Bormla. Dak in-nhar, it-tieni Sibt tal-Madonna - it-2 ta’ Settembru 1995 - saret konċelebrazzjoni b’tifkira ta’ l-erbgħin sena saċerdozju ta’ Dun Ġużepp Bonello u l-mibki Dun Gustav Barbara. Dak in-nhar kienet saret omelija mqanqla u sabiħa mill-Arċipriet preżenti il-Kan. Dun Joe Mifsud. Dak in-nhar ma naqsetx lanqas li tkun imballata bin-nies bħala sens ta’ approvazzjoni u rikonoxximent lejn dawn iż-żewġ qassisin Bormliżi.


Nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Settembru 2005 fis-7.30 p.m. numru sabiħ ħafna ta’ ex-membri taż-Ż.Ħ.N. ta’ Bormla organizzaw Get-Together fil-Corinthia Jerma Palace Hotel, Marsascala. Din l-okkażjoni, bdiet b’quddiesa kkonċelebrata minn Dun Bonello nnifsu fl-istess lukanda u wara saret ikla. Dan kollu sar sabiex tkun iċċelebrata l-ħamsin sena ta’ saċerdozju ta’ Dun Ġużepp Bonello, li kien id-Direttur Spiritwali tagħhom meta kienu fiż-Ż.Ħ.N. u fl-istess waqt, fl-okkażjoni tal- festi ċentinarji jiltaqgħu flimkien u jroddu l-ħajr lil Alla tal-grazzji kbar li tahom. Jiena li kont ukoll preżenti, nista’ ngħid li rajt lil Dun Bonello ferħan se jtir u bil-kemm irid jemmen bil-merħba sabiħa li tawh.

Isir Direttur Spiritwali tal-Banda ‘San Ġorġ‘

Fsi-Seduta Ġenerali tal-Kumitat tal-Banda ‘San Ġorġ‘ ta’ Bormla li kienet saret f’Marzu 1969, il-Kumitat imsemmi ħatar lil Dun Ġużepp Bonello bħala d-direttur Spiritwali tal-Banda Bormliża. Il-Kumitat wasal għal din  id-deċIżjoni li l-mewt ta’ l-ex-Direttur spiritwali tagħha, il-Kan. Dun Ġużepp Cutajar, li kien ukoll l-Arċipriet ta’ Bormla. L-Arċipriet Cutajar kien miet nhar is-27 ta’ Settembru 1968.


Minn dak in-nhar tal-ħatra tiegħu bħala Direttur Spiritwali tal-Banda tagħna, għaddew 36 sena. Bħal dejjem Dun Bonello dejjem ħa interess fil-każin ‘San Ġorġ‘ ta’ Bormla. Fil-fatt nistgħu ngħidu li kważi dejjem attenda għall-attivitajiet  li jsiru  fil-każin, inklużi s-seduti ġenerali.


Il-Kan. Kant. Dun Ġużepp Bonello dejjem fehem il-problemi tas-soċjeta’ filarmonika tagħna. Mhux l-ewwel darba li rregala wkoll xi għotja lill-każin li tiegħu huwa d-Diretttur Spiritwali. Bħala eżempju nsemmu l-bandiera l-kbira tal-Papa li għadha tittajjar sal-lum kif ukoll l-inkwadru kbir u sabiħ tal-vara ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni li jilqa’ lil kull min ikun tiela’ fis-sala tal-Każin. Fi żmieni meta kont membru taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, kien jinżamm fil-bini taż-Ż.Ħ.N. (li llum twaqqa’ u floku hemm id-Dar ta’ l-Anzjani.

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com