Untitled Document
Top Banner
 home articles directory  photo galleries archives pastoral programe

Il-50 Sena ta' Ordinazzjoni
saċerdotali tal- Kan. Pen. Dun Joe Abela

Kan. Pen. Dun Joe AbelaDun Joe, kif hu magħruf fost dawk qrib tiegħu, ġie ordnat saċerdot 50 sena ilu, eżattament nhar is-17 ta’ Marzu, 1956, festa ta’ San Patrizju.

Twieled fiż-Żejtun nhar l-1 ta’ Novembru, 1931, festa tal-Qaddisin Kollha, iben Carmelo Abela, ħaddiem fid-Dockyard, li kuljum qabel jidħol għax-xogħol kien jisma’ l-Quddiesa fil-knisja ta’ San Pawl, hawn Bormla u spiss kien iqerr għand il-Kan. Burlo`, li sar ħabib tiegħu ħafna. It-tifel, Joe Abela sar ħabib ta’ ħafna Bormliżi fi tfulitu u ż-żgħożija tiegħu, meta dawn marru rifuġjati fiż-Żejtun, fosthom il-Kan. Ġużeppi Bonello u Gustav Barbara, meta kienu għadhom tfal. Studja fl-Iskola Primarja taż-Żejtun fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, u fis-sena 1943 għadda għal-Liċeo. Kien membru tal-kor fil-Juventutis Domus u jattendi regolarment għad-duttrina fil-M.U.S.E.U.M. tas-subien. Fil-fatt hu jagħraf il-formazzjoni reliġjuża tiegħu bħala tifel lil din is-soċjeta`, u jieħu gost jgħid li ħafna minn sħabu fil-M.U.S.E.U.M. saru saċerdoti djoċesani jew reliġjużi.

Fl-1948, Dun Joe beda l-istudji tiegħu fl-Universita` ta’ Malta, fejn iggradwa B.A. (Hons.) fil-Lingwa u Letteratura Ngliża, u Lic.D. fit-Teoloġija. Ordna saċerdot fl-1956, u wara sena jgħallem fis-Seminarju Minuri, beda l-istudji tiegħu speċjalizzati fl-Istorja tal-Knisja fuq borża ta’ studju mill-Universita` ta’ Malta fl-Universita` Gregorjana, Ruma, immexxija mill-Patrijiet Ġiżwiti. Wara, għal aktar minn 30 sena għallem l-Ingliż u l-Istorja ta’ Malta u l-Ewropa fis-Seminarju, u l-Istorja tal-Knisja Universali lir-Reliġjużi, filwaqt li kompla jaqdi d-dmirijiet saċerdotali fiż-Żejtun, fejn ukoll għamel xi żmien kappillan tal-Isqfijiet Emm. Galea u Emm. Gerada. Meta fl-1991 spiċċa mit-tagħlim, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħatru Awditur fit-Tribunal tal-Knisja, fejn dam jaħdem għal madwar ħames snin oħra.

Bħala rikonoxximent tal-kontribut li hu ta lill-Knisja f’Malta, fuq talba tal-Kapitlu ta’ Bormla meta Arċipriet kien il-mejjet Kan. Victor Cilia, l-Arċisqof ħatru Kanonku tal-Kolleġġjata Marija Immakulata ta’ Bormla, f’Ġunju tas-sena 1993. Il-Kan. Abela ħa ħafna pjaċir b’din il-ħatra u kien baqa’ mpressjonat kemm il-Bormliżi jeħduhom bis-serjeta` l-funzjonijiet fil-knisja ta’ l-Immakulata u kemm jafu jorganizzaw il-festi. Kien żmien meta l-parroċċa ta’ Bormla kienet qiegħda tiċċelebra għeluq il-ħamsin sena mill-famuż pellegrinaġġ meta nġiebu lura minn Birkirkara l-vara tal-Kunċizzjoni u l-kwadru tas-Santwarju. F’Bormla għamel żmien twil Assistent Ekkleżjastiku ta’ l-Azzjoni Kattolika. Dun Joe għandu ħafna għal qalbu l-Istorja tal-Knisja f’Malta, u fil-fatt kiteb numru kbir ta’ artikli fuq dan is-suġġett, xi wħud minnhom dwar il-knisja ta’ Bormla u s-saċerdoti tagħha. Ippubblika wkoll xi kotba, u kontinwament sejjer b’riċerka storika. Il-Kunsill Lokali Żejtun onorah bit-titlu “Ġieħ iż-Żejtun”, filwaqt li l-Kapitlu ta’ Bormla ħatru Kan. Penitenzier. Bħalissa jaqdi d-dmirijiet tiegħu saċerdotali f’Bormla, fiż-Żejtun u f’Wied il-Għajn, fejn f’kull weekend jabita għand in-neputija tiegħu.

Nifirħu lil Dun Joe u nixtiqulu Ad Multos Annos .

 

 

© 2017 Parroċċa ta' Bormla
design by brianbuhagiar.com